L-itwal skultura fl-injam
Charles B. Spiteri
Min jaqta’ s-siġar u min jitlobna nibżgħu għalihom. Kull tant tiġi bejn ħaltejn lil min minnhom tagħti kas. Iżda l-ħidma li saret fuq dan iz-zokk enormi ta’ siġra, jista’ jitqies bħala arti tal-għaġeb u għalhekk, l-issagrifikar taz-zokk, serva għal xi ħaġa.

Naqqqax tal-injam Ċiniż, magħruf mad-dinja kollha – Zheng Chunhui — qata’ z-zokk u qatta’ erba’ snin kontinwi ta’ xogħol biex fuqu wettaq talent li lanqas jista’ jiġi deskritt. Tant li l-arti li għamel qed titqies bħala kapulavur. It-tinqix li għamel hu bbażat fuq il-pittura famuża Ċiniża Along the river During the Qingming Festival, li l-ħsieb għaliha jmur lura aktar minn 1,000 sena. Din l-iskultura fiz-zokk tas-siġra rebħet ir-Rekord Dinji tal-Guinness għall-itwal skultura li qatt saret fl-injam.
Hi twila 12.286 metru; l-ogħla parti tagħha fiha 3.075 metri u fiha wisa’ ta’ 2.401 metri. L-iskultura fina li fiha u li turi kif kienet il-ħajja fiċ-Ċina tal-qedem, hi tant dettaljata u perfetta, li bla ma trid, iġġiegħlek tiskanta. U l-aktar, meta wieħed iqis, li biex tlesta dan ix-xogħol, ħa 8,760 siegħa.
Jinġabru biex jifqgħu l-‘crackers’
Charles B. Spiteri

L-akbar katina ta’ nies biex ifaqqgħu l-crackers tal-Milied kienet rekordjata fit-13 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra f’Birmingham. Din l-attività tniżżlet fil-Guinness Book of Records wara li ħaddiema tal-uffiċċju, ħaddiema tar-ristorant, nies li kienu qed jixtru u oħrajn li kienu mexjin fit-triq, ingħaqdu fi Brindleyplace waqt ħin l-ikel biex b’total ta’ 749 ruħ li jfaqqgħu l-crackers waqqfu r-rekord għall-itwal katina ta’ nies.
Qabel, l-itwal rekord kien dak b’603 parteċipanti f’Tobacco Dock f’Londra. Dan ir-rekord twettaq ukoll fit-2 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet.
Joqtol serp enormi u jiġi mfaħħar
Charles B. Spiteri

