Sorijiet u prostituti

Fiona Vella

miktuba minn Fiona Vella

altGħaddejt minn quddiem il-Knisja tal-Maddalena kemm il-darba mingħajr qatt ma bsart xi storja kien hemm warajha. Madanakollu, minn dejjem naffarni l-ħsieb li din il-knisja antika kienet għamlet żmien tiġi utilizzata bħala post fejn jinħadmu l-karrijiet tal-karnival. Iżda kien biss ftit tal-jiem ilu, waqt li kont qed inħuf għal xi erba’ kotba interessanti fil-Fiera tal-Ktieb, meta finalment ġejt wiċċ imb wiċċ mar-realtà tad-destin ta’ din il-binja. Kien it-titlu tal-ktieb Magdalene Nuns and Penitent Prostitutes – Valletta li għall-ewwel sammarni fil-post u sfidani nqalleb il-paġni ħalli nara dwar xiex kien jitratta. Naturalment ma stajtx nitlef l-opportunità li nkellem lill-awtriċi tiegħu, Christine Muscat, u minn hemmhekk infetħet dinja sħiħa ta’ dokumenti antiki u stejjer mistura, intriċċi u misteri, voti tas-sorijiet tal-klawsura u ittra ta’ mħabba miktuba lil waħda minnhom li nstabet fil-Biblijoteka Nazzjonali, ħajjiet ta’ sorijiet konnessi ma’ dawk tal-prostituti, u kripta mirduma bil-fdalijiet tas-sorijiet tal-Maddalena tistenna sakemm xi ħadd jerġa’ jsibha ħalli jagħti lura d-dinjità lil dawn in-nisa, illum minsija imma li fi żmienhom kienu tant magħrufa.

Kien artiklu ta’ Giovanni Bonello li kellu t-tema tal-prostituti u l-korteġġjani ta’ żmien l-Ordni li ispira lil Christine biex timraħ aktar dwar dan is-suġġett. Peress li hija gwida, ma damitx ma ħarġet bl-idea li tibni programm interessanti għall-viżitaturi tal-Belt relatat ma’ dan is-suġġett u l-inħawi antiki tiegħu. It-tfittxija għall-postijiet adattati ħaditha fosthom quddiem il-Knisja tal-Maddalena u hekk kif bdiet tirriċerka ftit l-istorja tagħha, mill-ewwel sabet ruħha affaxxinata b’dak li beda ħiereġ, tant li spiċċat biex kitbet teżi sħiħa mit-tagħrif li sabet sabiex bih kisbet il-grad ta’ Master fl-Istudju tal-Ospitallieri. Eventwalment din ir-riċerka tant intlaqgħet tajjeb li l-pubblikaturi, Book Distributors Ltd, iddeċidew li kien jixirqilha tiġi ppreżentata fi ktieb.

altFatt kurjuż huwa li meta Christine bdiet tistaqsi madwarha ħalli tikseb informazzjoni dwar din il-knisja u s-sorijiet tagħha, ftit li xejn kien hemm min kien jaf dwarha. Donnhom dawn is-sorijiet tal-Maddalena kienu ġew imħassra kompletament mill-memorja kollettiva ta’ dan in-nazzjon, bħallikieku xi ħadd xtaqhom jintesew għal kollox. Iżda huwa waqt każi bħal dawn li l-arkivji juru l-potenzjal tagħhom, hekk kif aktar ma l-awtriċi bdiet tistinka biex tiġbor it-tifkiriet ta’ dawn is-sorijiet, iżjed bdiet toħroġ l-evidenza tal-eżistenza tagħhom.

L-istorja teħodna lura lejn żmien l-Ordni, meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann ġew ordnati jħallu Rodi u sabu ruħhom jgħixu hawn Malta. Fost ir-refuġjati li ġew minnRodi flimkien mal-kavallieri, kien hemm ukoll għadd ta’ prostituti li segwew lill-klijenti tagħhom f’pajjiżna. Riżultat t’hekk, il-pjaga tal-prostituzzjoni fil-gżejjer tagħna, kompliet terfa’ rasha u kibret b’rata allarmanti, tant li fl-aħħar tas-seklu 17, viżitatur Franċiż ikkummenta li ma kienx hemm post fid-dinja fejn il-mard venerali seta’ jittieħed aktar malajr mill-gżira ta’ Malta. Aktar tard, fit-18 il-seklu, il-vjaġġatur Ġermaniż von Riedesel sostna li fil-belt Vallettama kienx għad fadal mara waħda onesta! Rapporti bħal dawn, għalkemm ċertament esaġerati, ma damux ma ġibdu bosta kritika fuq l-Ordni fejn din ġiet akkużata li ma kienet qed tagħmel xejn biex toħnoq din il-problema fil-gżejjer Maltin. Għaldaqstant dawn fetħu monasteru għas-sorijiet tal-klawsura tal-Maddalena li kien jinsab biswit il-monasteru ta’ Sant’Ursula l-belt Valletta, sabiex fih setgħu jinġabru dawk il-prostituti ripentiti li ma xtaqux ikomplu b’din il-ħajja tad-dnub u minflok jieħdu l-voti tal-kastità, il-povertà u l-ubbidjenza. Ta’ min isemmi li din ma kinetx xi idea oriġinali tal-kavallieri ta’ Maltagħax monasteri tas-sorijiet tal-klawsura tal-Maddalena kien hemm f’diversi pajjiżi, speċjalment fejn kien hemm il-portijiet u t-taħlit tan-nies li sikwit kienu jwasslu għall-firxa tal-prostituzzjoni.

