Laqtiet

1 9 10 11 12 13 15

Mill-film li werwer lil bosta “Exorcist”

altMeta l-istorja tat-tifla ta’ 12-il sena, possessata mid-demonju ntweriet fil-film tal-biża’ The Exorcist, werwer lill-maġġoranza tal-udjenza li ratu fl-1973. Madankollu ftit huma dawk li rrealizzaw li kemm il-film, kif ukoll ir-rumanz ta’ Peter Blatty, bl-istess isem – kienu ispirati mill-istorja li seħħet tabilħaqq fuq tifel ta’ 14-il sena, li l-eżorċiżmu fuqu dam sejjer xhur sħaħ.

Dan l-eżorċiżmu twettaq minnpatrijiet Ġiżwieti f’ Missouri, fl-1949.

It-tifel, li  ngħata l-psewdonomu ta’ Roland Doe biex tkun protetta l-identità tiegħu, twieled f’familja Ġermaniża, li kienet Kristjana Luterana, u għall-bidu għex mal-ġenituri tiegħu fi Prince George’s County, Maryland.

altBħala tifel uniku, Roland kien dipendenti fuq l-adulti għall-kumpanija, b’mod partikulari zitu Harriet, li kienet spiritwalista u introduċietu għall-Ouija board.

Il-ġenituri tiegħu bdew jixhdu ġrajjiet strambi, bħaċ-ċaqliq tas-sodda tiegħu; għamara tiġri min-naħa għall-oħra tal-kamra u ħsejjes ta’ ġrif minnġol-ħitan. Metat-tifel għalaq 13-il sena, zitu mietet.

Inċidentalment, il-ġenituri kellhom jieħdu lil Roland għal diversi jiem f’Georgetown UniversityHospital, fejn it-tobba iċċertifikawh bħala bniedem b’saħħtu u ma kellu xejn.

Imbagħad iltaqgħu ma’ Fr. Albert Hughes, saċerdot Kattoliku mill-Parroċċa San Ġakmu, qrib id-dar tagħhom f’Maryland. Kien hu li nduna li t-tifel kien possessat u kiseb il-permess mill-Arċisqof ta’ Washingtonbiex iwettaq ir-rit tal-eżorċiżmu.

Għalhekk, missieru u ommu ħaduh f’dar ta’ xi qraba f’Saint Louis Missouri u hemmhekk, madwar disa’ patrijiet Ġiżwiti, fosthom Fr Bowdern ipparteċipaw fl-eżorċiżmu fuq it-tifel. Patri ieħor, Fr Raymond Bishop, żamm djarju ta’ kulma seħħ, kif ukoll l-informazzjoni kollha dwar kif Roland spiċċa possessat.

Illum il-ġurnata Roland Doe għandu 78 sena u wara li ġie eżorċitat qed jgħix bħala bniedem normali.

Arloġġ li Jwasslek sal-Qabar

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Xi żmien ilu kien hawn websajt li tħabbar il-jum li fih ikunu se jmutu l-individwi li jkunu jixtiequ jafu l-ġejjieni tagħhom. Issa għadu kif kien prodott arloġġ, li mhux biss iħabbarlek meta se tmut, iżda jnaqqaslek is-sigħat, il-minuti u s-sekondi!

Min ikun se juża l-arloġġ, li ngħata l-isem ta’ Tikker, irid jimla kwestjonarju fuq l-istorja medika tiegħu, qabel ma jnaqqas l-età li jkollu. Imbagħad, ir-riżultati miksuba mill-kwestjonarju u t-tnaqqis l-ieħor, joħorġulu l-iskor ta’ mewtu, li jidher iteptep u jaqta’ sekonda wara l-oħra mill-iskor finali.

BDL Books - Laqtiet

L-idea għal dan l-arloġġ ġiet lill-inventur Żvediż Fredrik Colting, wara li ġarrab it-telfa ta’ nannuh. Meta intervistat, hu qal li ma ħarisx lejn l-invenzjoni bħala xi ħaġa morbuża. Anzi, hu jirreferi għal Tikker bħala ‘L-arloġġ tal-ferħ’ u arloġġ li jgħin lin-nies igawdu l-aqwa ħin tal-ħajja li jkun fadlilhom x’iqattgħu fid-dinja.

Colting ikompli jgħid li waqt li l-mewt mhix negozjabbli u ma tistax tilħaq kompromessi magħha, iżda mal-ħajja tista’. Għalhekk, kull individwu, jaf ikun jixtieq ikollu b’ċertezza meta se tkun l-aħħar ġurnata tiegħu f’din id-dinja biex jagħraf jgħix ħajtu aħjar, u jilħaq iwettaq kulma jkun jixtieq jagħmel.