Raġel minn Florida, qabad u qatel serp Burmiż enormi, u l-uffiċjali tal-ħajja selvaġġa qalu li s-serp hu l-itwal wieħed tar-razza tiegħu li qatt inqabad fl-istat.
Jason Leon qabad is-serp ta’ 128 libbra, li hu twil 18-il pied u tmien pulzieri, waqt li kien qed jivvjaġġa ma’ xi ħbieb tiegħu f’vetturi li jinsaqu fuq kull art.
Leon, student fl-Università Internazzjonali ta’ Florida, li għandu 23 sena, lemaħ xi tliet piedi tas-serp, ħiereġ minn arbuxell. Peress li kellu esperjenza kif jaqbad lil dawn is-sriep, għax darba kien iżomm minnhom bħala annimali domestiċi, ipprova jaqbdu. Iżda s-serp, qabeż fl-azzjoni.
F’ħin qasir, is-serp iddawwar ma’ saqajh it-tnejn u ma’ idu. Kien jaf li kellu jżommu ’l bogħod minn għonqu. Iżda ma beżax. Kien hemm tnejn min-nies oħra u kien ċert li jekk ikun jeħtieġ l-għajnuna, kienu jagħtuhielu.
Leon spiċċa qatel lis-serp b’sikkina, u wara informa lill-uffiċjali tal-ħajja selvaġġa fi Florida fuq is-serp enormi li qabad. Dawn qalu li s-serp maqbud minn Leon kiser ir-rekord preċedenti għall-itwal serp Burmiż, li nqabad fi Florida, u li kien twil 17-il pied u seba’ pulzieri. Huma rringrazzjaw lil Leon talli ħelishom minn serp hekk kbir u talli rrapporta l-qabda tiegħu.
Ir-riċerkaturi jsostnu li dawn is-sriep huma ta’ periklu enormi għall-ekosistema.
Periklu f’ħalq ta’ kukkudrill
Wrestler li tħobb tipperikola ħajjitha ma’ kull ġurnata li tgħaddi, billi ddaħħal rasha f’ħalq kukkudrill għal €4.92, qed tiġbed folol kbar ta’ nies f’zoo Tajlandiż. Il-ħarrieġ tagħha fil-Pattaya Crocodile Farm iwettaq l-istess att f’ħalq kukkudrill ieħor, maġenbha.
Ian Maclean, li ġibed il-filmat waqt żjara staqsa: “Fadal nies li lesti jipperikolaw ħajjithom f’dan ix-xogħol għal €4.92 kuljum?” Xi żmien ilu, wieħed minn dawn in-nies spiċċa b’rasu misħuqa fix-xedaq ta’ kukkudrill.Karozzi ajruplani mis-sena d-dieħla
Charles B. Spiteri
L-ewwel karozzi li jtiru se jibdew jinbiegħu lill-pubbliku mis-sena li ġejja. Id-ditta Terrafugia ħabbret li d-disinn tagħha – li f’parti hi karozza u f’parti oħra jet privat b’żewġ seats, erba’ roti u ġwinħajn li jingħalqu biex tkun tista’ tinsaq bħala karozza, se tkun għall-bejgħ dalwaqt.
Id-ditta, bil-bażi tagħha f’Massachusetts żvelat il-ħsibijiet tagħha għall-mudell TF-X, li se tkun żgħira biżżejjed li tidħol f’garaxx u ma jkollhiex ħtieġa ta’ mitjar biex tinqata’ mill-art.
Il-karozza-ajruplan Transition se tkun tista’ tinsaq b’ħeffa ta’ madwar 70 mil fis-siegħa fit-triq, waqt li fl-ajru ttella’ 115-il mil. Hi ttir billi tuża tank ta’ 23 gallun fuel tal-karozza u taħraq ħames glalen minnhom kull siegħa li tkun fl-ajru. Hu maħsub li fis-sewqan fit-triq, tagħmel 35 mil bil-gallun u għat-triq fiha wkoll ir-rear-wheel drive.
It-Transition hi mgħammra b’żewġ airbags u paraxut għall-karozza sħiħa.
Is-sena li għaddiet, it-Transition kellha l-ewwel prova, fejn taret f’għoli ta’ 1,400 pied għal tmien minuti. Dan meta l-jets kummerċjali jogħlew f’35,000 pied. Madankollu, il-prezz tat-Transition mhux se jkun irħis. Tiswa €23,960.51. Il-kumpanija Terrafugia ħabbret li s-sidien, irid ikollhom liċenzja ta’ pilota u jkollhom joqogħdu għal eżami ta’ 20 siegħa titjir, biex ikunu jistgħu jkollhom din l-karozza.
Il-karozzi li kapaċi jtiru, minn dejjem kienu fl-immaġinazzjoni tal-Amerikani u l-inventuri kienu ilhom biex jimmanifatturaw waħda sa mill-1930. Il-gvern diġà laqa’ t-talba tal-kumpanija, biex tuża roti speċjali u ħġieġ li hu eħfef min-normal. Dan biex ikun aktar faċli għall-karozza li ttir.
Il-kumpanija kienet ilha taħdem fuq din il-karozza sa mill-2006. Għall-bidu ħabbret li kellha tintroduċiha lill-pubbliku fl-2011, iżda kellha tittardja minħabba l-isfidi fid-disinn u l-problemi għal xi partijiet li riedet tordna mingħand kumpaniji oħra.
L-ogħla kafè fid-dinja
Charles B. Spiteri

Jingħad li dan it-tip ta’ kafè mibjugħ fil-ħanut Starbucks, hu l-aktar wieħed li jiswa flus. Fih 60 espresso shots u jiswa €41.20.
Is-Sexagintuple Vanilla Bean Mocha Frappuccino, li fih 128 uqija, kien ordnat fi Starbucks, Texas u aktarx li hu meqjus mill-kumpanija bħala li jżomm it-titlu tal-aktar xarba għolja li qatt kellhom għall-bejgħ.
Ix-xarba nxtrat minn klijent magħruf biss bħala Andrew, li qiegħed ir-ritratt tiegħu fuq Twitter, bit-tazza ġganteska bil-kafè u l-irċevuta li ħallas għalih.
Iżda minkejja li l-Frappuccino jiswa aktar minn €41.2, Andrew ma ħallas xejn għalih, peress li hu gold member, fil-programm ta’ lealtà lejn Starbucks.
Il-programm jippermetti lill-gold members jieħdu xarba bla ħlas ma’ kull 12 li jixtru, u dak li jieħdu jista’ jkun għoli kemm iridu.
Għalhekk seta’ jieħu kafè kbir kemm ried, u peress li kien jaf li ma kellhomx kikkra kbira biżżejjed, hu ħa miegħu wkoll it-tazza tiegħu fil-ħanut.
Din ix-xarba qabżet dik tas-sena l-oħra, li tqieset bħala rekord, fejn raġel xtara 48-shot Frappuccino, li sewa €34.43
Ferħana b’126 Dixxendent
Charles B. Spiteri

