Għall-Films tar-Radio City

altGħandi ħbieb ġodda. Maġenbna ġiet familja kbira, ta’ Baldacchino. Il-missier għandu t-teatru Radio City f’idejh u hemm jintwerew films sbieħ. Meta jkun hemm xi film tassew tajjeb ġieli mmur man-nanna jew maz-zija Connie. Niftakar sew Marcellino… pane e vino u ieħor tal-biża’ ta’ Dracula, fejn xi xbejbiet li ġew jarawh, ħarġu għax beżgħu u dħakt bihom.

Fil-familja Baldacchino hawn żewġ subien tad-daqs tiegħi fl-età. Wieħed jismu Herbert u l-ieħor Dennis. Filgħaxija joħorġu jilagħbu magħna wkoll fuq il-bankina.

Huma għandhom gallarija waħda. Aħna għandna tnejn u waħda minnhom tiġi maġenb tagħhom. Nhar ta’ Sibt filgħodu, għax ma jkollniex skola, ma nitħallewx noħorġu nilagħbu barra, minħabba li jkunu jridu jgħaddu n-nies mix-xiri. Għalhekk niftħu t-twieqi tal-ġenb tal-gallariji, noħorġu kartuna doppja minn tieqa għall-oħra u noqogħdu nilagħbu ludo, snakes and ladders u kultant xi logħba draughts.

Ġieli, kemm Herbert kif ukoll Dennis, jiġu d-dar tagħna biex nilagħbu ġewwa flimkien. Dejjem nispiċċaw niġġieldu xi ftit. Jekk mhux jien magħhom — huma bejniethom. Iżda din il-ħbiberija qed tissarrafli f’wiri ta’ films tal-cowboys, indjani u tas-suldati, bla ma nħallas. Nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar, Herbert jiġi għalija fis-2 p.m., xi ħadd jaqsmilna u flimkien immorru r-Radio City  naraw il-film li jkun hemm. Tas-2 p.m. dejjem ikun tajjeb għat-tfal.

El Cid  hu l-iktar film li għoġobni u li rajt flimkien ma’ Herbert. Meta nilgħab bis-suldati dejjem nagħżel storja fuq il-karattri tal-films li nara. Tant, li għandi s-suldati tal-lastiku li minn wiċċhom tinduna li huma l-kattivi, waqt li oħrajn dejjem huma l-eroj.

Wara kull film, jien u Herbert noħorġu niġru u naqbżu, taparsi aħna s-suldati li nkunu għadna kif rajna fuq il-liżar il-kbir. Fit-teatru niltaqa’ wkoll ma’ ħbieb tiegħi fl-iskola, li wkoll jispiċċaw l-artisti wara l-film. U l-effett tant ikun qawwi, li bħal għada, fil-ħin tar-rikreazzjoni, norganizzaw il-gruppi u niġru qalb it-tfal biex mill-bitħa tal-iskola noħolqu spettaklu ġdid ta’ film, li mhux kulħadd jifhem.

altIllum ma nistax ngħid li jien spiċċajt l-eroj. Anzi. Min jaf x’se jgħiduli n-nanna u n-nannu xħin jarawni d-dar. Ir-reċta tal-film li rajna l-bieraħ, ta’ suldati jiġru kontra l-għedewwa swietli ħażin. Naturalment, jien u ħbiebi tal-iskola lkoll konna l-eroj waqt il-break  it-twil, minkejja li konna grupp kontra ieħor.

Biex ma ninqabadx mis-suldati kontra tiegħi, nidħol niġri fil-kurituri u f’kantuniera minnhom insib student ikbar minnhi ġej mid-direzzjoni opposta u naħbtu b’mod li geddumu jidħol f’għajni l-leminija. Lanqas naf li ġabruni mill-art u daħħluni fil-klassi. Xħin ġejt f’sessija nsib li l-iskola ġiet iz-zija Connie. L-għajn ix-xellugija nista’ nara minnha. L-oħra nbexxaqha bi tbatija.

L-istorbju u l-għajjat fid-dar ma jonqosx, u żgur ma kienx ta’ xejn. Ħarsa fil-mera nista’ narali għajnejja l-leminija hi bluna u minfuħa qisha ballun. Min ixarrabhieli bl-ilma kiesaħ u min irid jgħaddili biċċa tajjara bil-misħun. Ma rridx niftaħ ħalqi, għax jgħarrali.

Il-lejl għadda. Dalgħodu qomt aqwa! Għajnejja demmgħatli u swiedet. Ma nista’ niftaħha b’xejn. Min jaf kif jarani l-papà x’se jagħmilli! Daqshekk logħob tal-artist, l-aktar fl-iskola. Nispera li din il-wegħda nżommha! It-taparsi El Cid  li kelli f’moħħi u li suppost kont jien, spiċċa ħażin! Għandi ġimgħa ’l bogħod mill-bank tal-iskola! Iz-zija Connie tiela’ u nieżla biex takkwistali l-homework. Miskina!