L-arloġġ Tikker kellu jkun għall-bejgħ minn April li ġej, u l-prezz tiegħu se jkun ta’ €42.39

Prezzijiet eżorbitanti għad-djamanti

altDjamant abjad, daqs bajda ċkejkna, għadu kif inbiegħ għall-prezz ta’ €22m f’irkant li sar dan l-aħħar f’Hong Kong. Dan il-prezz sebaq dak meqjus bħala rekord għal sett djamanti oħra li nbiegħ sitt xhur ilu.

Kienu tnejn in-nies li f’sitt minuti kkompetew u għamlu l-offerta tagħhom għal dan il-mineral  Afrikan ta’ 118-il karat, permezz tat-telefon.

Għaċ-Ċiniżi, il-bejgħ bl-irkant ta’ minerali li jiswew konsiderevolment isir darbtejn fis-sena u sar jitqies bħala ritwal. Għalihom jattendu l-kolletturi għonja miċ-Ċina u mill-pajjiżi Ażjatiċi, tant li għamlu lil Hong Kong wieħed mill-aktar ċentri importanti u attivi għall-irkantijiet.

altId-djamant ovali, bla ebda difett, li kien imminat u maqtugħ sentejn ilu nbiegħ għal €22m, inkluża l-kummissjoni ta’ Sotheby. Din il-kumpanija qalet ukoll, li d-djamant instab fin-naħa t’isfel tal-Afrika, iżda ma semmietx f’liema pajjiż, peress li l-bejjiegħ xtaq jibqa’ anonimu.

altMadankollu, ir-rekord dinji għall-prezz ta’ ġojjell, inkiseb fl-2010, meta l-ġojjellier Londiniż Laurence Graff, ħallas €34m għal djamant roża qawwi, li kien jiżen 24.8 karat.

Issa qed jingħad li dan ir-rekord jista’ jinqabeż meta x-xahar id-dieħel, Sotheby se tirkanta djamant roża ieħor ta’ 59.60 karat, li mistenni jġib aktar minn €44 m. L-irkant se jsir f’Ġinevra.

Ta’ ħames snin… u għadha terda’

altMaha Al Musa, mara ta’ 51 sena, għadha tredda’ lil bintha ta’ ħames snin, għax temmen li r-rabta bejniethom tkun aktar sħiħa. Tkun fejn tkun; anki f’postijiet pubbliċi; jekk bintha tkun trid tixrob… treddagħha.

Hi qalet li ma tagħtix kas li ġisimha qed jitpaħpaħ. L-importanti li tissodisfa l-ħtieġa ta’ bintha.

Maha, li hi omm Awstraljana ta’ tlett itfal, kienet belly dancer  u bħalissa qed tipprattika t-treddigħ estiż biex tippermetti lil bintha tkompli terda’ sa ma jidhrilha li tkun trid taqta’ mill-ħalib t’ommha.

altL-omm, qed timxi fl-istess passi ta’ Jamie Lynne Grumet, l-omm ta’ 26 sena minn Los Angeles li xxukkjat lid-dinja meta ppużat b’sidirha barra, tredda’ lil binha ta’ erba’ snin, għall-qoxra tal-magazin Time. Hi baqgħet għaddejja treddgħu sa ma għalaq ħames snin. Dan peress li skont ma nkiteb, Jamie nnifisha damet terda’ l-ħalib minnsider ommha sa ma kellha sitt snin.

F’intervista li kellha mal-magazin New, Maha, minn New South Wales,  qalet li bintha tagħlaq ħames snin dan ix-xahar, u madankollu, hi qajla tagħti kas x’jgħidu l-kritiċi għad-drawwa tagħha. Anzi lesta tippermetti lil bintha tibqa’ tieħu l-ħalib tas-sider sa ma tagħlaq għaxar snin…jekk tkun trid. “Dan għax nemmen li nsaħħilha s-sistema immuna tagħha. Sal-lum qajla mardet u t-temperament tagħha hu ferm aktar kwiet u rilassat minn ta’ tfal oħra tamparha.”

Liż-żewġt itfal ta’ qabel; Kailash ta’ 16-il sena u Tariq ta’ 13, Maha waqqfitilhom it-treddigħ meta kellhom sentejn.

Twiebet imdendla mal-irdumijiet

altDawn il-katavri żgur huma eqreb lejn Alla, minn dawk midfunin taħt l-art! Iżda dan id-dfin bizarr, li kien ilu jsir għal sekli sħaħ fin-naħa t’isfel taċ-Ċina, minn dejjem ħawwad moħħ il-poplu.
 
