Laqtiet

Il-Lhudi li stagħna minn fuq il-Ġermaniżi

Charles B. Spiteri

Lhudi li kien ‘meħtieġ ferm fil-gwerra tan-Nażi’ hu riferut bħala l-ikbar ħalliel fi żmien il-gwerra fl-Ewropa.

Michel Szkolnikoff innegozja bċejjeċ tal-arti u ġojjellerija misruqa minn Franza, u għamel fortuna għalih u għan-Nażisti.

Szkolnikoff ħarab mill-ġenoċidju u għamel fortuna li tiswa sitt biljun Frank Franċiż fl-1945 (491 miljun ewro) fil-flus tal-lum u miet misterjożament fi tmiem il-gwerra, għalkemm numru ta’ nies jemmnu li ħarab lejn l-Amerika t’Isfel.

alt

Il-ġurnalist Franċiż u storiku Pierre Abramovici kiteb ktieb fuq Szolnikoff, fejn jispjega kif irnexxielu jaħrab id-destin li mess lil miljuni ta’ Lhud oħra u wettaq għalih innifsu ħajja ta’ lussu.

Abramovici qal: “In-Nażi ħtieġu l-ispeċjalisti; Lhud u mhumiex. Il-qagħda ta’ Szkolnikoff kienet komplessa. Hu tqies bħala Lhudi mill-Franċiżi u Arjan min-Nażi. Kien arrestat darbtejn mill-Franċiżi u kull darba meħlus min-Nażi.”

L-Ambaxxata Amerikana f’Madrid enfasizzat li Szkolnikoff kien ħalliel ewlieni tax-xogħlijiet tal-arti.

Rapport kunfidenzjali, datat Awwissu 1944 jgħid li Szkolnikoff seraq ukoll ġojjelli, deheb u ħaġar prezzjuż minn Franza “għan-nom tal-Gestapo.”

Szolnikoff twieled fl-1895 fir-Russja Tzarista, iżda ħarab wara r-rivoluzzjoni u sar ċittadin Ġermaniż, qabel ma mar fi Franza fls-snin tletin.

Biex jaħbi l-oriġini Lhud tiegħu, l-ewwel ma għamel bidel ismu għal Michel u beda jinnegozja fit-tessuti, li kien ibigħ fi ħwienet kbar f’Pariġi.

Kien għadu jiġġieled mal-ħajja hekk kif faqqgħet il-gwerra, iżda ma damx ma għamel il-fortuna tiegħu bil-ħjata tal-uniformijiet militari għall-Armata Ġermaniża, in-Navy u wkoll l-SS.

Abramovici jikteb: “Kien raġel fqir qabel il-gwerra, iżda mbaħad iltaqa’ mas-sieħba tiegħu, mara Ġermaniża bl-isem ta’ Helene Samson, li introduċietu lill-membri tan-Navy Ġermaniża u lill-SS.

“Dan ir-raġel, neguzjant tat-tessuti ma kellux reliġjon, ideali politiċi u morali. Ried biss jagħmel il-flus u fi tliet snin sar l-iktar raġel sinjur fi Franza.

“Eventwalment, kellu parti ewlenija mil-lukandi lussużi fi Franza u f’Monaco u tużżani ta’ bini jiswa l-flus fiċ-ċentru ta’ Pariġi, madwar Champs Elysées, kastell u proprjetajiet oħra.”

Wara l-mewt ta’ Hilter u ċ-ċediment tal-Ġermaniżi f’Mejju 1945, in-Nażi prominenti ħarbu u dawk li kkollaboraw magħhom fi Franza, bdew ikunu mfittxija.

Szolnikoff ħarab lejn Spanja, immexxija mid-dittatur faxxist Franco, iżda milli jidher miet barra Madrid f’ Ġunju tal-1945.

Il-katavru tiegħu ntrema fil-kampanja u sar attentat biex jinstab u jinħaraq. Il-fehma ta’ Abramovici hi li grupp ta’ Franċiżi kkaċċjawh u qatluh kiesaħ u biered.

Iżda hemm min isostni li l-mewt ta’ Szkolnikoff kienet gidba, u li jista’ jkun ħarab lejn l-Arġentina fejn aktarx kellu kont bankarju.

Meta ntemmet il-gwerra kien hemm battalja legali kbira fuq il-wirt li kellu Szkolnikoff. Din damet sejra s-snin.

