Il-kumpanija Kodak sejra għal ‘għajnha’
Charles B. Spiteri

F’dawn l-aħħar snin, Kodak taf irrekordjat l-agħar żminijiet tagħha. Iżda 120 sena ilu, kienet il-pijuniera għall-fotografija tan-nies komuni.
Fl-1888 ħolqot il-Kodak No 1, li tat lill-klijenti ċ-ċans li jiġbdu xeni rilassanti u li qabel kien jinġibdu biss minn fotografi professjonali. Minn dawn ir-ritratti għad hawn fl-idejn. Ritratti li nġibdu fis-seklu 19.
Il-camera No 1 kienet tkun mimlija b’negattivi biżżejjed biex dak li jkun jiġbed mitt ritratt. Meta l-fotografu jiġbed ir-ritratti kollha, li kienu jkunu tondi, kien ikollu jieħu l-camera b’kollox lil Kodak, li appena tiżviluppalu r-ritratti, terġa’ timlielu l-camera b’negattivi oħra. Din l-istess camera, li kellha kisja ħoxna tal-ġild kienet tinbiegħ bis-slogan “Int tagħfas il-buttuna u aħna nagħmlu l-kumpalment!”
Il-kumpanija Eastman iddisinjat il-cameras flimkien ma’ Frank A. Brownell, mastrudaxxa, li beda l-produzzjoni tal-fabbrika.
Snin wara, Kodak qed titqies bħala li baqgħet lura milli tħaddan it-teknoloġija moderna bħalma hi l-fotografija diġitali, li kienet l-invenzjoni tagħha stess. Sentejn ilu l-Kodak applikat għall-protezzjoni kontra l-falliment u ħabbret li se tieqaf milli tipproduċi l-cameras diġitali; il-video cameras tal-but u l-frames diġitali tar-ritratti. Dan kollu biex taqta’ l-ispejjeż.
Kien rappurtat ukoll li l-kumpanija, issa se tikkonċentra fuq il-bejgħ tat-tagħmir għall-istampar u servizzi għan-negozji.
Stħarriġ fuq il-qari
minn Charles B. Spiteri
Terz tal-poplu Ingliż ma jafux li Charles Dickens kiteb Great Expectations. Dan ħareġ fid-dieher minn stħarriġ li sar fuq il-qari. Persuna minn kull sitta li ġew mistoqsija jafux min kiteb Hamlet, wieġbu li ma jafux.
Dickens u Shakespeare mhumiex l-uniċi awturi magħrufin li sezzjonijiet kbar tal-poplu ma jafux bihom – 28 fil-mija tal-adulti ammettew li qatt ma qraw xi ktieb tagħhom. Mhux hekk biss, talli persuna minn kull sebgħa intervistati stqarret li fl-aħħar sena ma qratx lanqas ktieb wieħed.
L-istudju wera li ħafna nies mhux biss irnexxielhom ikomplu l-istudju tagħhom bla ma qatt qraw letteratura klassika fid-dettall, tallli l-istess drawwa baqgħet tkompli f’ħajjithom sakemm kibru. Irriżulta wkoll li 12 fil-mija biss qraw ir-rumanz Much Ado About Nothing; 18 fil-mija Cather in the Rye, u 26 fil-mija għażlu Pride and Prejudice – minkejja l-popolarità enormi tiegħu bħala drama televiżiva u fiċ-ċinematografu.
L-istudju sar fuq 2,000 ruħ. Kwart mill-adulti qalu li qraw inqas minn ħames kotba fl-aħħar sena u l-medja telgħet għal seba’ kotba. Nofs dawk li jaqraw inqas minn għaxar kotba f’sena, qalu li ma jsibux ħin għall-qari u kwart minnhom qalu li jippreferu jagħmlu xi ħaġa oħra.
Mill-istħarriġ ħareġ ukoll li l-aktar ħin popolari fost in-nies għall-qari tal-kotba hu qabel l-irqad, meta jkunu daħlu fis-sodda. Kien hemm numru ċkejken minn dawk intervistati li stqarrew li l-aktar li jaqraw hu meta jkunu għal xi vaganza.
