Tiħux qatgħa! Skultura miz-zkuk u l-weraq
Ħafna residenti barranin ikunu kuntenti jekk bħalissa jaqtgħu l-ħaxix li jikbrilhom fil-ġnien, jew mad-dawra tad-dar tagħhom. Issib ukoll lil min, bil-paċenzja kollha jifforma nanu mill-ħaxix li jkollu. Żwieġ tal-itwal xbejba
L-itwal xbejba tal-Brażil kellha tkun l-itwal għarusa tad-dinja wara li n-namrat tagħha pproponielha ż-żwieġ.
Elisany tant tixtieq li jkollha tarbija, li qalet li jekk ma tinqabadx tqila malajr, lesta tadotta. Dan għalkemm għad għandha biss 18-il sena.Kanuni tal-ilma għal kontra ċ-ċpar
Charles B. Spiteri

Iċ-ċpar u t-tinġis tal-arja qed joħolqu problemi ambjentali fiċ-Ċina.
Iżda belt fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż hi deċiża tiġġieled kontra l-arja maħmuġa, u biex tagħmel dan mhi tuża xejn għajr ilma tal-vit użat u mhux mormi.
Dan l-aħħar, residenti f’Lanzhou, il-kapitali tal-provinċja Chinas Gansu, sabu li żewġ sprayers ġganteski twaqqfu fil-Pjazza Dongfanghong, fejn qed jinbena stazzjon taħt l-art għall-ferrovija Metro Line 1.
Iż-żewġ sprayers long-range huma kapaċi jtajru l-ilma tal-vit biex jeqred it-trab u ċ-ċpar f’firxa ta’ 600 metru u naqqsu t-tinġis tal-arja.
Martyn Chipperfield, Professur tal-Kimika Atmosferika fl-Università ta’ Leeds, qal li bħal bosta bliet oħra Ċiniżi, Lanzhou għandha problema kbira ta’ ċpar. Permezz tal-kanuni li jisparaw l-ilma b’qawwa enormi, l-istess ilma jitla’ hu wkoll bħal ċpar fin, jaqbad mal-partikoli tat-tinġis, jagħmilhom ikbar milli jkunu u jaqgħu fid-dinja minħabba l-gravità.
It-tinġis fiċ-Ċina ġieli kien tant qawwi li l-ajruplani ma jkunux jistgħu jtiru, it-toroq jingħalqu u jintlaqat in-numru ta’ turisti li jkunu se jżuru l-pajjiż.
Issa jrid jinstab jekk dawn il-kanuni tal-ilma jistgħux iservu bħala soluzzjoni fit-tul fiċ-Ċina kollha.
Inċident stramb f’Roswell
Charles B. Spiteri

Dan l-aħħar, żewġt irġiel kienu fiċ-ċentru ta’ misteru mħabbel ftit lil hinn minn Roswell, fi New Mexico, wara li aktarx għebu mix-xena ta’ ħabta kerha b’karozza. Huma dehru seba’ sigħat wara f’għalqa tal-ħmir.
Iż-żewġt irġiel, li isimhom inżamm mistur, ammettew mal-pulizija li kienu qed jixorbu meta f’xi s-sagħtejn ta’ filgħodu kienu qegħdin ’il barra mill-belt sinonima mal-aljeni u l-UFOs.
Ħaddiema tal-Emerġenza u oħrajn tat-tifi tan-nar waslu fix-xena tal-ħabta iżda ma sabu lil ħadd fil-karozza. Seba’ sigħat wara, is-sewwieq ċempel 911 u qal lil min wieġbu li ma setax jiftakar fejn kien il-lejl ta’ qabel. Irrakkonta biss li xħin qamu hu u ħabibu sabu ruħhom f’għalqa bil-ħmir.
Roswell fi New Mexico bdiet tikseb fama internazzjonali fit-8 ta’ Lulju 1947, meta l-ġurnali lokali rrappurtaw li uffiċjali governattivi tal-belt kienu qabdu flying saucer. Iżda minn dak iż-żmien kollox waqa’ f’idejn il-militar.
Iżda t-twemmin fl-attività aljena fil-post wassal lill-Air Force biex tibda investigazzjoni wara kraxx li kien sar fl-1995. Huma kkonkludew li l-UFO kien parti minn balloon varat fl-atmosfera mill-gvern, bħala parti minn programm sigriet ta’ sorveljanza fuq l-Unjoni Sovjetika.
Madankollu kienu bosta dawk li rrifjutaw milli jaċċettaw l-ispjegazzjoni u allegaw li sar kumplott biex jaħbu l-eżistenza ta’ ħajja estraterrestrijali.
It-tattwaġġ – parti mill-wirt tal-umanità
Charles B. Spiteri