Sejbiet taħt il-baħar

Grupp ta’ arkeologi ta’ taħt il-baħar mill-Grecja u l-Amerika, ħabbru s-sejba inkredibbli ta’ 22 għarqa ta’ bastimenti antiki, ilkoll madwar Fourni, arċipelagu Grieg żgħir.

alt

Is-sejba saret f’nofs dak li fil-passat kien il-kanal ewlieni għall-bastimenti u r-rotta għall-kummerċ bejn il-Greċja, Ċipru u l-Eġittu. L-għerqiet imorru lura għal bejn is-sena 700 qabel Kristu u s-seklu 16.

L-aktar sejba importanti saret f’post 17-il mil bogħod, imferrxa madwar it-13-il gżira li jiffurmaw l-arċipelagu, in-naħa tal-Lvant fil-baħar Eġew.

Peter Campbell, mill-Università ta’ Southampton u ko-direttur tal-Fundazzjoni Nawtika RPM qal li fi 13-il jum biss, qabżu kull stennija u żiedu 12 fil-mija mat-total ta’ bastimenti antiki fl-ibħra territorjali Griegi, li kienu diġà jafu bihom.

Il-kummerċ bil-bastimenti li jaqsmu bejn il-Greċja u l-Asja minuri kien ikollhom ibaħħru minn hemm u kultant kienu jfittxu kenn fir-reġjun kollu blat.

Il-qagħda ta’ Fourni bejn iż-żewġ gżejjer ta’ Samos u Ikarja jafu wasslu biex l-istess post iservi ta’ ċimiterju għall-bastimenti mgħarrqin.

Peter Campbell żied jgħid: “Ikarja u l-kosta fil-punent a’ Samos la għandhom portijiet u lanqas fejn jankraw il-bastimenti; għalhekk Fourni kien l-aktar post żgur fejn setgħu jirmiġġjaw.”

Is-sejba saret mill-grupp ta’ arkeologi mill-Eforat Grieg tal-Antikità ta’ taħt il-Baħar u l-Fondazzjoni Nawtika RPM, li ħadmu ma’ għaddasa u sajjieda lokali.

George Koutsouflakis, direttur Grieq qal: “Fl-aqwa każi, f’tiftix tipiku nillokaw erbgħa sa ħames għarqiet ta’ bastiment kull staġun. Stennejna staġun ta’ suċċess, iżda ħadd ma kien imħejji għal dan. Litteralment, il-bastimenti mgħarrqa nstabu kullimkien.”

L-oġġetti misjuba f’dawn il-bastimenti inkludew ġarar u amfori li huma xhieda tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn Ċipru, il-Levant, il-Greċja u l-Eġittu.

L-ajruplani privati ta’ Elvis Presley

Charles B. Spiteri

alt

Minn Graceland ħarġet l-aħbar li l-Lisa Marie u l-Hound Dog II, iż-żewġ ajruplani li kienu ddisinjati u nbnew għal Elvis Presley, se jibqgħu b’mod permanenti f’Memphis, fejn l-attrazzjoni turistika hi ċċentrata fuq il-ħajja u l-karriera tal-kantant.

Dan l-avviż temm il-konfużjoni li nħolqot fuq il-futur tal-istess ajruplani, li kienu jintużaw mir-Re biex ikun jista’ jivvaġġa u jmur jagħti l-wirjiet, wara li xtrahom lejn tmiem is-snin sebgħin.

L-ikbar ajruplan, Convair 880, issemma’ Lisa Marie, għal bint Elvis. Minn ġewwa qisu karozza lussuża li ttir. Fih kamra tas-sodda kbira, sistema stereo, kamra tal-konferenzi u l-vitien tal-kamra tal-banju huma miksija bid-deheb. Kien irranġat hekk wara li Elvis xtrah mingħand id-Delta Air Lines u tar bih l-ewwel darba f’Novembru tal-1975.

Meta l-kantant miet, fis-16 ta’ Awwissu 1977, il-pilota ta’ Elvis tajjar il-Lisa Marie sa Kalifornja biex ħa lil Priscilla Presley, l-eks mara tal-kantant, f’Memphis.

L-iżgħar ajruplan, li hu JetStar u ssemma’ Hound Dog II, ukoll intuża minn Presley.

Wara l-mewt ta’ Elvis, iż-żewġ ajruplani nbiegħu lill-kumpanija bl-isem ta’ OKC Partnership.

