Min kien li sab l-Amerika: Ċiniż jew Kristofru Kolombu?
Charles B. Spiteri
Kopja ta’ mappa ta’ 600 sena ilu, li nstabet f’ħanut li jbigħ l-oġġetti użati, hi prova ewlenija li kienu ċ-Ċiniżi u mhux Kristofru Kolombu, li sabu d-Dinja l-Ġdida l-ewwel. Dan jistqarru storiku kontroversjali Britanniku ta’ 76 sena.
Id-dokument, tas-seklu tmintax hu kopja ta’ mappa tal-1418 li saret mill-Ammirall Ċiniż Zheng He, u turi f’xi dettal id-Dinja l-Ġdida. Minn dak li jingħad, jirriżulta li baħri Ċiniż għamel mappa tal-Emisfera tal-Punent aktar minn sebgħin sena qabel ma hu magħruf li Kristofru Kolombu kien sab l-Amerika. Issa, l-awtur Gavin Menzies għadu kif ħareġ it-teżi tiegħu fil-ktieb bl-isem Who Discovered America? Il-pubblikazzjoni tiegħu taħbat eżatt ftit qabel il-vaganza magħrufa bħala Jum Kristofru Kolombu.

Menzies isostni li l-ewwel abitanti fl-Amerika kienu baħrin Ċiniżi, li qasmu l-Oċean Paċifiku 40,000 sena ilu. Jikteb ukoll li mid-DNA jista’ jiġi ppruvat li l-Indjani Amerikani u nies nativi oħra kienu d-dixxendenti ta’ bosta Ażjatiċi li kienu marru joqogħdu hemm. Fil-ktieb tiegħu, Menzies spiss jirreferi għal Kolombu, għax iddedika għoxrin sena minn ħajtu jfittex u jsib xhieda li Kolombu mhux biss ma kienx l-ewwel wieħed li sab l-Amerika, iżda għamel dan 40 elf sena wara ċ-Ċiniżi. Menzies jemmen li fil-fatt, Kolombu kellu l-mappa tad-dinja li tfasslet mill-Ammirall Ċiniż Zheng He, li ħoloqha meta baħħar għad-Dinja l-Ġdida fl-1421, aktar minn 70 sena qabel Kolombu.
Il-mappa li qanqlet kollox instabet fil-ħanut li jbigħ l-oġġetti użati minn Liu Gang, avukat minn Beijing. Fiha jintwerew sew ix-xmajjar u l-kosti fl-Amerika ta’ Fuq kif ukoll il-kontinent tal-Amerika t’Isfel. Din mhix l-ewwel darba li Menzies kiteb fuq dak li jaħseb. Fil-fatt, l-ewwel darba li kiteb fuq il-mappa kien fl-2002.
Miet eroj tal-Gwerra Ġermaniża
Charles B. Spiteri

Wieħed mill-aħħar ftit priġunieri tal-Gwerra f’kamp Ġermaniż, li immortalizza l-film The Great Escape, għadu kif miet fl-età ta’ 91 sena. Frank Stone minn Derbyshire, gunner mar-Royal Air Force kien ittieħed fi Stalag Luft III f’Zagan fl-adolexxenza tiegħu, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, wara li l-bomber tiegħu ikkraxxja f’Mannheim fl-1940.
Kien fl-għarix bin-numru 104, id-dar għal 76 bniedem tal-ajru li ppruvaw jaħarbu minn mina ta’ 348 pied fl-1944. Iżda laħaq ingħata l-allarm qabel ma Frank Stone – li kien ħaffer ukoll fil-ħamrija – seta’ jingħaqad ma’ ħbiebu. Min-nies li wettqu l-attentat tal-ħarba mill-mina li ngħatat l-isem ta’ ‘Harry’ 50 reġgħu inqabdu u ġew fuċillati, waqt li tlieta biss irnexxielhom jaħarbu b’suċċess.