Dik li dari kienet dehra rari, li tara tattwaġġ fuq l-għaksa jew l-ispalla ta’ mara, illum qisha saret xi ħaġa marbuta mal-ħajja moderna. Iżda din il-kollezzjoni ta’ immaġini turi li t-tattwaġġ mhux xi fenomenu modern, kif forsi hawn min jaħseb. Waqt li t-tattwaġġi huma fenomenu relattivament riċenti fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, l-arti tal-persuna ilha tifforma parti mill-kultura Polinesjana u sa nstabet fuq il-fdalijiet mummifikati ta’ saċerdoti u saċerdotessi tal-Eġizzjani tal-Qedem.
Issa l-istorja ta’ 5,000 sena ta’ tattwaġġi ħadet il-ħajja f’esibizzjoni li saret dan l-aħħar fil-Musée du Quai Branly, li turi l-evoluzzjoni tal-arti fuq il-ġisem tul is-sekli. Għalkemm it-tattwaġġi dehru għall-ewwel darba fuq l-iġsma tal-irġiel u n-nisa Neolitiċi, ma dehrux fil-kultura tal-Punent sas-seklu 19, u l-ewwel darba li dehret din il-ħerqa għalihom kienet fis-soċjetà għolja Vittorjana.

Fl-istess seklu t-tattwaġġ kien popolarizzat mill-esploraturi li marru lura fil-Gran Britannja, mimlijin ħrejjef fuq in-nisa msaħħrin u mimlijin tattwaġġi li raw tul il-vjaġġi tagħhom. Minħabba f’hekk, it-tattwaġġi bdew isiru xi ħaġa mitluba min-nisa tal-klassi l-għolja. Jingħad li tant kienet qawwija x-xewqa għal din l-arti tal-ġisem fi żmien il-perjodu Vittorjan li anki r-Reġina Vittorja jingħad li kellha waħda li turi tigra tal-Bengal tiġġieled ma’ python.
Fil-Punent it-tattwaġġi bdew jintużaw biex jimmarkaw lill-iskjavi u biex jistigmatizzaw lill-persuni li jkunu wettqu xi ħaġa ħażina, bħal fil-każ ta’ Colbert’s Code noir (il-kodiċi sewda) fi Franza, li kienet timmarka ġisem il-kriminali u l-prostituti. Għall-bidu din l-arti tat-tattwaġġi kienet ċensurata mill-Kristjaneżmu. Tinsab ipprojbita fil-Levitiku u fit-Testment il-Ġdid, u reġgħet kienet ripressa uffiċjalment fis-sena 787 mit-tieni Konċilju ta’ Niċea. Iżda baqgħet prattikata xorta waħda mill-pellegrini fiż-Żminijiet tan-Nofs u għadha pprattikata sal-lum mill-Kopti, l-Armeni u l-Kristjani tal-Art Imqaddsa.
Madankollu, kollox tbiddel fis-snin 1700 meta t-tattwaġġi bdew jintwerew bħala ribelljoni u ħsieb liberu u kienu adottati mis-soċjetà Boemjana u mill-membri tal-Forzi Armati. B’mod partikolari, il-baħrin kellhom tattwaġġi fuqhom biex juru f’liema pajjiżi vvjaġġaw. Bdew ipinġu fekruna biex juru li qasmu l-Ekwatur, ankra li turi li qasmu l-Atlantiku u dragun biex jissimbolizzaw li vvjaġġaw lejn il-Lvant.