Mara ta’ 91 sena li kienet l-unika tarbija tal-familja tagħha, u li darba ħasbet ukoll li tidħol soru, issa tiftaħar li għandha 126 dixxendent.
Id-deċiżjoni aħħarija ta’ Peggy Koller li ma tidħolx f’kunvent wasslitha biex tiżżewweġ u saret omm ta’ 11-il tarbija.
Illum il-ġurnata, uliedha subien u bniet, il-proneputijiet (56) u l-proproneputijiet (59), kollha jgħidu li Peggy hi d-direttur soċjali tal-familja, li żżomm lil kulħadd infurmat b’kull ġrajja u ċelebrazzjoni tal-familja.
Bħalissa Koller tqatta’ kull tmiem il-ġimgħa tiġri għal xi gradwazzjoni, żwieġ, magħmudija jew ċerimonji oħra, biex żgur ħadd minn uliedha ma jgorr. Meta tiġi ġurnata li ma jkollha ebda appuntament, tagħmel ftit eżerċizzju fiżiku.
Hi u żewġha William iżżewġu fl-1942 u ħadmu bħala kummissjonanti f’Philadelphia. Kellhom il-Koller Funeral Home. Wara li William miet fl-2008, in-negozju tagħhom baqa’ jitmexxa minn tnejn minn uliedhom.
Karozza bla ħtieġa ta’ sewwieq
Charles B. Spiteri

Il-kumpanija Google dan l-aħħar ħabbret li se tibni karozza li tinstaq weħidha – u l-pjani huma li fi żmien sena ssir rivoluzzjoni sħiha fil-vetturi fit-triq.
Sergey Brin, ko-fundatur kixef din il-karozza, li se tkun mgħammra biss b’buttuna ta’ ‘suq’ u ‘ieqaf’ u tkun kapaċi ttella’ ħeffa sa 25 mil fis-siegħa.
Flok ma ħadmet fuq karozza li diġa’ tinsab fis-suq, il-kumpanija ġganteska bniet il-mudell tagħha u qed taħdem fuq madwar 100 prototip biex saritilhom il-prova. Il-ħsieb wara dawn il-karozzi hu li jneħħu l-uġigħ ta’ ras minn fuq is-sewwieqa.
Id-disinn tal-karozza hu ta’ wiċċ ħabib, biex in-nies ma taqtax qalbha u taċċetta din it-teknoloġija ġdida.
Ingħad li dawn il-karozzi se jnaqqsu bosta problemi, fosthom li waqt il-ħin tal-kolazzjon, il-ħaddiema jistgħu jmorru jduru mingħajr il-ħsieb li jsibu fejn jipparkjaw. L-anzjani jistgħu jmorru fejn iridu bla ma jġorru ċwievet, u l-aqwa fosthom hu għal dawk is-sewwieqa li jkunu xorbu xi grokk żejjed u ma jixtiqux isuqu lura.
Dawn il-karozzi ma għandhomx, la steering, la pedala tal-gass u lanqas tal-brejk… għax m’għandhomx bżonnhom. Chris Urmsom, direttur tal-proġett qal li s-software u s-sensors se jagħmlu x-xogħol kollu huma. Li hemm fil-karozzi huma biss il-buttuna ta’ ‘suq’ u ‘ieqaf’ u screen li juri r-rotta.
Urmon qal li l-karozzi se jirrivoluzzjonaw is-sewqan, b’mod li s-sigurta’ tingħata prijorita’.
Irmied uman fil-‘bullets’
Charles B. Spiteri

