Żwieġ bil-ħotba li rnexxa fil-milja tiegħu

Charles B. Spiteri

altminn Charles B. Spiteri

Ma kinux għadhom iż-żminijiet fejn ġuvni jixħet għajnejh fuq xbejba, isegwiha minn ġimgħa għal ġimgħa, jew minn jum għall-ieħor, jara f’liema bar tidħol u joffrilha drink biex jipprova jaqbad magħha, kif isir illum. Kienu għadhom is-snin erbgħin. Il-ħruġ għall-ġuvintur kien għadu limitat u għax-xebbiet ferm u ferm aktar. Iżda meta ġuvni kien jitfa’ għajnejh fuq xbejba, kien jipprova jsib ħabib u jinqeda bih biex iwassal il-messaġġ tiegħu.

Fil-każ tal-koppja intervistata għal-lum – Pawlu u Carmela Ciappara mir-Rabat – l-imħabba tagħhom taf il-ħidma ta’ Ġużi Galea magħruf bħala l-Windsor mill-Imtaħleb, li kien ħuttab.

Pawlu hu r-raba’ wild minn ħdax ta’ Pawlu u Pawla, waqt li Carmela hi l-unika tarbija li baqgħet ħajja fiż-żwieġ ta’ Pawlu u Giovanna.

altMeta Ġużi tarraf lil Carmela bil-ħsieb ta’ Pawlu, għall-ewwel ma tatu ebda tweġiba. Kienet drawwa li qabel ma xbejba tgħid l-iva tagħha, kienet speċi titlob il-kunsens tal-ġenituri. U meta qalet lil ommha, din weġbitha li jekk hu skond il-pjan ta’ Alla, li għandu jsir, isir. Għalhekk, meta rat lil Ġużi qaltlu li aċċettat l-istedina ta’ Pawlu. Ovvjament, il-ġenituri ta’ Carmela kienu jafu lill-ġenituri ta’ Pawlu, u għalhekk kienu jafu wkoll li l-ġuvni li miegħu kienet se titħallat binthom, kien ġuvni serju u bil-għaqal.

Laqgħa bil-ħatfa

Lura għal dik is-sena, Pawlu kellu 21 sena u Carmela 18. Mill-għada tal-aċċettazzjoni, Pawlu u Carmela bdew jiltaqgħu għal ftit mumenti – kemm ‘jisirqu’ bewsa, hekk kif Pawlu kien ikun sejjer għax-xogħol u Carmela tistennieh fil-bieb tad-dar tagħha. Mit-triq tiegħu kien jinżel l-erba’ tarġiet taz-zuntier tal-knisja ta’ San Pawl u jasal ħdejha fi Triq Gusmana Navarra.

Beda jidħol id-dar għandhom mill-ewwel u minkejja li Carmela kienet l-unika tifla tal-familja Saliba, il-ġenituri tagħha kienu jippermettulha toħroġ weħidha għal passiġġata ta’ ftit ħin mal-għarus tagħha. L-għerusija ta’ Pawlu u Carmela ħadet tliet xhur. F’dan iż-żmien huma xtraw iċ-ċrieket ta’ għarajjes u kellhom ukoll festin biex iltaqgħu flimkien il-ġenituri tagħhom. Fejn imorru joqogħdu ma kienet problema xejn, għax il-ġenituri ta’ Carmela offrewlhom imorru joqogħdu magħhom fid-dar tagħhom. U qatgħuha li jaċċettaw l-offerta.

Għalhekk bdew iħejju għat-tieġ. Carmela, oħt Pawlu il-kbira, li kienet ħajjata prima, ħietet il-libsa tat-tieġ tal-għarusa. Il-bridesmaids kienu Doris u Annie, ħut Pawlu u bħala flowergirl tqiegħdet Marija, kuġina ta’ Carmela.
Iżżewġu nhar il-11 ta’ Jannar, 1948, filgħodu, fil-knisja kolleġġjata ta’ San Pawl u wara kellhom il-festin fil-każin tal-Konti Ruġġieru, ir-Rabat stess. Għar-ritratti tat-tieġ niżlu għand Cassar, il-Ħamrun.