Għall-ewwel dawn is-sorijiet bdew mix-xejn u meta fl-1596 żarhom l-Inkwiżitur Innocenzo delBufalo de Cancellieri huwa kiteb lill-Kardinal Aldobrandini f’Ruma biex jgħarrfu li dawn in-nisa kienu qed imutu bil-ġuħ u li l-binja tagħhom kienet kiesħa silġ. Mill-ġdid din l-aħbar qanqlet ħafna kritika lejn l-Ordni u dawn ma kellhomx għażla ħlief li jirrimedjaw din il-problema billi jibnu monasteru ġdid għal dawn is-sorijiet. Pjanti antiki tal-monasteru l-ġdid juru li dan ġie mibni madwar bitħa ċentrali twila u dejqa u li kien magħmul minnbinja sħiħa rettangolari li kienet tinsab bejn Triq Merkanti (dak iż-żmien Strada San Giacomo) u Triq it-Tramuntana (Strada Sant’Elmo). Issa dawn is-sorijiet kellhom post lussuż fejn kellhom l-ilma tagħhom u saħansitra funtana. Barra minnhekk, il-knisja li kienet tagħmel parti mill-monasteru, bdiet tiżżejjen b’xogħolijiet tal-aqwa artisti ta’ dak iż-żmien bħal Filippo Paladini u Mattia Preti.

Il-finanzi ta’ dan il-monasteru kienu jidħlu minndiversi sorsi fosthom: mid-doti li kienu jġibu magħhom is-sorijiet, mid-donazzjonijiet, mill-fondi li kienu dovuti kull sena mill-Ordni, u mill-fondazzjoni ta’ Ġirolama Ciantar li ħalliet somma ta’ flus li biha tmien tfajliet mis-Siġġiewi bil-kunjom Ciantar, setgħu jiddaħħlu bħala sorijiet f’dan il-monasteru mingħajr ma jħallsu d-dota dovuta. Imma ċertament l-aktar sors sinifikanti minnfejn dawn is-sorijiet bdew jibnu l-assi tagħhom kien permezz ta’ taxxa li ġiet imposta fuq il-prostituti kollha li kien hemm f’Malta f’dawk iż-żminijiet, fejn dawn kellhom iħallsu 20% ta’ flushom, tal-propjetà tagħhom u ta’ dak kollu li kienu jippossjedu, sabiex bihom is-sorijiet tal-Maddalena setgħu jieħdu ħsieb l-ispejjeż tal-monasteru tagħhom. Din it-taxxa li oriġinarjament ġiet introdotta f’Ruma mill-Papa Klement VIII fl-1602, kienet qajjmet fervent sħiħ fost il-prostituti ta’ Ruma u l-istess ġara f’Malta meta l-Granmastru nġieb f’pożizzjoni li jrid u ma jridx idaħħal l-istess regola f’pajjiżna. B’inġenjożità, b’manipulazzjoni u b’kapaċità li wieħed ma jistenniex minnsorijiet tal-klawsura magħluqa bejn erbgħa ħitan fis-seklu 17 u 18, dawn in-nisa rnexxielhom jibnu fortuna kbira, tant li wara ċertu ammont ta’ snin, il-ħajja tagħhom fil-monasteru kienet fost l-aktar lussużi.