Pupi għall-hena futura
minn Charles B. Spiteri
L-għarusa Louise Keel, ta’ 46 sena minn South Wales, se jkollha lill-pupu li semmiet Bert, bħala l-‘pageboy’ tagħha.
Hi tbikkmet meta saret taf li ma jistax ikollha tfal u għalhekk nefqet aktar minn €1,194 fuq il-pupu li għandha b’xagħar innukklat, biex iserviha kif tixtieq hi fit-tieġ li se jsir fir-Rebbiegħa li ġejja. Louise, li hi reġistrata bħala nieqsa mid-dawl u tuża siġġu tar-roti, se tiżżewweġ lill-għarus tagħha Brian.
Bert hu magħmul minn materjal ta’ silikon speċjali, li jressqu viċin ferm lejn l-umanità, kemm fil-ġilda tiegħu kif ukoll f’xagħru u għajnejh. Louise xtratu wara li t-tobba għarrfuha li ma jistax ikollha tfal tagħha.
Bl-għajnuna tas-sieħeb tagħha Brian, ta’ 48 sena, huma xtraw il-pupu permezz tal-internet, li kien qed jirreklama ‘pupi mwielda mill-ġdid’. Hu twil 76.2 ċentimetru, b’xagħar safrani nnukklat u mnieħer gustuż buttuna. Regolarment tlibbsu sew u tieħdu magħha biex titma’ lill-papri fi ġnien viċin.
L-għarus Brian qal: “Jien u Louise naħdmu sew bħala koppja. Iltqajna permezz tal-kompjuter u bnejna relazzjoni ta’ mħabba. Hi diġà kellha numru ta’ pupi meta ltqajt magħha. Għalhekk drajt bihom madwarna. Bert għandu l-karatteristiċi tiegħu. Hu gustuż ferm u sa għandu l-kont Twitter tiegħu b’aktar minn 80 segwaċi.”
Brian kompla jgħid li: “Meta għedt lil Bert li jien u Louise se niżżewġu, xejn ma deher ferħan – għax jaf ikun għajjur, iżda fl-aħħar aċċetta li jkun parti mill-familja tagħna.”
Fid-dar, Louise għandha l-apparat kollu li tinħtieġ għat-trabi – bandli, ‘rocking chairs’, fliexken tal-xorb u kutri. Kull filgħaxija qabel torqod, hi toqgħod tkanta kantalieni tal-irqad lill-pupi tagħha.
L-irbit tal-mażżri u x-xħit fil-baħar
minn Charles B. Spiteri
Waqt prietka kontra l-korruzzjoni, il-Papa Franġisku kien ferm iebes, u kkowta passaġġ mill-Evanġelu skont San Luqa, fejn Ġesù qal lil xi midinba, li ħaqqhom jintrabtu ma’ mażżra u jinxteħtu fil-baħar.
Din tqieset bħala omelija mill-aktar qawwijin lill-Insara, minn meta f’Marzu li għadda, kien elett il-Papa Arġentinjan. Hu enfasizza li min qed jgħaddi ħajja ‘doppja’ billi jagħti l-flus lill-Knisja waqt li jisraq lill-Istat, ikun qed jidneb u ħaqqu jkun ikkastigat.
Waqt li ma aċċennax direttament għall-korruzzjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika, ir-rimarki tiegħu saru ftit jiem wara li faqqa’ skandlu f’ordni reliġjuża antika, marbuta mal-Vatikan. Madankollu l-Papa wera li hu determinat jieqaf lill-korruzzjoni u jeqred irregolaritajiet finanzjarji li sa tappnu lill-Bank tal-Vatikan.
Hu ddeskriva wkoll lin-nies imdaħħlin fil-korruzzjoni bħala ‘oqbra mbajda’ u qal li “minnbarra jidhru sbieħ, iżda minnġewwa huma gozz għadam mejjet u jinten.