F’pajjiżi fejn il-kremazzjoni (il-ħruq tal-katavri flok dfin) hu komuni ferm, issa qed jingħata tifsira ġdida għall-familjari tal-mejjet.
Idea li żgur tingħoġob minn dawk li jħobbu l-armi tan-nar, hi dik ta’ kumpanija Amerikana li qed toffri li tissiġilla l-irmied tal-familjari f’bullets.
Il-kumpanija Holy Smoke (Duħħan Qaddis) tinsab f’Alabama u hi mmexxija minn Clem Parnell u Thad Holmes. Meta huma jippriservaw l-irmied fil-bullets, jagħtuhom lill-klijenti f’kaxxa speċjali ta’ preżentazzjoni. Iżda għal min ikun irid, huma jħalltu l-irmied ma’ splussiv u jwasslu lill-klijent fi vjaġġ, fejn ikun jista’ jispara xi wħud mill-bullets.
Il-ħlas hu ta’ €798 għal 100 bullet tar-rifle jew 150 bullet tal-pistola u €72.50 għall-kaxxa tal-preżentazzjoni magħmula mill-injam. Persuna medja tipproduċi bejn ħames u sitt libbri ta’ rmied wara l-kremazzjoni u Holy Smoke tuża biss libbra ta’ rmied biex twettaq ħidmietha.
Is-sidien tan-negozju jgħidu li jirċievu bejn erba’ u ħames ordnijiet fix-xahar mill-Istati Uniti, iżda hemm nies oħra li qed jidhru interessati, fosthom mill-Ġappun, l-Awstralja, ir-Repubblika Ċeka u mill-Gran Britannja.
Huma jsostnu wkoll li jekk il-fdal ta’ persuna jimtlew f’bullets mal-porvli, joffru assigurazzjoni lill-familjari f’każ li jidħol xi ħadd fuqhom biex jisraqhom, u b’hekk tibqa’ rabta sħiħa bejn il-mejjet jew mejta u niesu ħajjin. Hemm min jippreferi li bullet minnhom tkun pendent biex tinġarr kuljum fuq il-persuna li tibqa’ ħajja.
Ħidmet Alla f’ċirkustanzi misterjużi
Charles B. Spiteri

Paulo u Felipe Lizama miċ-Ċile huma aħwa, tewmin u saċerdoti. Lil ommhom kien intqalilha biex tabortixxi, iżda rrifjutat. Meta kienet tqila, it-tabib tagħha qalilha li kellha tarbija waħda, iżda b’diformitajiet. Minflok, twieldu żewġ subien, u ssostni li kien imnalla li dakinhar kienet wieġbet: “Naċċetta kulma jibgħatli Alla.”
L-aħwa tewmin jgħidu li d-determinazzjoni ta’ ommhom li tipproteġihom mill-parir tat-tobba biex tabortihom, għenithom fil-vokazzjoni tagħhom għas-saċerdozju. “Kif nista’ ma niddefendix lil Alla tal-ħajja?” qal Fr. Paulo Lizama. “Din il-ġrajja saħħitli l-vokazzjoni tiegħi u tatni vitalità speċifika u b’hekk kont kapaċi nagħti lili nnifsi għal dak li nemmen fih.”
Fr. Paulo u ħuh tewmi identiku, Fr. Felipe, twieldu fl-1984, fil-belt Ċilena ta’ Lagunillas de Casablanca. Qabel ma sabet li kienet tqila, ommhom Rosa Silva, esponiet ruħha għal xi x-rays waqt ħidmietha bħala paramedika. Konsegwentement, wara li kkonfermalha t-tqala, it-tabib tagħha ordnalha l-ultrasounds u infurmaha li kien ra ‘xi ħaġa stramba’ fir-ritratti.
Qalilha: “it-tarbija għandha tliet idejn u saqajha huma marbutin f’xulxin. Barra minn hekk għandha żewġt irjus.” Għalkemm għal raġunijiet terapewtiċi, dak iż-żmien, l-abort kien legali fiċ-Ċile u t-tobba qalulha li ħajjitha kienet fil-periklu, Rosa opponiet l-idea tagħhom u riedet tkompli bit-tqala.
Fr Felipe qal: “Alla għamel ħidmietu u pproduċa tewmin. Ma nafx jekk it-tobba kinux imqarrqa, jew x’seta’ ġara.” Min-naħa tiegħu Fr. Paolo żied “Dejjem naħseb b’imħabba speċjali, f’qalb ommi, li kienet lesta tagħti ħajjitha għalina.”
It-tewmin twieldu fl-10 ta’ Settembru, tal-1984. L-ewwel ma twieled Felipe u wara 17-il minuta twieled Paolo. Huma saru jafu fuq iċ-ċirkustanzi ta’ twelidhom meta kienu fis-sitt sena tas-seminarju.
Huma tal-fehma li kien l-għerf ta’ ommhom u qalbha li ppermettitilhom isiru jafu dwar twelidhom fiż-żmien adatt, għax aktar jemmnu li Alla ma kienx qed jaħdem fuqhom minn meta bdew il-vokazzjoni tas-saċerdozju, iżda sa minn qabel ma twieldu.