F’monasteru fejn kien hemm nisa ta’ oriġini sinjura u edukata mħallta ma’ oħrajn li minndejjem kienu foqra, b’uħud minnhom li daqu anki d-dinja tal-prostituzzjoni, ma setax jonqos li jkun hemm bosta kunflitti interni. Infatti, bħal f’kull monasteru ta’ dak iż-żmien, kien hemm is-sorijiet koristi li kienu jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ l-artijiet u l-investimenti li kellu l-monasteru, u s-sorijiet servjenti li kellhom ir-responsabbiltà tax-xogħol domestiku, u din ir-realtà kienet toħloq ġerarkija bejniethom. L-inkwiet kien jinqala’ wkoll meta kienu jiġu mposti fuqhom xi nies li ma kienux jaqgħu taħt ir-regola tal-monasteru fejn kien hemm spjegat ċar li huma ma setgħux jaċċettaw morda, xjuħ u nisa tqal. Infatti kien hemm inċidenti meta r-rabja ta’ xi sorijiet qabżet il-linja mhux ħażin, bħal meta wħud minnhom ippruvaw joqtlu tfajla tqila li ntbagħtet tgħix magħhom permezz tal-velenu! Att li kien infurja lill-Inkwiżitur Giovani Ottavio Mancinforte li meta sar jaf b’din l-istorja, huwa ordna l-għeluq tal-monasteru u tal-knisja tiegħu u l-iskomunikazzjoni tas-sorijiet. Kien biss għal xi intermedjarji li daħlu għalihom li kkalmaw is-sitwazzjoni meta s-sorijiet kellhom jiskużaw ruħhom anki jekk kontra qalbhom.

Il-poter u l-kuntatti li kellhom uħud minndawn is-sorijiet kien qawwi ħafna u dan kien ċar min-numru ta’ ġrajjiet li l-awtriċi rnexxielha tislet mid-dokumenti. Iżda ċertament waħda mill-aktar fatti impressjonanti huwa dak tas-soru ripentita Sister Dorothea Valenti, li kienet eks-korteġġjana tal-Granmastru De Paule. Ġara li meta din ġiet irrifjutata milli tkun il-korteġġjana tas-suċċessur ta’ De Paule, hija ddeċidiet li tidħol bħala soru tal-Maddalena u magħha ħadet 18,000 skud u lil bintha Anna li kellha tliet snin. Peress li r-regola tal-monasteru ma kinetx taċċetta li t-tfal jgħixu ma’ dawn is-sorijiet, Valenti għamlet talba speċjali lill-Papa Urban VIII u dan aċċetta li bintha titħalla tgħix magħha, bil-patt u l-kundizzjoni li meta t-tifla ssir adoloxxenti tieħu l-voti tal-klawsura. U hekk sar. Infatti Anna Valenti saret soru tal-klawsura imma wara xi żmien din ħalliet il-monasteru u jidher li ħadet l-isem ta’ Anna Pitard.

altFost il-paġni ta’ dan il-ktieb intriganti, wieħed isib ukoll kopja ta’ ittra ta’ mħabba li l-awtriċi sabet arkivjata flimkien mad-dokumenti antiki tal-Biblijoteka Nazzjonali. Fiha, l-awtur anonimu li kien il-maħbub ta’ ċerta Giuditta għal 33 sena sħaħ, jinfurmaha li kien sejjer ikellem lill-Papa u sadanittant jissuġġerilha wkoll biex tilbes żarbun tat-takkuna u tibda titla’ u tinżel it-taraġ bih ħalli ma tintelaqx. L-ittra twebblek li forsi finalment dawn il-maħbubin kienu ser jieħdu xi deċiżjoni biex jibdew xi ħajja flimkien. Madanakollu, Christine irnexxielha ssib soru li kien jisimha Sister Giuditta Novi li kienet tgħix fil-monasteru fil-perjodu tal-ittra u din mietet hemm erbgħa snin wara d-data ta’ dan il-messaġġ.