Hu magħruf li l-Papa Ġiżwita kapaċi jkun ġentili f’diversi suġġetti sensittivi, bħall-omosesswalità u d-divorzju, iżda sa minnmeta ġie maħtur f’Marzu li għadda, il-prietki u l-omeliji tiegħu dejjem inkludew kliem iebes u referenzi għall-ħidma tax-Xitan.
Papa Franġisku għamel dawn ir-rimarki waqt il-quddiesa ta’ filgħodu f’Casa Santa Marta, id-dar għall-mistednin fil-Vatikan, fejn għażel li jgħix wara li rrifjuta l-appartamenti aktar kbar fin-naħa l-oħra tal-Bażilika ta’ San Pietru.
Kienet it-tieni darba fi ftit jiem, fejn hu attakka l-ħażen tal-korruzjoni. L-ewwel darba mar kontra l-Kattoliċi li stagħnew mill-korruzzjoni politika biex saħansitra jixtru rigali lil uliedhom u jibagħtuhom fi skejjel li jiswew ħafna flejjes.
L-aktar skandlu riċenti li laqat lill-Knisja Kattolika kien żvelat ħmistax ilu, fejn Dun Renato Salvatore ta’ 58 sena, u li jmexxi ordni reliġjuża ta’ 440 sena, kien arrestat fuq suspett li ħoloq xnigħat foloz kontra żewġ saċerdoti li kienu kontra n-nominazzjoni tiegħu biex jerġa’ jingħażel bħala s-Superjur Ġenerali tal-Camilljani, jew aħjar l-Ordni tal-Ministri tal-Morda.
Dun Salvatore kien magħżul għall-kariga mill-Papa Benedittu XVI biex jipparteċipa fis-sinodu ġenerali tal-isqfijiet f’Ottubru tas-sena l-oħra; ħames xhur qabel mal-Papa Ġermaniż iddeċieda li jirriżenza mill-papat.
Jaħrab wara sejba ta’ pittura
minn Charles B. Spiteri
Ħażna ta’ aktar minn biljun lira Ingliża f’pittura għadha kif instabet fl-appartament malandat ta’ Cornelius Gurlitt fi Munich.
L-investigaturi rrappurtaw li fost il-pittura nstabu xogħlijiet mhux magħrufa ta’ Matisse, Marc Chagall u Otto Dix. L-uffiċjali tad-Dwana li sabu dawn ix-xogħlijiet ta’ pitturi ‘modernisti’, mill-ewwel ikkonfiskaw is-sejba mir-residenza ta’ Gurlitt, li għandu 80 sena.
Uħud mill-1,500 pittura – uħud minnhom b’valur eċċezzjonali – kienu rappurtati li nqerdu fin-nirien meta l-ajruplani tal-Alleati bbumbardjaw Dresden fl-1945.
Siegfried Kloble, il-Kontrollur tad-Dwana fi Munich f’konferenza tal-aħbarijiet żvela li fost ix-xogħlijiet mhux magħrufa qabel hemm ‘self portrait’ ta’ Dix, maħsub li sar fl-1919; pittura ta’ mara, magħmul minn Matisse u xogħol allegoriku ta’ Chagall.
Il-kollezzjoni tinkludi wkoll pittura ta’ Picasso, Auguste Renoir, Henri de Toulouse-Lautrec, Max Beckmann, Max Liebermann, Ernst Ludwig Kirchner u Carl Spitzweg.
Appena l-pitturi kienu konfiskati, Gurlitt għeb, bil-pulizija tissuspetta li għandu flus bla rażan. Barra milli biegħ il-pittura ‘The Lion Tamer’, biegħ ħafna pitturi oħra – xogħlijiet li ma ġibdux wisq attenzjoni – qabel mal-uffiċjali tad-Dwana Ġermaniża, interveniet.


Batman Jinsab il-Ħabs!

Ġuvni ta’ 23 sena bla xogħol, li jġorr miegħu isem ta’ super eroj, għadu kif intbagħat għal kważi tliet snin ħabs wara li nqabad jisraq u jieħu d-droga.