Minn nofs is-snin tmenin, din il-kumpanija u Graceland qablu li jipparkjaw l-ajruplani fi Graceland, fejn saru żewġ oġġetti mill-aktar mistennija mit-turisti, biex jarawhom minn ġewwa.

Iżda għalkemm il-ftehim li kien hemm iċċajpar xi ftit is-sena li għaddiet, issa jidher li ħarġet ix-xemx u kien deċiż li l-ajruplani jibqgħu f’posthom għal dejjem.

Ara Jiġix f’Pajjiżna!

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Bla dubju, jekk dan ir-raġel jagħżel li jiġi Malta, żgur li ma joqgħodx jum bla xogħol għax kull kunsill lokali jipprova jħaddmu miegħu!

Andrew Hawes ta’ 43 sena, li ddejjaq bil-ħmieġ tal-klieb li ta’ kuljum iħammġu t-toroq fejn joqgħod, qed jilbes ilbies camouflage u jistaħba qalb l-arbuxelli fil-park ta’ Leiston, f’Suffolk, bl-iskop li jiġbed ritratti ta’ dawk is-sidien tal-klieb li ma jiġbrux il-ħmieġ li jagħmlu fl-art.

Meta jara lil xi ħadd iħalli l-ħmieġ mal-art, joħroġ fid-dieher u jhedded lil sidien il-klieb li jirrappurtahom jekk ma jnaddfux il-ħmieġ. Min ma jismax bil-kelma t-tajba, jiġi rrappurtat lill-pulizija, li joħorġu ċ-ċitazzjonijiet.

BDL Books - Laqtiet

Ladarba jkun liebes camouflage, Andrew, sewwieq tat-trakkijiet u missier ta’ erbat itfal, ħadd ma jinduna bih. Hu saħaq li qed jagħmel dan kollu għax il-ħmieġ tal-klieb jista’ jagħmi lit-tfal minħabba infezzjonijiet, u hu ma jridx li wliedu jispiċċaw ma jarawx tort ta’ sidien traskurati.

Hu u l-ġirien tiegħu jqattgħu ħin konsiderevoli jnaddfu l-ħmieġ tal-klieb ta’ ħaddieħor, u l-għada jerġgħu jsibu ħmieġ ieħor. Issa waqqfu grupp li l-membri tiegħu jagħmlu ronda regolari biex is-sidien jindunaw bihom u jiġbru l-ħmieġ tal-klieb tagħhom.

Mistoqsi dwar ix-xogħol li qed iwettaq ‘bil-moħbi’ hu qal li l-pulizija qalulu li mhux illegali, għax qed iwettaq ħidma ta’ CCTV u huma jimxu fuq ix-xhieda li jkollhom. Kull ċitazzjoni tiswa lis-sid maħmuġ u traskurat ta’ kelb is-somma ta’ €115.

Ġigġifogu ta’ Fili Elettriċi

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Dehriet tal-biża’ jidhru kontinwament fil-belt ċentrali tal-Indja, li hi waħda movimentata għall-aħħar. Hawn, wieħed jista’ jintebaħ bil-kwantità enormi ta’ fili elettriċi mdendlin bl-addoċċ. L-agħar ħaġa hu li kull fil fih kurrent elettriku qawwi.

Dawn il-wires qishom spagetti, jissupplixxu d-dawl lil Delhi, u saru dehra komuni mal-Indjani, iżda l-electricians li jissejħu fil-post minħabba xi ħsarat, ikollhom tabilħaqq jgħaddu minn ħmar il-lejl biex isewwu u jerġgħu jipproduċu l-elettriku f’dawk l-inħawi fejn ikun inqata’, apparti l-fatt li jkunu qed jipperikolaw ħajjithom.

Is-serq tal-elettriku f’din il-belt hu rampanti, u għalhekk hu faċli ferm li kull tant ħin jinqata’ d-dawl u partijiet kbar jisfaw fi dlam taqtgħu b’sikkina.

Tota Ram, li jgħix f’Delhi, qal li: “primarjament, dan hu t-tort tal-gvern, li qatt ma ta kas ta’ dawn il-wires kollha.” Iżda n-nies tal-lokal huma wkoll responsabbli… però huma kuntenti li għandhom aċċess qrib mnejn ‘jisirqu’ l-kurrent għall-ħtiġiet tagħhom.

Meta jasal l-istaġun tal-monsoon, id-densità ta’ wires issir perikoluża, għax numru minnhom jitqaċċtu u jmissu l-għadajjar tal-ilma.