Sa tmiem is-seklu dsatax it-tattwaġġi bdew ikunu aċċettati sew mis-soċjetà, għalkemm uħud baqgħu marbutin mal-konnotazzjonijiet oriġinali tagħhom. Interessanti jingħad li fil-Britannja Vittorjana kienu jisirqu bil-forza u jittattwaġġjaw lin-nisa, li mbagħad kienu jkunu mġiegħla jaħdmu bħala attrazzjonijiet fiċ-ċirkli.
Illum il-ġurnata ħafna jsostnu li t-tattwaġġ hu parti mill-wirt komuni ta’ ħafna mill-umanità, u hu għalhekk li numru mdaqqas ta’ individwi qed jinjettaw il-linka f’ġisimhom.
Ixibħuħ ma’ xadina alla
Charles B. Spiteri

Adolexxent Indjan qed jitqies bħala alla u jkun adurat minħabba li għandu denb ta’ seba’ pulzieri. Arshid Ali Khan, ta’ 13-il sena, sar meqjus bħala simbolu divin fl-istat tal-Punjab.
In-nies tal-lokal jagħrfuh bħala r-riinkarnazzjoni tal-alla xadina Ħindu, Ħanuman, u jirreferu għalih bħala Balaji. Madankollu, minħabba denbu, Arshid qed ikollu juża siġġu tar-roti u qed jaħsibha li jkollu d-denb li għandu, imneħħi.
Hu qal: “Dan id-denb tahuli Alla. Qed inkun adurat għax nitlob lil alla u x-xewqat tan-nies qed iseħħu. Bih, la nħossni superjuri u lanqas inferjuri.”
Mindu miet missieru, meta kellu biss erba’ snin, Arshid jgħix ma’ nannuh, Iqbal Qureshi, u żewġ zijiet irġiel. Ommu reġgħet iżżewġet. Id-dar fejn jgħix Arshid inbidlet f’tempju, fejn in-nies devoti jirrikorru għandu u biex jirċievu l-barka u jmissulu ‘denbu’.

Uħud minn dawn kienu koppji bla tfal. Iżuruh, iberikhom u wara jsibu li nqabdu tqal. Arshid jemmen li hi x’inhi r-reliġjon li jħaddan kull individwu, hemm triq waħda li twassal għall-ispiritiżmu divin.
Madankollu jsibha kemxejn diffiċli biex ilaħħaq fil-ħin tiegħu mad-devoti li jmorru għandu, mal-istudju edukattiv tiegħu u xi ftit ħin ta’ logħob ma’ ħbiebu.
Kull nhar ta’ Ħadd biss, ikollu bejn 20 sa 30 ruħ li jżuruh id-dar. Barra minn hekk Arshid jemmen li bid-denb jew mingħajru, in-nies xorta tibqa’ żżuru għall-ħtiġiet tagħhom, għax issa saru jemmnu fih.
Is-Sorijiet tal-Madalena
Charles B. Spiteri

Xi żmien ilu, id-Dar Pubblikatriċi BDL, ħarġet fis-suq il-ktieb ta’ Christine Muscat jismu Magdalene Nuns and Penitent Prostitutes Valletta li kellhom il-kunvent tagħhom fil-Belt Valletta. L-iskop ta’ dawn is-sorijiet kien li jrabbu bniet żgħar biex ’il quddiem jikkorteġġjaw lill-kavallieri. Hu ktieb li joffri studju profond ta’ dak li ġara f’pajjiżna fis-snin tal-Ordni.
Madankollu, dan l-aħħar, l-istess sorijiet issemmew fl-Irlanda, wara li l-Gvern tal-pajjiż talab apoloġija lill-10,000 ‘skjavi’ tas-Sorijiet tal-Maddalena, li qafluhom u ibbrutalizzawhom bejn l-1922 u l-1996. Fuq perijodu ta’ 70 sena, hu stmat li madwar 10,000 tifla ntbagħtu fil-laundries tal-Maddalena biex jagħmlu xogħol manwali iebes taħt is-superviżjoni tas-sorijiet Kattoliċi.

