Girfa li ħolqot paniku

Omm li ma tatx wisq kas ta’ girfa ta’ qattus, spiċċat tissielet għal ħajjitha minħabba infezzjoni f’demmha.
Lesley Pleasant ta’ 57 sena kellha tqatta’ ġimgħa l-isptar b’IV drip u kważi kważi kienet se tonqos milli tattendi għat-tieġ ta’ bintha.
L-inċident ġara ftit ilu meta l-għalliema tat-taħriġ fiżiku qatgħetha li tnaddaf lil Oscar, il-qattus ta’ bintha, billi ddaħħlu bil-banju u taħslu biex teqridlu xi briegħed.
Imbeżża’, il-qattus deffes duffrejh fin-naħa ta’ ġewwa tal-minkeb ta’ Lesley u qatgħalha arterja. Bintha Alisha, ħadet 30 sekonda biex ħarġet id-dwiefer ta’ Oscar minn ma’ id ommha. Hi qalet li ħasset l-uġigħ, iżda kompliet bil-faċendi tagħha u ma baqgħetx taħseb aktar fl-inċident.
Fis-2.00 a.m. qamet bid-deni u idha bdiet tħossha tħabbat. Kellha uġigħ qawwi fiha u ntefħitilha daqs bużżieqa. Il-biża’ tagħha żdied, għax qajla setgħet tiċċaqlaq u ħadet il-pilloli kontra l-uġigħ.
L-għada filgħodu, ħabib tal-familja ħadha fl-isptar tal-lokal, f’Shepton Mallot, fejn intqalilha li kellha bżonn tmur fl-isptar akbar ta’ Bath.
It-Tabib Suranjith Seneviratne, immunolgu fir-Royal Free Hospital ta’ Londra qal li kull girfa, żgħira kemm tkun żgħira, trid tingħata l-attenzjoni mistħoqqa. Girfa infettata, ġeneralment tibda bi ħmura. Imbagħad tinfetta ruħha u wara għaxart ijiem tintefaħ. Hawn il-persuna jitlgħalha d-deni, tibda tgħejja, jaqbduha l-uġigħat tar-ras u f’xi każi jonqsilha l-aptit.
It-Tabib Seneviratne żied li girfa tista’ tidher bħala li qed tfiq, iżda l-batterja taf tkun ivvjaġġat għal xi parti oħra tal-ġisem, fejn timmultiplika u tinqasam.
Kif iddaħħlet l-isptar, Lesley tqiegħdet fuq id-drip u t-tobba bdewlha wkoll il-morfina għall-uġigħ li bdiet tħoss. Wara sitt ijiem fl-isptar, Lesley stqarret li għamlet biċċa xogħol għaqlija li marret malajr l-isptar, għalkemm ma tafx għaliex Oscar beża’ daqshekk mill-banju, għax din ma kinitx l-ewwel darba għalih.
Mafkar ġdid fuq stil ta’ 5,000 sena ilu
Fdalijiet umani se jitqiegħdu f’mafkar imdaqqas sew, li nbena fuq stil Neolitiku fil-Gran Britannja, wara 5,000 sena.
Kien Tim Daw, ta’ 52 sena, kważi lesta dan il-post ta’ mistrieħ li se jkun jesa’ l-fdalijiet ta’ eluf ta’ nies, wara mewthom.
Madwar 40 persuna diġà rriservaw qatgħa għalihom, li swiethom €1,262, f’din il-binja ta’ 50 metru tul, fl-għalqa ta’ Daw, qrib All Cannings, f’Wiltshire. Il-mafkar hu mistenni li jitlesta għal kollox matul dan is-sajf.
L-istruttura, mibnija b’niċeċ u daħliet fil-ġebel, mhi se tkun magħrufa mill-ebda reliġjon, iżda minħabba l-attenzjoni li ngħatat għas-solstizju – kif tidher tielgħa u nieżla x-xemx, diġà qanqlet l-interess tal-komunità Pagana.
Wiltshire hi mimlija b’dawn l-oqbra Neolitiċi, li jmorru lura għal żmien il-ħaġar, jiġifieri fil-bidu tal-10,200 qabel Kristu sal-2,000 qabel Kristu. Dak iż-żmien kienet id-drawwa li jħaffru; jitfgħu l-katavru u jgħattu bil-ġebel jew injam. Imbagħad jgħattu kollox bit-tajn, ħamrija u ħaxix.
Il-West Kennet Long Barrow, li jinsab sitt mili mill-mafkar ta’ Daw f’All Cannings, hu wieħed mill-akbar, b’tul ta’ 100 metru. Mill-iskavar li sar, ingħata ħjiel li l-qabar beda jinbena fis-sena 3,600 qabel Kristu, madwar 400 sena qabel ma nbeda Stonehenge.