Frank, li rnexxielu jikseb il-libertà lejn l-aħħar tal-gwerra; irritorna mill-ġdid fil-kamp Pollakk fl-2009. Iżda fi żmienu, dak kien territorju Ġermaniż u fih kien hemm madwar 10,000 ekwipaġġ tal-RAF. Fost il-50 li ppruvaw jaħarbu u nqatlu kien hemm Roger Bushell, il-moħħ wara l-pjan li ttama li jsalva ’l fuq minn 200 raġel.
26 mis-76 li ppruvaw jaħarbu reġgħu ddaħħlu fil-kamp, waqt li t-tlieta l-oħra ħarbu lejn il-Gran Britannja. Minn dak iż-żmien, id-29 persuna mietu. Kien fadal biss Frank Stone, li għen lill-kumitat tal-ħarba jpinġi mill-ġdid il-pjanti tal-mina. Skont il-pjan oriġinali, kellu jkun hemm tliet mini, bl-ismijiet ta’ Tom, Dick u Harry. Iżda l-ħsieb ta’ Tom inqabad qabel ma beda x-xogħol, waqt li Dick serviet biex jinħażen il-materjal imbattal minn Harry.
Frank irrakkonta li dakinhar tal-ħarba, speċjalment billejl, it-tensjoni kienet elettrifikanti. U meta mas-sbiħ sema’ sparatura u l-inbiħ tal-klieb, induna li s-suċċess ma ntlaħaqx.
L-imqarbezza fit-tfal żgħar
Charles B. Spiteri

Stħarriġ li għadu kif sar, juri li t-tfal li jqattgħu ġranet sħaħ f’ċentri tal-kura ma’ nies li jieħdu ħsiebhom, aktar ibatu minn problemi ta’ mġiba, fosthom imqarbezza żejda (iperattività).
Esperti mill-Università ta’ Oxford bdew jistudjaw it-tipi differenti ta’ influwenza fil-kura tat-tfal, fid-dawl taż-żieda drammatika fin-numru ta’ ommijiet li qed joħorġu jaħdmu, fl-aħħar snin.
Huma sabu li l-aħjar u l-aktar influwenzi b’saħħithom u konsistenti fuq l-imġiba tat-tfal ġew mill-ambjent tad-dar u mill-kura mogħtija mill-ommijiet.
Iżda huma sabu xejriet differenti għat-tfal mogħtija kura min-nies oħra barra mid-dar. Irrappurtaw li meta t-tfal iqattgħu perijodi twal fiċ-ċentri għalihom ta’ matul il-jum, jibda jkollhom numru ta’ problemi. L-istudju jġib il-firma tal-Professur Alan Stein, mid-Dipartiment tal-Psikjatrija tat-Tfal u Adolexxenti.
L-istudju, li kien pubblikat fil-magazin Child: Care, Health and Development, stħarreġ 991 familja li bagħtu lit-tfal tagħhom f’kura barranija sa minn meta kellhom tliet xhur. L-ommijiet kienu lkoll fuq is-16-il sena meta welldu, bl-età medja tkun ta’ 30 sena.
Tfal oħra bi problemi fl-imġiba tagħhom kienu dawk li jinsabu f’familji fi stat soċjo demografiku baxx; kura nieqsa min-naħa tal-omm u għejja mill-ġenituri.
Minn Los Angeles sa San Francisco f’nofs siegħa!
Charles B. Spiteri
Aktar minn seklu qabel ma Elon Musk ħaseb li jagħmel il-Hyperloop, fl-Amerika diġà kien hemm sistema ta’ tubi pnewmatici rivoluzzjonarji, li fihom iġorru l-posta. Din kienet twassal il-posta f’kapsuli madwar il-Belt ta’ New York – minn ftit piedi taħt l-art.
Inawgurata fl-1897, is-sistema ‘sparat’ kważi 100,000 ittra kuljum madwar il-metropoli b’ħeffa ta’ 35 mil fis-siegħa – u ftit jiem ilu, l-inventur biljunarju Musk stqarr li s-super tube li jivvjaġġa bi 800 mil fis-siegħa minn Los Angeles sa San Francisco, hu dixxendent dirett tas-sistema pnewmatika tal-posta.