L-oqbra, mserrħin mal-irdumijiet ta’ Gongxian, fil-provinċja Sichuan, intelqu hemm min-nies Bo, li aktarx għebu mill-eżistenza madwar 400 sena ilu.
 
Kull tebut hu magħmul minn zokk ta’ siġra waħda mħaffra, u magħluq b’għatu tal-bronż.
 
L-espert lokali Lin Chan qal li waqt li kienu qed jaħdmu fuq ir-restawr tat-twiebet imdendla, nstabu 16 oħra. Skont hu, dawn ilhom hemm aktar minn 3,000 sena u huma ta’ sinifikat storiku kbir. 
 
altEsperi oħra jemmnu li l-poplu Bo ħaseb li l-allat kienu kapaċi jilħquhom aktar malajr jekk il-mejtin ikunu maqtugħin mill-art u mistrieħa mal-irdumijiiet.
 
Il-poplu Bo kien minorità etnika li kien jgħix ’il barra mill-fruntieri tal-provinċji moderni ta’ Sichuan u Yunnan.. Huma ħolqu kultura brillanti sa minn 3,00 sena ilu. Iżda kienet x’kienet ir-raġuni: id-dendil tal-biża’ ta’ dawn it-twiebet, ħawwad il-ħsieb tal-istess nies li jgħixu fin-naħa t’isfel taċ-Ċina.
 
L-aħħar dendil ta’ twiebet sar madwar 400 sena ilu, lejn in-nofs u l-aħħar perijodi tad-Dinastija Ming (1368 – 1644), waqt li dawk tal-bidu jmorru lura sa 1,000 sena, għad-Dinastija Song (960 -1279).
 
Sal-lum, l-aktar tebut imdendel antikament, instab fl-inħawi tat-Three Gorges, u jmur lura għal 2,500 sena ; il-Perijodu tar-Rebbiegħa u l-Ħarifa (770 qabel Kristu  sa 476 wara Kristu).
 
Kif għedna, din il-kwalità ta’ difna għebet misterjożament, hekk kif għeb darba għal dejjem il-poplu Bo.
 

Ta’ 21 sena b’tul ta’ 35 pulzier

altMinkejja li ż-żewġ ħutu l-oħra huma twal sitt piedi u ħames pulzieri, Nick Smith hu twil biss 35 pulzier. Hu wieħed minn 100 individwu fid-dinja li jbati mill-kundizzjoni ġenetika tan-nanuiżmu primordjali. Dan ifisser li Nick, ta’ 21 sena minn Atlanta, hu wieħed mill-iqsar irġiel fid-dinja, b’tul ta’ tifel ta’ tliet snin, minkejja li qabeż l-adolexxenza tiegħu.
 
Bil-maqlub tiegħu, iż-żewġ ħutu Levi ta’ 18 u Travis ta’ 24 sena, għandhom tul li jiżboq il-medja, għax dawn ma tweldux bl-istess kundizzjoni, tant li Nick, li hu ikbar minn Levi, qagħad jarah jikber u jitwal ferm aktar minnu. Skont it-tobba, fid-dinja hawn 200 tip ta’ nanuiżmu u l-iżgħar fosthom huma dawk primordjali, bħalma hu Nick, li jiżen inqas minn 12-il kilogram u nofs. Dawn it-tip ta’ nies jistgħu jsofru minn mard li spiss ikun assoċjat max-xjuħija u ħajjithom hi waħda qasira. Fil-fatt, ħafna jmutu qabel ma jilħqu l-età ta’ Nick.
 
altOmmu Shelly tgħid li Nick hu l-għaxqa ta’ qalbha. Hu bniedem kuntent u jferraħ u jimla l-qalb ta’ kull min jiltaqa’ miegħu. Tgħid li jħobb jieħu sehem fil-break dancing u jkun irid jimpressjona lin-nisa bil-press ups fuq id waħda.
 
Aktar kmieni din is-sena nstab li fil-Gran Britannja hemm tifla li tbati minn forma rari ta’ nanuiżmu primordjali, li tolqot biss tliet familji fid-dinja.
 
altSuraya Brown twieldet fl-2007 b’piż ta’ inqas minn borża zokkor u twila biss sitt pulzieri. It-tobba damu ħames snin biex sabu l-kundizzjoni tagħha, għax meta kienet għadha ċkejkna, għalkemm baqgħet żgħira, kienet mibruma.
Illum il-ġurnata Suraya tmur l-iskola b’uniformi ta’ qies żgħir ferm maħduma speċifikament għaliha.
 