Għajnuna Ingliża lil Tifel Bożnijaku
Charles B. Spiteri

Suldat, li waqt li kien b’xogħol fil-Bożnja lemaħ tifel b’diformità terribbli, qatta’ għaxar snin jiġbor il-flus b’risqu, biex finalment wasal jibdillu wiċċu.
Stefan twieled b’kundizzjoni rari msejħa Tessier facial cleft, li tirriżulta f’għajnejh imbiegħda minn xulxin aktar minn 4.5 ċentimetru min-normal, u mingħajr imnieħer kif nafuh aħna. Iżda Wayne Ingram, missier ta’ żewġt itfal, li kien fin-9th/12th Royal Lancers tant inġibed lejn Stefan, li waħħal f’moħħu li jipprovdilu l-aqwa għajnuna medika. Hu rnexxielu jiġbor xejn inqas minn €107,265 fl-attivitajiet li wettaq fil-Bożnja u l-Gran Britannja fl-2003. Permezz ta’ dawn il-flus, irnexxielu jwassal lil Stefan fl-Isptar Great Ormond f’Londra. Hemmhekk, iċ-ċkejken sarlu intervent kirurġiku ta’ 12-il siegħa, fejn l-ispeċjalista David Dunaway, fetaħlu wiċċu fi tnejn biex seta’ jressaqlu għajnejh lejn xulxin u jibnilu mnieħer.

L-operazzjoni kienet suċċess, għalkemm l-ispeċjalista kien qal li fi żmien għaxar snin, Stefan ikollu bżonn jagħmel operazzjoni oħra. Wayne baqa’ f’kuntatt mal-ġenituri ta’ Stefan; Slavenka, ta’ 36 sena u Milos ta’ 44 sena, u issa, wara li ġabar €25,239 oħra, reġa’ ħadu l-Ingilterra biex itemm il-kura.
Issa, Stefan, li għandu 14-il sena, reġa’ daħal l-Isptar għat-tieni operazzjoni, biex l-ispeċjalista David Dunaway itejjiblu d-dehra ta’ wiċċu u jgħinu jieħu n-nifs aħjar.
Wayne, minn Weymouth Dorset, qal li hu kuntent li rnexxielu jgħin lil Stefan ikompli jgħix ħajja normali. Hu kien iltaqa’ mat-tifel wara li introduċiehulu missieru. Kif rah skanta, u wiegħed li jgħinu. Fil-fatt irnexxielu!
Kenn għal min m’għandux u povri suldati u pulizija
Fid-dinja moderna nħoss li aktar sirna nagħtu kas tal-annimali milli tan-nies. Nixtrulhom il-ħwejjeġ biex inlibbsuhom; noħduhom xi dawra fil-prams u l-puschairs; inlibbsuhom in-nuċċalijiet tax-xemx… u nispiċċaw narrestaw lil xi sid li jħalli kelb jew qattus maqful f’karozza minħabba s-sħana tax-xemx.
Imbagħad niskanta kif fl-istess waqt inżommu suldati u pulizija għassa bl-uniformi, fis-sirġa tax-xemx — jew agħar — taħt xi kaxxa (gabbana) tal-injam, li tkompli taqlihom għas-sigħat kollha li jagħmlu għassa. Ladarba naqbżu daqstant għad-dritt tal-annimal, għandna naraw li dawn il-gabbani, almenu jkollhom xi sors ta’ arja kundizzjonata (li titħaddem u titħallas minn min ikun irid l-għassa wara daru) biex almenu, dawk li jagħmlu l-għassa ma jħosshomx ħażin waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Issa nagħtu titwila lejn ir-ritratti ma’ din l-istorja. Le, mhumiex kmamar għall-klieb u l-qtates. Huma ‘djar’ għal nies li ma għandhomx dar. U minnhom jinsabu ħafna f’Kalifornja.
Kienet l-inizjattiva ta’ Gregory Kloehn, li jmur idur is-siti fejn jintrema l-iskart, bl-iskop li jkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor. Hu mhux wieħed minn dawk li m’għandux fejn joqgħod. Fil-fatt hu artist minn Oakland u permezz tal-immaġinazzjoni tiegħu, bl-iskart li jsib u biex jiżviluppa s-sengħa li għandu, qed jibni dawn id-‘djar’ żgħar, f’qies ta’ sufan, biex almenu, numru ta’ nies ikollhom ‘saqaf’ fuq rashom!
Minn xi żmien qatagħha li minflok jibqa’ joħloq l-iskultura, li jbigħha lin-nies sinjuri, jgħin lil min hu inqas fortunat. U ħaġa tal-għaġeb, minn kulma jsib jgħodd għalih f’dak li jarmi ħaddieħor, ikun kapaċi joħloq ‘dar’ ċkejkna ferm għal individwu bla kenn.
U mhux biss qed isib l-apprezzament tan-nies li jagħtihom fejn joqogħdu, iżda wkoll mill-midja, li rat u fehmet il-ġest sabiħ tiegħu, għax rigal bħal dan lil min m’għandux ħlief it-triq ta’ barra fejn jorqod, ifisser dinja.