Uħud intbagħtu hemm għax kienu t-tfal ta’ nisa mhux miżżewġa, waqt li oħrajn intbagħtu fuq akkużi ċkejknin, fosthom għax ma kinux ħallsu l-biljett tal-ferrovija. Inkredibbilment, l-aħħar mill-għaxar laundries li kienu jaħslu l-ħwejjeġ u l-lożor tal-lukandi ewlenin, tal-forzi armati Irlandiżi u tad-ditta tal-birra Guininess, baqgħet taħdem sal-1996. Bħala laundries, bdew jiffunzjonaw fl-1922. L-apoloġija statali waslet tmintax-il xahar wara li saret inkjesta mmexxija mis-Senatur Martin McAleese, li sab li waħda minn kull erba’ nisa, ntbagħtu fil-laundries mill-Istat.

Hu żied li r-rapport ma sab l-ebda abbuż sesswali fil-laundries; li għaxra fil-mija tal-maqfulin intbagħtu mill-familji tagħhom u 19 fil-mija minħabba xi nuqqas jew akkuża li wettqu. Iżda dawk li baqgħu ħajjin, irrifjutaw l-apoloġija li talab hu, u stennew apoloġija aktar wiesgħa mill-Gvern u l-ordnijiet reliġjużi involuti.

Maureen Sullivan, ta’ 60 sena, l-iżgħar vittma tas-sorijiet, ittieħdet għandhom meta kellha 12-il sena. Dak iż-żmien kien miet missierha u ommha reġgħet iżżewġet. Kien intqalilha li se tkompli l-istudju tagħha, iżda qatt ma reġgħet rat il-kotba li kellha tal-iskola.
Għal 48 sena baqgħet imwerwra mill-memorji tal-passat; ta’ tfulija mitlufa u ta’ xogħol iebes li jwettqu l-iskjavi. Issa qed tistenna apoloġija mill-gvern u l-ordnijiet reliġjużi talli serqulha l-edukazzjoni, isimha, l-identita’ u ħajjitha.
Irrakkuntat li sena wara l-oħra, filgħodu kienet taħdem fil-laundry. Jagħtuha tiekol biss ħobż u tilqit. Aktar tard kienet taħdem is-suf u qabel l-irqad, tagħmel il-kuruni tar-rużarju. Kien xogħol ta’ rutina, tqil u ta’ dwejjaq. Tirrakkonta: “Darba, meta ġew l-ispetturi tal-iskola jagħmlu żjara, ħbewni f’mina, għax naħseb li kont għadni żgħira għax-xogħol fil-laundry.”
Fi tmiem il-ġimgħat kienet imġiegħla taħsel l-art tal-knisja lokali, minflok titħalla tilgħab għal ftit tal-ħin. Issostni li s-sorijiet qerdulha ħajjitha u ma ħallewha qatt tiżviluppa bħala tifla żgħira.
Jum mill-ħajja fil-‘Laundry’
F’intervista li tat fl-2011, Sarah Williams, li qattgħet sentejn taħdem f’laundries differenti tal-Maddalena tat din ix-xhieda tal-biża’, fuq il-ħajja fl-istituzzjonijiet:
- Inqumu fis-6.00am. aħna t-tfajliet, b’veli suwed fuq rasna, nimmarċjaw għal quddiesa fil-kunvent kiesaħ silġ.
- Il-kolazzjon ikun porridge b’ilma kiesaħ silġ u f’xi s-7.00a.m. ningħataw it-te u biċċa ħobż, qabel ma nerġgħu mmorru l-kappella għat-tieni quddiesa.
- Imbagħad immorru fil-laundry biex naħslu, ngħallu, nonxru, ngħaddu u nitwu l-ħwejjeġ. Kien ikollna waqfa waħda għal ftit soppa qabel is-6.00 p.m.
- Għall-ħabta tas-7.30p.m. wara li ninqaflu fiċ-ċelel żgħar tagħna, mgħammra biss f’barmil u sodda tal-ħadid, ningħataw mug ieħor ta’ soppa, li ġeneralment tkun tant kiesħa li konna nsaħħnuha xi ftit fuq il-kanen tas-sħana fil-kmamar tagħna.