Bi storja ta’ aktar minn200 sena, wieħed jista’ jimmaġina kemm hemm aktar rakkonti f’dan il-ktieb. Imma l-ispazju f’dan l-artiklu jitlobni biex issa nasal għall-perjodu meta l-ħajja ta’ dawn is-sorijiet inbidlet minnlejl għan-nhar hekk kif Maltawaqgħet taħt idejn il-Franċiżi. Infatti kien biss ġimgħa wara l-wasla tal-ħakkiema l-ġodda meta s-sorijiet irċevew ittra mingħand l-awtoritajiet li kienet qed tinfurmahom li l-monasteru tagħhom kien ġie soppress u li huma kellhom jitilqu minnhemm fi żmien ġurnata u jħallu kollox warajhom. Christine tiddeskrivi b’mod imqanqal dawn is-siegħat tat-twehir hekk kif dawn is-sorijiet b’ta’ fuqhom senduqhom, ġew akkumpanjati mis-suldati Franċiżi armati bil-bajjunetti, sabiex imorru jgħixu flimkien mas-sorijiet ta’ Santa Katarina li kien jinsab ftit passi ‘l bogħod mill-monasteru tagħhom, fejn baqgħu jgħixu sakemm mietu. Jidher li maż-żmien huma rnexxielhom jiġbru xi affarijiet li kellhom fil-monasteru tagħhom, imma l-biċċa l-kbira tal-affarijiet għosfru. Akkost li meta telqu l-Franċiżi minnMalta, il-ħakma Ingliża rritornat il-monasteri lura lis-sorijiet u lill-patrijiet li kienu jgħixu fihom qabel, dan ma seħħx mas-sorijiet tal-Maddalena. Anzi huwa kurjuż il-fatt li meta s-sorijiet bagħtu t-talba tagħhom lill-awtoritajiet biex jingħatawlhom lura l-possessjonijiet tagħhom, inkluż il-monasteru, huma rċevew l-informazzjoni dettaljata li kienu bagħtulhom lura b’sempliċiment sentenza miktuba fuqhom li kienet tispjega li r-rikjesta tagħhom kienet ġiet injorata! Minnhemm l-istorja ta’ dan il-monasteru u s-sorijiet tiegħu tant titħawwad li hu diffiċli ħafna biex tispjega eżatt x’ġara. Intant, parti kbira minndan il-monasteru ġġarfet meta l-post intlaqat bil-bombi waqt it-tieni gwerra dinjija.

L-awtriċi rnexxielha ssib il-postijiet fejn uħud mill-aħħar sorijiet tal-Maddalena ġew midfunin; fosthom 31 soru jinsabu midfuna fil-kripta tal-monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta. Iżda Christine għandha xewqa kbira li xi darba tiġi nvestigata l-kripta li jidher li hemm wara l-kor tal-knisja tal-Maddalena li fis-sena 1866 kienet infetħet aċċidentalment minnxi ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq il-bini tal-iskola biswit. Achille Ferris ħareġ rapport dettaljat dwar dak li sab fejn fosthom irrimarka dwar ir-raffinatezza tal-arkitettura tal-kripta u anki dwar is-sejba ta’ xi fdalijiet ta’ sorijiet midfuna fuq il-qiegħa tal-art, fejn waħda minnhom kienet għadha liebsa l-abitu.

altFl-istess ħin, l-awtriċi traċċat ukoll żewġ kwadri li juru xeni tal-Maddalena ma’ Ġesù bit-titlu Noli me tangere (la tmissnix), li jidher li kienu jappartjenu lil dan il-monasteru. Wieħed minndawn il-kwadri qiegħed fil-monasteru ta’ Santa Katarina filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard. F’ritratt antik u rari tal-intern tal-knisja tal-Maddalena, Christine irnexxielha tilmaħ wieħed minndawn il-kwadri wara l-artal maġġuri. Issa hi tixtieq li xi espert fil-qasam tal-arti jikkonferma jekk xi wieħed minndawn il-kwadri huwiex xogħol ta’ Filippo Paladini kif jingħad ħalli b’hekk tkompli tinħall il-kobba dwar din l-istorja.

Meta Christine avviċinat lill-Kunsill Lokali tal-Belt Vallettaperess li xtaqet tagħmel il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb tagħha fil-knisja tal-Maddalena, hija mill-ewwel sabet għajnuna kbira. Imma hekk kif fetħu l-bieb tal-knisja huma sabuha fi stat tal-biki: bl-ilma dieħel mis-saqaf tagħha u b’ħitan mimlija graffiti u bi kliem oxxen. Permezz ta’ fondi mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-knisja ġiet imnaddfa mill-imbarazz li kien fiha, is-saqaf ġie kkurat u l-ħitan tnaddfu. Il-Kunsill xtaq anki jsib fondi biex jiftaħ il-kripta ħalli b’hekk din l-istorja li reġgħet ingħatat ir-ruħ, tkompli twassal għal aktar żviluppi f’dan il-qasam, imma s’issa dan ma kienx possibbli. Nemmen li proġett bħal dan ikun validu ħafna għas-settur kulturali tagħna għax barra li jkun qed iservi biex jikseb lura parti mill-istorja ta’ pajjiżna u anki mill-istorja tan-nisa lokali (li bosta drabi jitħallew barra mill-kotba tal-istorja), għandu l-potenzjal ukoll li joffri sit b’laqta differenti fil-qasam turistiku.

Żgur li dan ix-xogħol ġdid ta’ Christine Muscat ser iqanqal ħafna interess f’dawn il-ġrajjiet u f’din il-knisja li llum tidher tant umli minnbarra meta fir-realtà għandha storja daqstant rikka u affaxxinanti. Ormaj m’għandix dubju li din l-istorja mhiex ser tieqaf hawn…

(Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (6 Parti) fit-Torċa tat-8 ta’ Diċembru 2013)