Il-qamar il-għasel

Wieħed u sittin sena ilu, il-qamar il-għasel kien diġa’ popolari, iżda mhux bħal dak li nafu llum. Tant li l-għada tat-tieġ, Pawlu u Carmela marru għal dawra ma’ Malta u Għawdex bil-karrozza ta’ missier ir-raġel, li kien wieħed minn tal-bidu li kellu vettura f’Malta. Sena wara, Pawlu kien xtara wkoll l-ewwel karrozza tiegħu – Morris. Dawn kienu jiġu Malta fil-kaxxi tal-injam, u min jixtriha ma jkunx jaf x’lewn u x’tip ta’ karrozza tkun. Hu jiftakar li f’ħajtu kellu tmien karrozzi differenti, li kiseb bi tpartit u fl-aħħar kellu waħda ġdida, li żanżanha hu.

altWara l-honeymoon marru d-dar, fejn bdew il-ħajja ġdida ta’ miżżewġin, li matulha kellhom tlett itfal: Pawlu, miżżewweġ lil Jessie u għandhom tlett itfal, li huma Mario, Rosemarie u Joanna; Janie miżżewġa lil Joe Spiteri u għandhom żewġt itfal, Kevin u Mark. Fl-aħħar kellhom lil Joe, li hu miżżewweġ lil Joyce u għandhom żewġt itfal, Amanda u Denise.

Apparti milli Pawlu u Carmela huma nanniet ta’ seba’ neputijiet huma bużnanniet ta’żewġt itfal oħra, Andrea u Antonia. Fir-rigward tat-trobbija fl-antik, Pawlu u Carmela jsostnu li lil uliedhom tellgħuhom f’dixxiplina, ubbidjenza u valuri sodi. B’ħarsa, gidma tax-xufftejn, jew b’tisfira, kienu jikkwietawhom. Jgħidu li xejn ma hu l-istess illum, fejn jekk issaffar lit-tfal, iħalluk fil-veru sens ‘issaffar’.

Karrozza privata

Pawlu u Carmela ma tantx kienu jħallu lil uliedhom jilagħbu u jiġru barra mat-tfal, għax peress li kellhom il-karrozza privata, spiss kienu joħorġuhom dawriet ’il bogħod, fejn ftit nies setgħu jmorru. Fis-sajf kienet drawwa li kull nhar ta’ Ħadd imorru għal jum baħar l-Għadira u jarmaw il-kamp. Sajf sħiħ kien ikun hemm erba’ sa ħames kampijiet, dejjem l-istess nies. Sas-snin sittin, il-kampijiet żdiedu għal sa bejn sebgħa u tmienja tul il-bajja kollha.
altĠieli wkoll, il-Ħdud kienu jaqbdu t-triq u jieħdu lil uliedhom sal-bajja ta’ Birżebbuġa, biex jgħumu hemm. Ħajjet il-koppja Ciappara tista’ tgħid li kienet ‘gżira’ għal xulxin għall-61 sena li ilhom magħqudin fiż-żwieġ. Pawlu mix-xogħol għad-dar u mid-dar għax-xogħol u t-tfal mid-dar għall-iskola u l-Museum u viċi versa. Meta jsir il-ħruġ, dejjem joħorġu familja sħiħa bil-karrozza tagħhom, tant li uliedhom qatt ma marru mkien bil-karrozza tal-linja.

Pawlu jgħid li hu kellu l-vantaġġ li kien jaf it-toroq kollha ta’ Malta, għax xogħlu kien sewwieq mat-telefons, li kien jaqa’ taħt id-dipartiment tal-Post and Telephones. Kien jew iwassal lill-formen fil-postijiet li jgħidulu, jew inkella lill-kolletturi li kienu jiġbru l-flus mill-coin boxes li kien hawn imferrxin ma’ Malta, u jwassalhom lura d-dipartiment.

