Ġigġifogu ta’ Fili Elettriċi

Charles B. Spiteri
BDL Books - LaqtietDehriet tal-biża’ jidhru kontinwament fil-belt ċentrali tal-Indja, li hi waħda movimentata għall-aħħar. Hawn, wieħed jista’ jintebaħ bil-kwantità enormi ta’ fili elettriċi mdendlin bl-addoċċ. L-agħar ħaġa hu li kull fil fih kurrent elettriku qawwi.
Dawn il-wires qishom spagetti, jissupplixxu d-dawl lil Delhi, u saru dehra komuni mal-Indjani, iżda l-electricians li jissejħu fil-post minħabba xi ħsarat, ikollhom tabilħaqq jgħaddu minn ħmar il-lejl biex isewwu u jerġgħu jipproduċu l-elettriku f’dawk l-inħawi fejn ikun inqata’, apparti l-fatt li jkunu qed jipperikolaw ħajjithom.
Is-serq tal-elettriku f’din il-belt hu rampanti, u għalhekk hu faċli ferm li kull tant ħin jinqata’ d-dawl u partijiet kbar jisfaw fi dlam taqtgħu b’sikkina.
Tota Ram, li jgħix f’Delhi, qal li: “primarjament, dan hu t-tort tal-gvern, li qatt ma ta kas ta’ dawn il-wires kollha.” Iżda n-nies tal-lokal huma wkoll responsabbli… però huma kuntenti li għandhom aċċess qrib mnejn ‘jisirqu’ l-kurrent għall-ħtiġiet tagħhom.
Meta jasal l-istaġun tal-monsoon, id-densità ta’ wires issir perikoluża, għax numru minnhom jitqaċċtu u jmissu l-għadajjar tal-ilma.
Kien rappurtat li l-gvern ta’ Delhi għandu f’moħħu li jirriloka dawn l-wires taħt l-art, iżda x-xogħol għad irid jinbeda.
Mohit Issar, resident ieħor f’Delhi, qal li jekk in-nies jieqfu jisirqu d-dawl, ikun hemm inqas qtugħ tas-servizz u inqas wires  imdendlin fuq l-irjus il-ħin kollu.
Skont l-informazzjoni tal-World Bank, 22.3 fil-mija tan-nies fl-Indja għad m’għandhomx provvista tad-dawl elettriku.