- Ir-rikreazzjoni kienet tkun ta’ nofs siegħa wara li nlestu x-xogħol, u stajna nisimgħu r-radju. Ix-xogħol kien isir fi kwiet strett, inkella nkantaw l-innijiet u nirreċtaw ir-rużarju, ħames posti f’ħames posti.
- Offiżi żgħar bħal tinsa tilbes il-kappell istituzzjonali jew tinqabad tidħaq, ikunu kkorreġuti bi swat fuq ir-ras, b’mazz ta’ ċwievet tqal, minn soru rrabjata.
- L-eżerċizzju uniku tagħna kien ikun mixja ta’ nofs siegħa, tnejn tnejn, fil-bitħa. L-awtorita’ tas-sorijiet kienet assoluta, u l-bniet kien ikollna nitolbu permess anki biex immorru sal-kamra tal-banju. Jekk xi tifla toħroġ ‘il barra mil-linja tagħha, kienet tinqafel f’kamritha u għal bosta jiem, titħalla fuq ħobż u ilma biss.
- Nhar ta’ Ħadd ma konniex naħdmu u konna permessi niktbu l-ittri li mbagħad jinqraw mis-sorijiet. Spiss kont nikteb lil ziti, nitkarrbilha tiġi għalija u toħroġni, iżda naħseb li qatt ma rċeviet xi ittra minn tiegħi. Meta mbagħad, xi ħadd kien jirċievi xi ittra, kienet tinqara mis-sorijiet fil-pubbliku.
- Darba fix-xahar kien ikollna viżta, iżda l-viżitaturi tiegħi kienu jkunu n-nisa tal-Leġjun ta’ Marija, li dejjem kienu jgħiduli li qed ningħata kura u attenzjoni tajbin.
Ħabs ta’ dawk li ‘jisparixxu’
Il-Laundries tal-Maddalena nfetħu fis-seklu 19 bħala refuġju għall-prostituti, u saru ħabsijiet għal dawk li ‘sparixxew’.
Fajliet orfni, li ma kellhomx fejn imorru, bniet li ma kellhom lil ħadd min jieħu ħsiebhom, jew tkeċċew mid-dar għax inqabdu tqal u tfal li l-ġenituri tagħhom ma setgħux jgħajjxuhom aktar; kif ukoll dawk meqjusa mis-saċerdoti jew reliġjużi, li jinsabu f’’periklu morali, għax kienu sbieħ ħafna, jew iħobbu jiġġerrew, kienu jiġġiegħlu jidħlu fil-laundries tal-Maddalena. L-akkuża tagħhom setgħet tkun tant fażulla, bħal meta tinqabad li tfajla jew xbejba, ma tkunx ħallset in-nol tal-ferrovija. U l-maġġoranza ta’ dawk mitfugħha f’dan il-‘ħabs’ kienu jkunu minuri b’akkużi żgħar ta’ serq u mhux għal xi qtil jew infantiċidju.
Skerzi fid-dinja annimaleska
Skerz, nofs kelb u nofs qażquż, li twieldet b’numru ta’ fatturi ħżiena għal saħħitha, sabet kenn f’dar f’Alabama.
Appena ratha, u ntqalilha bil-problemi ta’ saħħa li kellha, Kim iddeċidiet li trabbiha sakemm tmut. Kulħadd ħaseb li ma kellhiex ħajja twila minħabba li l-organi tagħha kienu b’mod li setgħet tifga.Nostalġija bi prezz esaġerat!
Ara tabilħaqq li kollox idur dawra tond! Tiftakruha l-iscooter Maltija bir-roti tal-ball races, u kemm, ta’ tfal, konna niġru bihom fit-toroq? Mela dik l-invenzjoni reġgħet ħadet is-sura u tispera li tikseb popolarità. Iżda kontra l-iscooter tagħna, li ma kinitx tiswa flus, din l-invenzjoni ġdida mistennija li tiġi tiswa €1,257.50ċ.Rekord fl-età ta’ 104
Nannu li qatta’ ħajtu ‘jagħmel li jrid u jixtieq’, kiser rekord Ewropew wara li temm ġirja ta’ 100 metru f’ħin ta’ 32.79 sekonda. Dan għamlu fl-età venerabbli ta’ 104. Stanislaw Kowalski, li twieled fl-1910, sar l-ixjeħ persuna fl-Ewropa li ġera tellieqa ta’ 100 metru. Permezz t’hekk kiser ir-rekord li kien stabbilixxa qablu, raġel ieħor ta’ 96 sena.