Madankollu, bix-xewqa li jaraw min se jkun l-ewwel bniedem li juża s-sistema ta’ trasport b’ħeffa enormi, li għad trid issir, sar magħruf li meta tħaddmu għall-ewwel darba t-tubi tal-posta fi New York, l-ewwel ‘passiġġier’ kien qattus iswed.
Dak iż-żmien kienet sistema avangardista li minn taħt l-art u fi żmien qasir titwassal il-posta minn Brooklyn għal Harlem għal Times Square u l-Grand Central Terminal. U meta nbniet, fis-snin 1890, is-sistema b’arja ppressata, swiet $4 miljun. Iżda minkejja li dak iż-żmien kien wasal tmiem is-seklu, is-sistema kienet effettiva mmens, hekk li rapport tal-Kungress, tal-1914 jirrakkonta kif f’jum partikulari ta’ xitwa qalila, ‘mit-toroq ta’ New York ħadd ma seta’ jgħaddi, madankollu kulħadd irċieva l-ittri tiegħu fil-ħin!’
Dawn is-sistemi tant kisbu suċċess fl-ewwel għaxar snin, li Charles Emory Smith, Postmaster General tal-Istati Uniti kien qal lill-Brooklyn Eagle fl-1900, li fil-futur, kull dar fil-pajjiż tkun imqabbda mat-tubi pnewmatiċi u eventwalment, jitqabbdu wkoll l-Ewropa u l-Amerika. L-ewwel posta pnewmatika fi New York intbagħtet fis-7 ta’ Ottubru tal-1897, mill-ħaddiem tal-posta Howard Wallace Connelly.
Fl-awtobijografija tiegħu, Connelly jiddeskrivi kif l-uffiċjali tal-posta qagħdu skantati jistennew it-tubi jaslu. Jikteb kif l-ewwel tubu li wasal u nfetaħ, ħoloq tbissima għax fih kien hemm ħawħa artifiċjali. Minuta
wara wasal it-tieni tubu pnewmatiku b’suċċess. Minnu ħareġ qattus iswed li ntbagħat minn Manhattan sa Brooklyn.
Fuq l-istess sistema, Elon Musk qed jippjana l-hyperloop tiegħu minn LA sa San Francisco. Hu beħsiebu jibni tubu għall-passiġġieri, li jidħol f’ieħor airtight u jiġi sparat għad-destinazzjoni tiegħu. Musk jemmen li permezz tal-ivvjaġġar li għandu f’moħħu, il-passiġġieri jaslu minn Los Angeles sa San Francisco fi 30 minuta. Anki l-karozzi jistgħu jintbagħtu bl-istess sistema. Din l-idea għandha tieħu bejn seba’ u għaxar snin biex tinbena u għaliha qed jaħseb li jonfoq erba’ biljun lira.
L-intraprenditur ħoloq il-fortuna tiegħu bis-sistema tal-ħlas Pay Pal fuq l-internet. Imbagħad qaleb għall-ħiliet tiegħu li jiżviluppa s-sistema tar-rocket Falcon għan-Nasa u l-karozza elettrika Tesla.
Jinstab tribù indiġenu
Għadu kif beda jiċċirkula vidjo ġdid li juri l-ewwel immaġini ta’ tribù indiġenu li jgħix fil-ġungla tal-Amazonja, fil-Brażil, li kien jemmen li hu kompletament maqtugħ mid-dinja ta’ madwaru.
L-immaġini rari, juru numru ta’ membri tat-tribù Kawahiva, mexjin qalb ħafna weraq dens. Fosthom jidhru rġiel għeriewen iġorru l-qwies u l-vleġeġ; u mara ġġorr tarbija fuq daharha. Hekk kif tinduna bil-camera, taħrab, waqt li raġel mit-tribù jistaħba qalb il-weraq, biex jinvestiga.
Persuni li xogħolhom hu li jaqtgħu s-siġar ilhom jirrappurtaw bl-eżistenza tal-Kawahiva sa mill-1999. Iżda l-membri tat-tribù għadhom mhedda sew, kemm minn dawn il-ħaddiema kif ukoll mill-bdiewa.
Ir-reġjun Amazonjan hu d-dar għal miljun Indjan, li kienu maqsumin f’madwar 400 tribù – kull wieħed bil-lingwa, id-drawwiet u t-territorju tiegħu.