Kien rappurtat li l-gvern ta’ Delhi għandu f’moħħu li jirriloka dawn l-wires taħt l-art, iżda x-xogħol għad irid jinbeda.

Mohit Issar, resident ieħor f’Delhi, qal li jekk in-nies jieqfu jisirqu d-dawl, ikun hemm inqas qtugħ tas-servizz u inqas wires  imdendlin fuq l-irjus il-ħin kollu.

Skont l-informazzjoni tal-World Bank, 22.3 fil-mija tan-nies fl-Indja għad m’għandhomx provvista tad-dawl elettriku.

Sejba ta’ miljun mumja

altĊimiterju li kien fih aktar minn miljun katavru uman mummifikat għadu kif instab waqt tħaffir fiċ-ċentru tal-Eġittu. Dan ikkonfermawh l-arkeologi.
 
Ix-xjenzati qalgħu aktar minn 1,700 mumja, ippreservati mis-sħana niexfa tad-deżert fir-reġjun Faiyum fl-Eġittu, madwar 96 kilometru fin-naħa t’isfel tal-Kajr. Iżda dawk li qed jiskavaw jemmnu li jaf hemm madwar miljun minn dawn il-mumji midfunin f’qatgħat tal-ġebel tal-franka, fejn uħud minnhom jinsabu f’fond ta’ madwar 22.9 metru.
 
Hu mifhum li dawn il-mumji ndifnu madwar 1,500 sena ilu, bejn l-1 u s-7 Seklu wara Kristu, meta l-Eġittu kien kontrollat mill-Imperu Ruman u dak Biżantin.
 
Kontra l-fdalijiet mummifikati famużi li kienu nstabu fl-Eġittu, dawn il-mumji nstabu f’oqbra tal-massa u jidhru li aktar setgħu kienu ċittadini ordinarji milli nies irjali jew figuri importanti.
 
Madankollu, ix-xjenzati baqgħu mħawdin għall-fatt ta’ dan in-numru kbir ta’ mumji, peress li l-villaġġ fil-qrib hu ċkejken ħafna u għalhekk ma kienx hemm ħtieġa ta’ ċimiterju hekk kbir. Terġa’ l-belt l-aktar viċina, imsejħa Philadelphia, għar-Re Ptolemy II Philadelphus, għandha wkoll iċ-ċimiterji tagħha.
 
Fost il-mummji skavati, l-arkeologi kixfu waħda ta’ raġel li kien twil 213 ċentimetru  (aktar minn seba’ piedi).
 
Interessanti kienet ukoll is-sejba li tat x’tifhem li dawk b’xagħar safrani kienu midfunin f’naħa, waqt li dawk b’xagħar skur, naħa oħra.
 
Il-mummji misjuba għadhom ilkoll bl-organi interjuri intatti, u għalhekk, skont il-Professur Kerry Muhlestein, kienet il-klima u l-ambjent tad-deżert li ppreserva ġisimhom.

Xewqa ta’ omm mitmuma sal-aħħar

altMeta fl-1944, Tony Clarke ħareġ mid-dar f’Kidderminster, biex jingħaqad mal-RAF, ommu, emozzjonata għall-aħħar qaltlu: “Nittama li nerġa’ narakom ilkoll lura d-dar.”
 
Kienet tabilħaqq xewqa ħerqana ta’ mara u omm li kienet rat lis-sitt uliedha jitilqu wara xulxin għall-gwerra.
 
U x-xewqa u t-talb tagħha kienu mismugħin, għax mhux talli reġgħu lura mingħajr ebda feriti, iżda talli ħamsa minnhom għadhom ħajjin minkejja li qabżu d-90 sena.
 
Huma jgħixu fil-kontea ta’ Worcestershire, ilkoll jirrakkuntaw il-ħrejjel tal-kunflitti li ltaqgħu magħhom fil-gwerra. Herbert, ta’ 99 sena u Tom ta’ 97 jgħixu f’Bewdley, Peter ta’ 95 jgħix f’Droitwich, Paul ta’ 92 f’Martin Hussingtee u Tony ta’ 90 sena fid-dar li kellhom f’Kidderminster. Ħuhom l-ieħor Ken, li serva f’Burma, miet fl-1982, l-aħwa jiltaqgħu spiss u dejjem jirrakkuntaw xi silta minn ħajjithom barra minn pajjiżhom.
 