L-iżgħar pilota ta’ ħames snin

Charles B. Spiteri

alt

Tifel Ċiniż sar l-iżgħar persuna li jtajjar ajruplan waħdu fl-età ta’ ħames snin, skont ma rrapporta missieru. He Yide, imlaqqam Duoduo, wettaq it-titjira tiegħu ta’ 35 minuta fil-Wildlife Park ta’ Beijing fiċ-Ċina nhar is-Sibt l-aħħar ta’ Awwissu.

Missieru, He Liesheng, li laqqam lilu nnifsu Eagle Dad u dan ibnu, għamlu isem għalihom is-sena li għaddiet, meta dehru ritratti  tat-tifel ikun imġiegħel jagħmel il-push-ups fil-borra, fi New York. Wara dak l-att, il-missier ħallas €3,670 għal-lezzjonijiet privati tat-titjir, u issa beħsiebu jikkuntattja lill-Guinness Book of Records, fuq ir-rekord li wettaq ibnu.

Skont il-ġurnal China’s People Day, fl-ajruplan kien hemm raġel ieħor ma’ Duoduo, iżda biss biex jindukrah. Dan qal li t-tifel ma kellu ebda biża’ fuqu.

Fiċ-Ċina, kulħadd jaf bil-metodi ibsin li l-missier iwettaq fuq ibnu biex jirnexxi.

Meta fuq il-YouTube, kien deher il-vidjo tat-tifel imdejjaq, iterter bil-bard fil-borra ta’ New York, bosta kienu dawk li kitbu biex ibnu jitteħidlu u jingħata għall-kura tal-istat.

Iżda Eagle Dad jgħid li jagħmel dan kollu ma’ ibnu, għax hu twieled prematur u għalhekk jagħmillu dawn l-eżerċizzji biex jgħinu jibni saħħtu fiżika u mentali.

Jirriżulta wkoll li l-missier iħarreġ lil ibnu fil-qdif u dan bl-iskop li jkun ferm aħjar minn kompetituri akbar minnu.

Rekord ta’ għawm għal nanna

altDiana Nyad, nanna ta’ 64 sena u għawwiema prima, fl-aħħar wettqet ir-rekord li fasslet f’moħħha hi stess, f’għawma ta’ 103 mili, minn Kuba għal Florida Keys.
 
Biex din il-mara wettqet l-isfida tagħha stess, li minn dejjem kienet il-ħolma tagħha, ippruvatha erba’ darbiet oħra. Fl-aħħar irnexxielha wara li damet tgħum 52 siegħa, 54 minuta u 18.6-il sekonda. L-ewwel kliem tagħha lill-miljuni ta’ ammiraturi kienu: “Taqtgħu qalbkom qatt.”
 
B’dehra ta’ għejja u maħruqa bix-xemx, Diana Nyad imxiet ftit fuq ix-xatt ta’ Key West, biex saret l-ewwel persuna li rnexxielha taqsam bejn Kuba u Florida mingħajr ma daħlet f’gaġġa għal kontra xi attakki tal-klieb il-baħar.
 
Fix-xatt, ingħatat merħba kbira u sabet tistennieha stretcher, fejn ngħatat ukoll kura medika. Xufftejha kienu minfuħin.
 
altHi nnifisha baqgħet mistaġba kif ta’ 64 sena rnexxielha tidħol fil-kotba tal-kampjuni, u n-nies skantaw meta rawha miksija bil-melħ wara t-tul ta’ żmien li għamlet fl-ilma baħar.
 
Hi kienet ippruvat din l-għawma fl-1978, fl-2011 u fl-2012. Meta marret id-dar bagħtet tliet messaġġi bl-internet. L-ewwel wieħed kien jaqra: ‘Iċċedu qatt’. It-tieni: ‘Qatt m’aħna xjuħ iżżejjed għall-ħolm tagħna’, u t-tielet: ‘Qatt sport solitarju. Dan hu tim’.
Immedjatament in-nanna bdiet tirċievi messaġġi ta’ kongratulazzjoni. Sal-President Obama ttwitjaha u qalilha: ‘Nifraħlek. Qatt iċċedi għall-ħolm tiegħek.’
 
Bl-għawma tagħha, Nyad kisret ir-rekord li kien sar fl-2012, minn Penny Palfrey, li wkoll għamet f’ħin rekord minn Kuba għal Florida.
 