Ħafna minn dawn in-nies indiġeni kellhom kuntatt mad-dinja estranja għalihom sa minn 500 sena ilu, iżda għad fadal oħrajn li baqgħu iżolati.
F’Awwissu tal-2011, il-Gvern Brażiljan ikkonferma l-eżistenza ta’ popolazzjoni iżolata qrib il-fruntiera mal-Perù, fir-riserva massiva Vale do Javari, wara li t-tribù ta’ 200 persuna ntlemaħ bis-satellita.
Issa, skont il-FUNAI — li hi fundazzjoni internazzjonali–il-kultura u wkoll l-għajxien ta’ dawn it-tribujiet fil-Brażil hu mhedded mis-sajd illegali, mill-kaċċa, mill-qtugħ tas-siġar, mit-tħaffir fil-post, kif ukoll mid-deforestazzjoni mill-bdiewa, mill-attività missjunarja u mit-traffikanti tad-droga.
Tul 500 sena ta’ mard u vjolenza, il-maġġoranza ta’ din il-popolazzjoni indiġena nqerdet. Illum fadal biss madwar 896,000 Indjani fil-Brażil, li jgħixu f’aktar minn238 tribù.
Dawn it-tribujiet ivarjaw fil-qies tagħhom. Hemm il-Guarani u l-Yanomani, li fihom għaxriet ta’ eluf, u tribujiet bħall-Akuntsu u Kanoê, li fihom ftit tużżani ta’ nies.
Il-filmat tal-vidjo ittieħed minntim ta’ esploraturi Indjani, membri tal-fundazzjoni FUNAI, li ħadmu id f’id mal-aġenzjia tal-gvern Brażiljan responsabbli mill-mappar u l-protezzjoni tal-artijiet. Il-fundazzjoni FUNAI twaqqfet bl-iskop uniku li tħares dawk l-oqsma, li tradizzjonalment huma abitati minn komunitajiet indiġeni.
Rifjut ta’ servizz minħabba l-ħamiem
Pustiera fl-Ingilterra oġġezzjonaw li jqassmu l-ittri lil mara f’darha peress li qed jibżgħu li jiżolqu fil-ħmieġ tal-ħamiem.
Heather Rogers, ta’ 63 sena kienet ilha ma tirċievi posta minn Ottubru li għadda u dan minħabba li l-ħmieġ tal-ħamiem kien wassal biex it-triq issir tiżloq ferm.
Il-ħamiem jinġabar fuq ħajt fl-isqaq żgħir bl-isem ta’ Wheelbarrow, f’Helston, Cornwallu jħammeġ regolarment il-passaġġ bil-ħmieġ tiegħu. Apparti milli ma tirċevix il-posta, din ir-residenta frustrata kienet infurmata mill-Posta nnifisha li l-passaġġ għad-dar tagħha kien qed ikun ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà.
Minħabba li rċeviet telefonata, fejn qalulha li ma kinitx ħallset kont tat-telefon mibgħut lilha, Heather Rogers kellha tmur il-posta hi stess u sabet li l-invilopps tagħha kienu miżmuma hemm u fuqhom kellha miktub li l-pustiera ma marrux għandha minħabba ż-żliq.
Meta lmentat, l-uffiċjali qalulha li hi fid-diskrezzjoni tal-pustiera jwasslulhiex il-posta jew le, għax jiddependi jkunux iridu jirfsu l-ħmieġ tal-ħamiem u jiċċansjaw xi żelqa.
Kemm l-uffiċjali tal-Posta kif ukoll Heather talbu lill-awtoritajiet lokali biex inaddfu l-isqaq, ħalli s-servizz ikun jista’ jingħatalha. Wara tliet ġimgħat, ta’ talbiet, beda jsir it-tindif meħtieġ mill-awtoritajiet.
Misterju għal messaġġ fi flixkun
Charles B. Spiteri
Ftit jiem ilu, raġel nissel rabja enormi wara li sab l-eqdem messaġġ fi flixkun; u qed jirrifjuta li jiftħu.