Wieħed minnhom jiftakar li ltaqa’ mat-tifla tad-Dittatur Taljan Benito Mussolini,  ieħor kien mistieden tal-Maharajah fl-Indja u ħuhom ieħor kien milqugħ mill-Papa Piju VII fil-Vatikan.
 
Herbert kien l-ewwel wieħed li nkiteb, fl-1940. Serva bħala sewwieq sakemm ingħaqad mar-Royal Electrical and Mechanical Engineers (REME) biex jitħarreġ bħala mekkanik tar-radar.
 
Wara kien promoss u kellu taħtu 90 kanunier fl-Italja. Hu semma esperjenza li jiftakar sew, meta f’operazzjoni minnhom qabdu mijiet ta’ priġunieri Ġermaniżi, fosthom subien imbikkija ta’ 17-il sena. Fl-Italja kien promoss għal assistent kaptan.
 
Missier ta’ sitt itfal u nannu ta’ tlieta, Herbert jirrakkonta li mhux darba u tnejn splodew bombi maġenbu, iżda qatt ma laqtuh, għalkemm jaf bi ħbieb li kellu li tqattgħu biċċiet. Fl-Italja, baqa’ għal sitt xhur wara li ntemmet il-gwerra, fejn ħadem bħala uffiċjal tal-ferrovija minn Bari għal Ruma – fejn iltaqa’ mal-Papa.
 
Tom ingħaqad mal-RAF u ntbagħat Singapore biex iservi bħala operatur tar-radju. Wara li ħa sehem f’missjonijiet speċjali fil-Greċja, inqabad mit-Taljani f’dik li llum hi l-Montenegro u ttieħed priġunier tal-gwerra fil-kamp ta’ Tirana, fl-Albanija.
Fiż-żmien li għamel priġunier Tom kien ordnat jieħu sehem fi spezzjoni minn Edda Ciano, bint id-Dittatur Faxxist Mussolini. Meta nħeles u ntbagħat lura fil-Gran Brittanja, issejjaħ fir-Russja u kien mistieden mill-Marixxall Voroshilov – uffiċjal militari Sovjetiku magħruf – biex jattendi għall-parata militari tal-1 ta’ Mejju, fil-Pjazza l-Ħamra f’Moska. Jgħid li kien l-uniku wieħed li l-Marixxal ħadlu b’idu. Mal-avvanz tal-Ġermaniżi kienu mġiegħla jirtiraw u, aktar tard, Tom ingħata medalja mill-Unjoni Sovjetika għas-servizz li wettaq.
 
Tony, l-iżgħar mill-aħwa, ingħaqad mal-RAF fl-1944 u ntbagħat l-Indja biex jgħin jorganizza t-tagħmir u l-ħażniet għat-truppi alleati li kienu qed jiġġieldu lill-Ġappuniżi f’Burma.
 
Wara li laħaq surġent, hu u tliet suldati oħra ngħażlu biex jiltaqgħu mal-Maharajah ta’ Udaipur fil-palazz tiegħu f’Rajasthan. Aktar tard, il-post intuża għall-film Octopussy fil-film ta’ James Bond.
 
Peter serva bħala uffiċjal fl-Italja, waqt li Paul kien logutenent mar-REME, fl-Eġittu.
 
Oriġinarjament kienu għaxart itfal, fosthom John Clarke li miet fis-snin sittin kaġun ta’ kumplikazzjonijiet ta’ mard rewmatiku, u tliet ħuthom bniet; it-tewmin Barbara u Hester li mietu, u ż-żgħira Rachel Hill li għadha ħajja u għandha aktar minn 80 sena.
 

Tattwaġġi b’tifkira

altIva, dan li qed taraw fir-ritratt hu David Beckham, li l-arti tat-tattwaġġ fuq ġismu ġmielha qed timlielu laħmu.
 
Dan l-aħħar żied tattwaġġ ieħor… bin-numru ‘99’, biex ifakkar waħda mill-aktar snin ta’ ferħ f’ħajtu. U hu mistenni li jżid numru ta’ tattwaġġi żgħar oħra fuq ġismu, li ġa hu miksi sew.
 
Kif għedna, l-aħħar tattwaġġ – in-numru 99 – sar fuq sebgħu ż-żgħir ta’ idu. Sar biex ifakkar is-sena li fiha żżewweġ lil martu Victoria.
 