Batman bin Suparman, inqabad darbtejn fuq kamera tas-CCTV jidħol f’sala tas-snooker f’Singapore, u fiż-żewġ okkażjonijiet seraq total ta’ €299. Hu ammetta bosta akkużi, fosthom li seraq il-‘card’ ta’ ħuh, tal-Bank, biex ġibidlu bla ma qallu €388 biex jixtri l-eroina. Għalhekk, Batman intbagħat il-ħabs għal 33 xahar.
Batman, li kien arrestat fid-19 ta’ Awwissu 2013 u mibgħut il-ħabs, sar sensazzjoni soċjali tal-midja, wara li b’xi mod, il-Karta tal-Identità tiegħu, li turi l-istrambezza f’ismu, dehret fuq l-Internet. Minn kif jirriżulta, Batman bin Suparman twieled fit-13 ta’ Mejju tal-1990.
F’temp ta’ ftit ħin inħolqot ‘fan page’ fuq il-‘Facebook’ bl-isem ‘Batman bin Suparman Fan Club’, li kisbet aktar minn 11,000 ‘like’. Ċertu Kevin Yang kiteb: “L-idolu tagħna jinsab maqful il-ħabs. Hemm xi ħadd li jista’ jħarrbu?”
Ħlas tad-deċmi jew l-għexur
minn Charles B. Spiteri
Kien rappurtat li Spetturi tat-Taxxa fl-Ingilterra qed jużaw il-mapep mill-Google biex jispjunaw fuq id-djar ta’ dawk li huma suspettati li mhumiex iħallsu taxxa kemm suppost.
Ir-ritratti mill-‘Google Earth’ jagħtu l-opportunità lil min jużah, biex permezz tas-satellita jifli d-djar u jagħti l-faċilità lill-kolletturi tat-taxxa jsiru jafu bil-kwalità ta’ ħajja li jgħixu l-individwi u s-sinjurija tagħhom; bħal kemm-il karozza għandhom u t-titjib li jagħmlu fi djarhom.
L-uffiċjali tad-Dwana u tat-Taxxa jdaħħlu l-informazzjoni f’kompjuter qawwi u jiddeċiedu għandhomx jinvestigaw lil sidien ta’ djar, li skont huma jkunu qed iħallsu inqas taxxa minn dak li dovut.
‘Google Earth’ hi l-aħħar arma fil-battalja tal-HMRC (Her Majesty’s Revenue and Customs), li għandha timla l-ħofra ta’ €42 biljun f’evażjoni tat-taxxa.
Is-‘supercomputer’ bl-isem ta’ ‘Connect’, li kważi sewa €60 miljun, inbena tliet snin ilu mill-‘BAE Systems’ u diġà fih aktar minn biljun informazzjoni fuq individwi li huma suspettati li ma ddikjarawx id-dħul kollu tagħhom.
Intqal li l-uffiċjali tal-HMRC se jindagaw kemm kull persuna qed tħallas taxxa u jqabbluha kemm mad-dħul finanzjarju li jdaħħlu kif ukoll mal-kwalità ta’ ħajja li jgħixu. Bla dubju din se tkun mossa li ma togħġobx lill-elettorat!
Omm maqtula brutalment
minn Charles B. Spiteri
Ftit żmien ilu nqala’ battibekk wara li persuna tal-IRA (Irish Republican Army) allega li l-mexxej tas-Sinn Fein, Gerry Adams, kien ordna l-qtil ta’ mara, talli għenet suldat Ingliż, ferut mill-balal. Għal dan l-għemil, hi nħatfet minn skwadra tal-qtil u ġiet maqtula. Madankollu, Adams għadu jiċħad.
Sadanittant kien rappurtat każ ieħor. Eamon Molloy, imbikki u mtertaq bl-uġigħ, kien jaf li ma kellux tama ta’ ħelsien wara li nħataf mill-iskwadra, magħrufa bħala ‘The Unknowns’ li kienu jwettqu l-ordnijiet tal-ogħla awtorità tagħhom.