Peress li fl-attentat ta’qabel, Nyad kellha tieqaf minħabba ħsara fid-dgħajsa, maltempati, kurrenti xejn favorevoli u bram, din id-darba libset libsa protettiva apposta, ingwanti, boots u maskra għal bil-lejl, meta l-bram jitla’ fil-wiċċ.
 
It-tim tal-apoġġ akkumpanjaha f’tagħmir li ġġenera kurrent irqiq madwarha biex il-klieb il-baħar ma jersqux lejha, u mad-dgħajsa ddendel ħabel biex juriha d-direzzjoni li kellha tibqa’ fiha.
 

Sejba reliġjuża Lhudija

altKtieb rari u antik ferm – li jmur lura għas-Seklu Disgħa, għadu kif instab minn kollettur ta’ artefatti bibliċi rari, u jingħad li hu l-eqdem ktieb tat-talb Lhudi, fid-dinja kollha.
 
Dan il-ktieb ta’ 50 paġna, miksi, instab f’Ġerusalemm, u wara testijiet li sarulu mill-esperti u skulari, intqal li sar għall-ħabta tas-sena 840 tal-Era Kristjana.
 
Il-Kollezzjoni l-Ħadra, li ħabbret is-sejba, tgħid li dan il-ktieb hu eqdem mill-ewwel skrolli tat-Torah, b’madwar 400 sena u jaf ikun ħolqa importanti ferm bejn iż-żmien tal-Iskrolli tal-Baħar Mejjet u l-Ġudaiżmu Medjevali.
 
Il-ktieb, li hu miksi kafellatte ċar għandu pagni ta’ 11-il ċentimetru (erba’ pulzieri) b’għaxar ċentimetri (tliet pulzieri). Hu miktub b’forma ta’ Lhudi arkajk, b’vokali Babilonjani. Minn kif jidher, għadu fid-dehra oriġinali li qatt kellu.
 
Bħala ktieb hu maqsum f’sitt sezzjonijiet li jiddiskutu temi bħat-tmiem tal-umanità u l-ħruġ tal-Lhud mill-Eġittu.
 
L-ewwel taqsima fiha sett ta’ 100 barka Lhudija.
 
Dr. Jerry Pattengale, direttur eżekuttiv tal-Green Scholars Initiative qal li s-sejba hi xhieda storika li tappoġġja l-bażi tal-ħajja reliġjuża Lhudija.
 

Il-Papa se jmexxi għal riforma

Charles B. Spiteri

alt

Il-Papa għadu kif akkuża lil bosta mill-predeċessuri tiegħu bħala nies narċiżisti, li ħallew lilhom infushom ikunu mfaħħrin mill-ajjutanti tagħhom infushom.

Il-Papa Franġisku, riformatur ewlieni tal-Knisja, wiegħed li se jagħmel ħiltu kollha biex ibiddel il-mentalità tal-Vatikan, u qal li s-Santa Sede kienet wisq iffukata fl-interessi tagħha stess.

Waqt li kompla jattakka t-tradizzjonijiet passati tal-Vatikan, li issa jidhru li għamlu żmienhom, f’intervista mal-Editur tal-gazzetta xellugija Taljana La Repubblica, il-Papa qal li l-Qorti Papali kienet il-lebbra tal-Papat. Din l-intervista xxandret fl-istess waqt li l-Papa beda żjara privata ta’ tlett ijiem biex jiltaqa’ ma’ tmien kardinali minn madwar id-dinja biex jgħinuh jirriforma l-amministrazzjoni tal-Vatikan, magħrufa bħala l-Kurja.

Dan għax il-Papa jemmen li l-Kurja preżenti aktar qed tagħti kas tal-interessi temporali, waqt li mhix tagħti kas tal-ħtiġiet veri li tabilħaqq huma meħtieġa madwar id-dinja. Hu wiegħed li se jagħmel dak kollu possibbli biex joħloq il-bidla meħtieġa.

Il-Papa Franġisku qal li t-tmien kardinali li għażel, se jinħatru biex jagħtuh il-pariri meħtieġa, u l-għażla tagħhom saret għax m’għandhomx motivi egoisti. Permezz tagħhom il-Papa jrid li l-Knisja jkollha organizzazzjoni li ma tkunx biss vertikali iżda wkoll orizzontali.

Rigward it-twemmin tal-fidi personali, il-Papa Franġisku kien rappurtat li qal: “Ma jeżistix Alla Kattoliku… Jien nemmen f’ Ġesù Kristu u fl-inkarnazzjoni tiegħu. Ġesù hu s-sid  u r-ragħaj tiegħi, iżda Alla u l-missier… id-dawl u l-kreatur. Dan hu li nemmen jien.”

1 9 10 11 12 13 15