Fuq Instagram, il-footballer irtirat qal li dan in-numru jfakkru fis-sena taż-żwieġ, li jqisha bħala waħda meraviljuża. Xi ġimgħat qabel, naqqax il-kliem Pretty Lady fuq isem bintu Harper, li kien fuq għonqu, u dan għamlu biex ifakkar ir-raba’ sena mit-twelid tagħha.
 
Waqt li Beckham għandu aktar minn 40 tattwaġġ, l-aktar viżibbli huma dawk li fihom l-aktar tifsir…
 
1.    99 – Is-sena li fiha żżewweġ lil martu Victoria.
2.    Pray for me
3.    Anġlu bil-kliem: Let them hate as long as they fear.
4.    Salib bil-ġwienaħ.
5.    Pretty Lady – Għal bintu, Harper.
6.    Harper – L-isem tal-unika bint.
7.    Ġesù mgħolli mill-Kerubini.
8.    L-istilla ta’ David.
9.    Grandad – b’tifkira għal nannuh Joe.
10.   Ward.
11.   Anġlu mdaqqas bil-kliem In the face of adversity.
12.   Sħab.
13.   Ir-raġel imdejjaq – b’tifkira ta’ nannuh mejjet Joe West.
14.   Victoria bl-Ebrajk.
15    I am my beloved and my beloved is mine.
16.   Stilel.
17.   Lead with love.
 
L-ewwel darba li David mar għal-labar tat-tattwaġġi kien fl-1999, meta twelidlu l-ewwel iben, Brooklyn. Aktarx li tħajjar minn Jimmy Gulzar, dak li kien ir-raġel ta’ Mel B ta’ Spice Girls, u ried isem ibnu miktub bi stil Gotiku klassiku.
Minkejja li issa, David, missier ta’ erbat itfal, daħal fl-erbgħin sena, ma jixtieqx jieqaf milli jagħmel aktar disinji, li jiswew kemxa ġmielhom. Barra minn dan jgħid li ma jiddispjaċih xejn li ġismu hu mpitter b’dan il-mod, għax għalih, kollha għandhom xi tifsira speċjali.

Il-bacon: Tieklu jew ma tiklux?

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Dan l-aħħar smajna ferm fuq kemm hu ħażin il-laħam proċessat u l-bacon, għax skont studji li saru, jafu jqabbdu l-kankru. Niftakar żmien meta kienu joħorġu reklami fuq kemm kienet tajba t-tali jew it-tali xarba. Jgħaddi ż-żmien u l-kumpaniji tal-marketing ixellfu dan kollu u jibdew jgħidu li xarba skura hi ħażina għas-saħħa. L-istess il-bajd. Dari konna nixorbu l-bajda minn taħt it-tiġieġa, appena tbidha.

Sa ftit żmien ilu kien hawn min jgħid li l-bajd hu ħażin għas-saħħa. Issa reġa’ hawn min isostni li bajda iebsa ma tagħmel l-ebda deni u ma fihiex kolesterol. Allura jista’ jkun li dawn huma affarijiet tal-marketing?

Minn xi tiftix li għamilt sibt li fil-fatt hawn min hu tal-fehma li l-bacon fih ħafna valuri għas-saħħa. Pereżempju l-proteini li fih iżommulna l-livelli tal-enerġija fl-aqwa tagħhom mingħajr ma jħaxxnu wisq.

Studji li saru f’diversi universitajiet u ċentri mediċi wrew li meta dak li jkun jinkludi l-bacon b’mod naturali bħala parti mid-dieta tiegħu, ikun qed inaqqas il-pressjoni u l-livelli tad-dijabete, kif ukoll ibiegħed lilu nnifsu minn attakk tal-qalb jew puplesija.

Waqt li għal diversi snin inħarġu stejjer tal-waħx fuq il-bacon, instab li dan jagħtina ħafna proteini,  jgħin lill-ġisem inaqqas il-piż u jżid il-metaboliżmu ta’ dak li jkun billi jibnilu muskoli aktar b’saħħithom mingħajr ma jħaxxinhom.

Attwalment il-bacon fih inqas xaħam, xaħam saturat u kolesterol minn ħafna qatgħat taċ-ċanga jew tat-tiġieġa. Waqt li xi ħut fih inqas xaħam u kolesterol mill-bacon, il-bacon fih aktar proteini u ma fihx veleni bħall-merkurju.