Molloy, ta’ 22 sena, ittieħed minn Belfast għall-interrogatorju li sar f’caravan f’għalqa diżabitata. Hu talab bil-ħniena lil dawk li ħatfuh u qalilhom li kien membru leali tal-IRA u li qatt ma kkoopera mat-truppi Britanniċi. Iżda kien hemm rapporti xejn fondati li Molloy seta’ kien qed jgħin lill-għadu.
Minkejja l-protesti għall-innoċenza tiegħu, Molloy induna li s-sentenza tiegħu kienet il-mewt. Hu ġie ttorturat minn irġiel lebsin il-balaklavi, li ma emmnux l-innoċenza tiegħu, waqt li membri oħra tal-iskwadra qagħdu jilagħbu l-ballun tul it-tortura msemmija.
Iżda fl-aħħar tas-swat, dawk li ttorturawh tawh ċans għal xewqa. Din kienet li jinġieblu saċerdot. Saret sejħa lil Fr Eugene McCoy, qassis tal-lokal. Membri tal-iskwadra marru għalih u qalulu li r-raġel weġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku u kien jeħtieġ il-Griżma tal-Morda. Iżda s-saċerdot ma sab ebda inċident. Kien hemm caravan mitluqa, fejn sab żagħżugħ kollu demm, imneżża’ għarwien għajr għall-qalziet ta’ taħt, fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu. Dan kien f’Mejju tal-1975. Minn dak iż-żmien, is-saċerdot qatt ma żvela xejn jew irrapporta.
Iżda l-każ jaħraq li jinvolvi lil Adams hu dak tad-deċiżjoni li tinħataf, tiġi ttorturata u maqtula l-omm żagħżugħa ta’ għaxar ulied. Din l-akkuża saret f’rekording minn Brendan Hughes, magħruf bħala ‘The Dark’ Deputat Kmandant tal-IRA, li miet fl-2008. Hu kien qal li Admas għandu jġorr ir-responsabbiltà tal-qtil tal-omm u l-futur inċert u ta’ biża’, li kellhom jiffaċċjaw l-għaxar uliedha, tul ħajjithom kollha.
L-omm, Jean McConville, kienet tgħix ma’ uliedha ta’ bejn sitta u 16-il sena f’appartament tal-Kunsill. Hi nqatlet fl-1972 meta xi ġirien infurmaw lill-mexxejja tal-IRA li hi kienet simpatizzanta Britannika. Dan ġara wara li ntlemħet tagħti l-għajnuna tagħha lil suldat milqut u ferut quddiem darha. Ftit wara l-att ta’ karità mas-suldat, Jean, ta’ 37 sena, instabat imsawta brutalment u kollha dmija fit-toroq viċini.
Żewġha kien miet sena qabel u għalhekk uliedha stess kellhom joħduha d-dar u jnaddfulha l-feriti li kellha. Iżda ma fiqitx. F’inqas minn 24 siegħa, aktar minn 12-il ruħ, uħud mistura fil-balaklavi, waslu f’darhom u bdew jgħajtu li riedu jaraw lil ommhom.
Huma kaxkruxa mill-bieb, b’uliedha mqabbdin ma’ saqajha biex jippruvaw iżommuha magħhom. Iżda uliedha ma rnexxilhomx. Ġimgħa wara, raġel li qal li kien mill-IRA mar f’dar it-tfal u qalilhom li kien mibgħut biex jagħtihom il-portmoni t’ommhom u ċ-ċurkett tat-tieġ. Fuq it-‘tape’, Brendan Hughes, li darba kien l-id il-leminija ta’ Adams u figura leġġendarja tal-kmand tal-IRA jinstema’ jgħid: “hemm bniedem wieħed biss li ta l-ordni biex dik il-mara tinqatel. Dak ir-raġel hu l-kap tas-Sinn Fein.”
Mill-inqas, kien hemm 16-il persuna li ‘sparixxew’ minn ‘The Unknowns’ qabel ma fl-1972 ittieħdet deċiżjoni li ma jintremewx l-iġsma mutilati fit-toroq ta’ Belfast, ta’ dawk li tqiesu bħala tradituri.