Qadim u f’dehra ta’ telqa sħiħa, il-flixkun instab għadu ssiġillat tajjeb u finalment, il-messaġġ wasal għall-qarrej seklu wara li nkiteb u wara li dam jgħum għal 1,115-il mil.
Il-flixkun, ta’ ħġieġ aħdar intlemaħ fix-xatt sekluż, magħruf bħala Schooner’s Cove, f’Tofino, il-Kanada.
L-envilopp, li hu viżibbli sew fil-flixkun, juri l-indirizz tal-Earl Willard; mnejn intbagħtet l-ittra; id-data meta nxteħet fil-baħar, li hi d-29 ta’ Settembru, 1906 u l-firma tal-istess persuna.
Waqt li dan l-aħħar, Steve Thurber kien qed jippassiġġa fix-xatt, lemaħ flixkun fir-ramel. Fih kien hemm nota ffirmata minn Earl Willard, li bagħatha wara 76 siegħa fi vjaġġ fuq dgħajsa ċkejkna minn San Francisco sa Bellingham, Washington.
Il-flixkun kien f’rotta li suppost ħa minn għaxart ijiem sa ħmistax-il jum, biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu, kieku l-vapur żamm mal-iskeda tiegħu. Iżda kien żmien fejn in-nobbli Willard u nies oħra li jibagħtu l-messaġġi fil-fliexken ma kinux ikunu ċerti, wasalx il-messaġġ tagħhom jew le.
Minkejja r-rabja tan-nies li jixtiequ lil Steve Thurber jiftaħ l-envilopp, hu rrifjuta jagħmel dan. Hu qal li: “Jista’ jkun li dan il-bniedem bagħat dan l-uniku messaġġ fi flixkun, u sibtu jien. Hu bħal ċans ta’ wieħed f’biljun.”
B’data ta’ kważi mitt sena ilu – jista’ jingħad li dan hu l-eqdem wieħed li nstab b’messaġġ fih. Qablu, kien instab wieħed miktub 98 sena qabel, mis-sajjied Skoċċiż Andrew Leaper. Dan kien sabu f’Shetland u rreġistrah fil-Guinness World Records.
Il-flixkun misjub fl-Iskozja kien fih kartolina, li toffri premju ta’ sixpenz (sitt ċenteżmi tal-ewro) lil min isibu.
Jiġġerra b’uniformi u maskra tal-gass
Charles B. Spiteri

Ritratt ta’ raġel misterjuż, idur qalb is-siġar għadu kif kien ippubblikat fil-gazzetti Żvizzeri. Intqal li dan ir-raġel ilu jiġġerra fl-istess postijiet għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Il-figura, magħrufa bħala Le Loyon, li titqies bħala t-tweġiba għall-mostru ta’ Loch Ness, tilbes uniformi militari, b’mantell oħxon u maskra tal-gass li tgħattilha jew tgħattilu wiċċu.
Waqt li ma jidhirx li min hu u la hu aggressiv u lanqas perikoluż, il-pulizija qed jittamaw li jintraċċaw lil Le Loyon, biex iħajruh ma jibqax joffri din id-dehra ta’ theddid.
Il-leġġendi li qed jingħadu fuq Le Loyon isemmu li ilu għal dawn l-aħħar għaxar snin idur fl-istess rotta fil-foresta ta’ Maules, fin-naħa tal-Punent tal-Iżvizzera. Xi nies irrakkuntaw il-laqgħat tagħhom miegħu. Ilkoll semmew il-maskra tal-gass, li tidher li hi waħda antika ferm. Ħadd ma jaf x’inhu għaddej f’moħħu, għax qatt ma ttanta lil ħadd. Minn dak li stqarr kull min rah, din il-persuna hi waħda twila.
Minħabba f’kulma qed jintqal, ħafna familji bit-tfal qed jibżgħu jersqu lejn il-foresta, tant li Guy Savary, l-uffiċjal tal-muniċipju inkarigat mill-foresti, ħabbar, li peress li din il-persuna qed tqanqal il-biża’, se jara kif l-awtoritajiet ikunu jistgħu jsibuh u jiskoraġġuh milli jkompli għaddej b’din it-tip ta’ drawwa.
Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd!

Għal ħafna u ħafna snin din il-barbuna (halibut) taf ħarbet minn kull theddida għal ħajjitha… iżda fl-aħħar, inqabdet ukoll… b’qasba u sunnara!
Minn kif tidher, din il-ħuta ġganteska, li jingħad li għandha 150 sena, spiċċat inqabdet lejn il-kosta tan-Norveġja. Metattellgħet mill-baħar, instab li kienet tiżen 194 kilo.
Kien rappurtat li din il-ħuta ġganteska tiżen 20 darba l-medja tal-piż tal-ispeċi tagħha u minnha jistgħu jieklu aktar minn 500 persuna.
Dean Roberts, is-sajjied li qabad il-ħuta, iddeskrivieha bħala ‘mostru’.

Aktar tard bagħatha f’Hull, Yorkshire, fejn intiżnet biex bejn wieħed u ieħor jistabbilixxu l-età tagħha. Hu magħruf li għal kull sena, ħuta ta’ din il-kwalità tkun tiżen kilo, u mingħajr ras, wiżnet 169 kilogramm. B’hekk kien stabbilit li din il-barbuna avventuruża, u li dejjem beżgħet għal ħajjitha, għandha madwar 150 sena!
Roberts kellu diversi talbiet minn ristoranti f’Londra biex ibigħhielhom, peress li hi meqjusa bħala ħuta mfittxija. Għaliha ġa kien offrut is-somma sabiħa ta’ €3,567.
Minkejja l-kobor enormi tal-barbuna, intqal li mhix l-ikbar waħda li nqabdet s’issa. F’Lulju, il-Ġermaniż Marco Liebenow qabad waħda ta’ madwar 232 kilo. Kien ħa siegħa u nofs biex tella’ l-ħuta ta’ disa’ piedi f’wiċċ il-baħar u sab li kienet kbira wisq biex itellagħha fid-dgħajsa ċkejkna li kellu.
Il-qabda ta’ qabilha, li wkoll kienet tqieset bħala l-akbar waħda ta’ barbuna, inqabdet fl-2010 mis-sajjied veteran Ġermaniż Günther Hansel, ta’ 70 sena. Hi kienet tiżen 220 kg u nbiegħet għall-prezz ta’ €2,498.
Flok Tifħir Ħadet Projbizzjoni
Charles B. Spiteri

L-istudentessa Charlotte Duggan qaxxret xagħarha biex ġabret €1,190 b’risq il-kampanja tal-kankru tas-sider. Iżda bl-atteġġjament tagħha qanqlet ir-rabja tal-iskola fejn tattendi f’Basingstoke, Hampshire, li pprojbietha tkompli tattendi fiha. L-iskuża li ġabulha kienet li bl-istil ta’ xagħar li għandha bħalissa, tmur kontra r-regoli tal-iskola.
It-tifla wettqet il-ħsieb tagħha wara li kienet ispirata min-nannitha, li rebħet b’suċċess il-marda terminali li laqtitha, disa’ snin ilu.

Meta marret l-iskola, ħasbet li se tkun imfaħħra għall-att karitatevoli li wettqet, iżda minflok, sfat umiljata u mkeċċija mill-iskola għal jumejn. Hi lanqas tħalliet fil-kumpanija ta’ ħbiebha tal-klassi waqt il-kolazzjon u fil-ħinijiet ta’ bla tagħlim. Kulma kienet permessa kien li tmur sal-canteen weħidha u lura.
Charlotte qaxxret xagħarha fil-bidu ta’ Awwissu, bil-ħsieb li jilħaq jitlgħalha, u biex ma titlobx il-permess tal-iskola. L-atteġġjament tal-iskola rrabja wkoll lil Kerry, omm Charlotte, li qatt ma stenniet li flok ma bintha tkun infaħħra għal dak li għamlet b’għajnuna għal ħaddieħor, spiċċat iżolata u pprojbita mit-tagħlim. Hi staqsiet jekk it-tagħlim tal-iskola kellux ikun biss dak akkademiku.