Il-bacon hu mimli b’nutrijent importanti magħruf bħala choline, li jgħin biex iżidilna l-intelliġenza u l-memorja, mit-twelid sax-xjuħija, u studji fl-universitajiet sabu li jgħin fil-ġlieda konta l-mard tal-Alzheimer u mard kroniku mentali.

Jingħad li l-bacon jipprovdilna 65% tal-vitamina B1, li hi d-doża ta’ Thiamin li għandna nieħdu kuljum; 47% Niacin (il-vitamina B3), 38% tal-vitamina B12; 36% taż-żingu; 24% tal-vitamina B6 li ninħtieġu; 22% tar-Riboflavin (il-vitamina B2); 22% tal-fosfru li għandna nieħdu; 10% tal-Pantothenate; 10% tal-manjeżja; u 9% tal-ħadid.

Barra minn hekk, il-proteini miksuba minnu huma l-iktar għoljin li nsibu f’kull laħam, ħut u tjur li jinstabu fid-dinja.

L-eqdem kalkulatur fid-dinja

Charles B. Spiteri

alt

Aktar minn mitt sena mindu nstabu oġġetti xjentifiċi f’qiegħ il-baħar, l-esperti qed jittamaw li jirnexxilhom isibu aktar sigrieti. Dan permezz ta’ teknoloġija ferm aktar moderna fl-għadis.

Arkeologi Griegi u Amerikani qed iħufu madwar in-nawfraġju ta’ bastiment antik Ruman f’Antikythera, billi jilbsu l-Exosuit – libsa tal-għadis mill-aktar moderni – li tippermettilhom jinżlu aktar mid-doppju tal-fond li kienu jinżlu.

Fl-1900 l-għaddasa kienu sabu dak li ssejjaħ il-Mekkaniżmu t’Antikythera – makkinarju tas-seklu tnejn qabel Kristu, li jitqies bħala l-aktar kompjuter qadim tad-dinja. Is-sejba saret ’il barra mill-gżira Griega.

Dan kien mekkaniżmu avvanzat immens, użat mill-Griegi tal-qedem biex jistudjaw iċ-ċikli tas-sistema solari. Tant kien avvanzat dan l-arloġġ li kellhom jgħaddu 1,500 sena oħra biex fl-Ewropa ntlemaħ arloġġ ieħor sofistikat bħalu.

Il-libsa tal-għadis Exosuit, prodotta fil-Kanada min-Nuytco Research, tippermetti lill-għaddasa jinżlu f’fond ta’ 492 pied (150 metru). Hi magħmula mill-aluminju u kapaċi tissupplixxi l-ossiġnu għal 50 siegħa, kif ukoll tippermetti li ssir komunikazzjoni ma’ nies fuq il-baħar permezz ta’ optical cable.

Fiha wkoll erba’ muturi (thrusters) b’qawwa ta’ 1.6 horsepower biex jgħinu lill-għaddas idur taħt il-baħar b’ħeffa tabilħaqq kbira. Kull libsa tiżen bejn 226  u 272 kilogramm. Il-prezz tagħha jibda minn madwar €502,155.

Angeliki Simosi, Kap tad-Direttorat għall-Antikitajiet ta’ Taħt il-Baħar, qal li hemm sinjali tajbin ħafna li jafu jinstabu oġġetti oħra fuq il-bastiment mgħarraq. Dan jista’ jbassru wara l-għadis li sar fl-2012 u l-2013.

Dimitris Kourkoumelis, arkeologu ieħor fit-tim, qal li hemm numru ta’ oġġetti taħt il-baħar, peress li dan il-bastiment kien iġorr ħafna rikkezzi mill-Asja Minuri.

L-istess arkeologi qed jisperaw li jikkonfermaw il-preżenza tat-tieni vapur mgħarraq, madwar 250 metru bogħod mis-sejba oriġinali.

L-‘arloġġ’ antik li nstab u ttella’ kien f’kaxxa tal-injam ta’ 340 x 180 x 90 mm u jikkonsisti minn gerijiet, uċuħ tal-bronż u roti li jingranaw f’xulxin. Instabu wkoll 40 gear tal-bronż maħdumin bl-idejn. Dan il-mekkaniżmu jingħad li nħoloq madwar is-sena 100 qabel Kristu u aktarx hu l-eqdem kalkulatur tad-dinja.

Studji li saru fuqu huma tal-fehma li kien jintuża biex jara l-moviment tal-pjaneti u l-qlib tal-jiem u s-snin.

Bħalissa l-mekkaniżmu jinsab esibit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija f’Ateni.