Ulied Jean qed isostnu li l-qtil t’ommhom ma jistgħu jinsewh b’xejn u qed jallegaw li dan għandu jitqies bħala krimini tal-gwerra u min kien responsabbli għalih għandu jitressaq quddiem il-Qorti f’The Hague, biex jieħu li ħaqqu.
Il-farfett Galattiku
minn Charles B. Spiteri
Speċi ta’ farfett ta’ billejl, b’sitt saqajn, li hu ferm ’il bogħod mis-suldati bl-uniformi, mibgħuta biex ixerrdu l-ordni l-ġdida tal-Imperu Galattiku fil-film ‘Star Wars Stormtrooper’ ħasad numru ta’ ħaddiema f’fabbrika fi Shropshire.
Il-farfett, magħruf bħala ‘Death’s Head Hawkmoth’ sikket u għaġġeb lill-ħaddiema kollha, hekk kif niżel fuq skoss injam fil-fabbrika Ricoh. Dan peress li tant hu rari jintlemaħ u għandu partikularità fuq dahru.
Andy Whyle, uffiċjal tal-ambjent qal li fuq dahru, dan il-farfett għandu kopja preċiża tal-elmu li kellhom is-suldati bla wiċċ fil-film.
L-ekologu Dan Wrench qal li kultant, friefet rari bħal dan ikollhom disinn li jixbah ras ta’ mewt. Farfett simili ntuża fil-kartellun tal-film ‘Silence of the Lambs.
Dawn il-kreaturi jintlemħu l-aktar fl-għelieqi, peress li jagħmlu għall-patata miżrugħa. Huma għandom drawwa mhix tas-soltu, fejn jidħlu fix-xehdiet tal-għasel u jikluh. Jekk jinqabdu bl-idejn minn xi ħadd, jibdew iwerżqu twerżiq qawwi.
Jingħalqu fergħat tal-Banek
minn Charles B. Spiteri
Bl-iskuża li jżomm il-fergħat tiegħu miftuħin il-ħin kollu, il-Bank Barclays ħabbar li se jagħlaq uħud mill-fergħat tiegħu u jiftaħ uffiċini fis-supermerkati Asda.
Tmienja minnhom se jaraw din il-qalba tul is-sena d-dieħla u oħrajn aktar tard; hekk kif beħsiebhom jagħmlu Banek oħra.
Għalkemm b’din iċ-ċaqlieqa, Barclays se jdaħħal fortuna; għax ikun jista’ jinnegozja l-bini li minnu kien jaħdem; ħafna mill-klijenti leali se jieħdu daqqa ta’ ħarta.
Barra minn hekk se jintlaqtu ħażin ukoll il-ħwienet fit-toroq ewlenin fejn kienu l-istess Banek, u li kienu jgawdu ftit negozju min-nies li jużaw il-fergħat u l-maġni awtomatiċi tagħhom.
In-neguzjanti qed isostnu wkoll li n-numru ta’ servizzi offruti s’issa, jkollhom jonqsu, minħabba l-ispazju limitat li l-Banek se jkollhom fis-supermerkati. Iżda ma’ kull uffiċċju se jkunu stallati wkoll il-makni, biex il-klijenti jkunu jistgħu jħallsu kontijiet, jiddepożitaw jew jiġbdu flushom.
Din iċ-ċaqlieqa ta’ Barclays qed issir wara d-deċiżjoni meħuda mill-Posta, li għalqet l-uffiċċji tagħha u fetħithom fil-ħwienet ta’ WHSmith – bidla li ma kellhiex is-suċċess mixtieq. Il-klijenti bdew jilmentaw min-nuqqas ta’ ħaddiema u kjuwijiet twal f’xi fergħat.
Iżda esperimenti simili mill-Banek, ukoll ma kellhomx suċċess. Bejn l-1997 u l-2002, Lloyds ipprova jiċċaqlaq u jmur fl-Asda wkoll, waqt li l-HSBC għamel xi ħaġa simili ma’ Morrisons. Madankollu, dawn il-fergħat tagħhom, ilkoll kellhom jerġgħu jagħlqu.