Rispett kbir

Meta mitlubin jiddeskrivu l-imħabba wara 66 sena flimkien, Pawlu u Carmela wieġbu li huma baqħu jirrispettaw lil xulxin bħal meta ltaqgħu l-ewwel darba, minkejja li kultant jitlewmu. Iżda kif qalu: “anki l-imsaren fil-ġisem igorru!” U kultant, tilwima ħafifa, tiswielhom ta’ ġid għax tkebbsilhom imħabbithom aktar!

altJafu li issa, li kibru fl-eta’, m’għadhomx fl-imħabba li kienu dari iżda llum jammettu li jridu jieħdu paċenzja b’xulxin. Minkejja dan, f’kull għeluq snin Carmela, u f’kull festa kbira, Pawlu għadu jibgħat kartolina lil martu. Interessanti jingħad li l-ġibda passjonali li nbniet tul il-ħajja miżżewġa tagħhom wasslithom li ma jgħixux mingħajr il-preżenza ta’ xulxin. Tant li dan l-aħħar, wara li Pawlu ġie rikoverat fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta, talab il-permess biex joħroġ daqsxejn. Kif sab ruħu barra, telaq lejn ir-Rabat biex jara lil Carmela tiegħu, u ma damux ma sabu akkomodazzjoni t-tnejn flimkien fl-istess Dar.

Dan l-attakkament flimkien wassalni nistaqsihom kif irriżulta, u Carmela rrakkuntat li żewġha, sa minn żminijiet missieru, kienu dilettanti tal-kaċċa tal-gamiem u s-summien – ħaġa li baqgħet nieżla mhux biss fuq uliedhom, iżda anki fuqha. Tistqarr li kienet tmur mal-familja kollha fl-għalqa privata tagħhom biex żgur dejjem ikunu magħqudin flimkien.

Madankollu dejjem imxew fuq programm għaqli. Tgħid li meta żewġha kien iqum kmieni għall-kaċċa, xorta kien jasal fil-ħin għax-xogħol u wara x-xogħol, iqatta’ ħinu mal-familja. Kaċċa u mhix, il-quddiesa ta’ kuljum qatt ma tilfuha, għax jew imorru qabel ma jmorru l-għalqa jew imorru filgħaxija. It-tqassim tal-jiem tagħhom kien jippermetti li jkollhom ħin għad-delizzju, għall-ħruġ, għall-knisja u għad-dar.

Iżżid li żewġha darba biss ħa s-sick leave kemm dam impjegat u wara li marlu t-tabib tax-xogħol id-dar u qallu biex ma joqgħodx jagħmel hekk, Pawlu qatt ma ħa sick leave aktar, għax kien iħoss li dmiru kien irid jagħmlu.

Id-dixxiplina lill-ulied

L-istess dixxiplina għaddieha kollha lil uliedu, tant li jekk kienu jkunu jridu jibqgħu ftit iktar għall-kaċċa, kien jgħidilhom “illum daqshekk, għada jerġa’ jisbaħ”. U t-tfal qatt ma kienu jwebbsu rashom. Anki għal-liċenzja tal-arma, kien jgħidilhom li qabel ma jkollhom iż-żmien, ma jmissu xejn. L-istess għas-sewqan tal-karrozza. Minkejja li hu kien sewwieq, qatt ma ħalla lit-tfal fuq l-isteering qabel ma kellhom iż-żmien tagħhom, għax kien jirraġuna li jekk ikunu involuti f’xi inċident, jibqa’ jħoss rimors tal-kuxjenza.
Meta ħdax-il sena ilu Pawlu u Carmela għalqu ħamsin sena miżżewġin, kellhom quddiesa ta’ ringrazzjament fl-istess kolleġġjata ta’ San Pawl, fejn kienu tejġu. Wara kellhom riċeviment familjari.

Għar-rigward tal-messaġġ li jgħaddu lill-għarajjes tal-lum, Pawlu, li għandu 88 sena u Carmela, ta’ 78 huma tal-fehma li l-għarajjes għandu jkollhom ħajjithom ippjanata minn qabel iż-żwieġ. Illum il-miżżewġin għandhom ferm aktar prioritajiet u għalhekk jinħtieġ aktar ippjanar. Il-flus huma meħtieġa, iżda l-ħin għal xulxin – għall-mara, għar-raġel, għall-ulied u għad-dar huma fost l-aktar li għandhom jindukraw. L-ewwel attenzjoni trid tkun fuq dawn.

Illum qed tinbet id-drawwa ħażina li l-‘ħbieb’ isiru parti mill-familja, u fejn jiġri hekk qed naraw li tonqos l-attenzjoni lejn min għandu jkollna l-aktar għal qalbna. Finalment qaluli li d-dixxiplina fil-karattri wkoll tilgħab parti mill-aktar importanti fi żwieġ hieni u b’saħħtu.