Kull ‘dar’ li għamel Gregory, għandha saqaf imżerżaq, biex ix-xita ma tidħolx ġewwa, u roti biex lil min tingħata d-‘dar’ ikun jista’ jressaqha skont il-ħtieġa.
Ġeneralment, għall-art juża l-pallets tal-injam li jsib mormijin. Imbagħad, il-bibien tal-makni tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatiċi, jużahom bħala twieqi, biex jagħtu d-dawl lid-‘dar’. Gregory jgħid li mindu beda jiffoka fuq id-djar, jaf li kulma joħloq qed jintuża.
Wonder, mara li ma kellhiex dar, qalet li l-kenn ċkejken li bnielha Gregory, kien l-aħjar ‘dar’ li kellha fl-aħħar ħames snin.
Peress li tant daħal fl-ispirtu ta’ dawn id-djar, l-istess Gregory ħareġ ktieb bl-isem Homeless Architecture biex iħajjar lil ħaddieħor jibni ‘djar’ simili. Hu jaf, li jaħdem kemm jaħdem, ma jistax jibni ‘dar’ għal kull bniedem mingħajr waħda, f’Oakland biss, għalkemm mhux beħsiebu jieqaf mill-proġett ta’ għajnuna li beda.
Issa qed jitħajjar ukoll jibda jgħallem lil nies oħra jagħmluhom, għax jaf li hemm numru ta’ individwi li jixtiequ jinvolvu rwieħhom. Jittama biss li jsib xi post fejn jistgħu jiltaqgħu lkoll u jaħdmu flimkien, biex f’temp qasir jibnu aktar ‘djar’ ċkejknin għal min m’għandux fejn jistkenn.
Aqwa mis-Samaritan it-Tajjeb!
Charles B. Spiteri

Din hi ġrajja li spiss konna naqraw fil-leġġendi. Iżda seħħet tabilħaqq.
Neguzjant Ċiniż li hu wkoll miljunarju, mar b’bulldozer fil-post fejn trabba u waqqa’ l-għarajjex tal-injam u qala’ t-toroq kollha tajn li sab. Dan ma għamlux b’xi azzjoni ħażina. Anzi. Xiong Shuihua bena djar lussużi u tahom lin-nies li kienu joqogħdu hemm. Hu twieled fil-villaġġ Xiongkeng, fil-belt ta’ Xinyu, fin-naħa t’isfel taċ-Ċina u dejjem jiftakar kif ir-residenti kienu jindukraw u jgħinu lill-familja tiegħu meta hu kien għadu żgħir.
Għalhekk, meta ta’ 54 sena spiċċa jagħmel il-miljuni fl-industrija tal-azzar, iddeċieda li jpatti għall-pjaċiri… u bla ħlas. Qatagħha li jmur lura fil-villaġġ fejn trabba u u jagħti dar b’xejn, lil kull min kien joqgħod hemm.
Ħames snin ilu, il-villaġġ qisu nqered u ħafna nies kienu jgħixu fi djar bażiċi. Iżda issa, dan ġie mibdul u 72 familja jinsabu ferħana, jgħixu f’appartamenti lussużi. Fl-istess ħin, 18-il familja li għenu lin-neguzjant, ingħataw villa kull waħda, fil proġett totali li sewa qrib l-£4 miljun.
Wara li mar joqgħod hemm, hu wiegħed ukoll tliet ikliet kuljum lir-residenti xjuħ u nies li qajla kienu jaqilgħu flus, u dan biex jassigura ruħu li jistgħu jgħixu ħajja deċenti. Dan il-multi miljunarju l-ewwel beda jaħdem fl-industrija tal-bini u wara daħal fil-kummerċ tal-azzar.
Hu qal: “Qlajt flus aktar milli kelli bżonn u ma ridtx ninsa l-għeruq tiegħi. Jien dejjem ħallast id-djun tiegħi u issa ridt nara li n-nies li għenu lili meta kont żgħir u lil familti, jitħallsu lura huma wkoll.”
Qiong Chu, ta’ 75 sena qal: “Jien niftakar lill-ġenituri tiegħu. Kellhom qalb tad-deheb u dejjem jaħsbu fl-oħrajn. Hi ħaġa sabiħa ħafna li binhom wiret din il-ġenerożità.”
Nies fl-gherien fil-Gran Britannja
Bilqiegħda f’għar, dan ir-raġel mil-Lvant tal-Ewropa, hu wieħed mill-bosta li qed jiġġiegħlu jmorru taħt l-art biex isibu kenn.
L-Estonjan, jidher fl-għerien qrib Stockport, fejn numru ieħor ta’ nies kienu rappurtati li marru joqogħdu, u ħallew warajhom ħerba bil-ħmieġ u l-affarijiet li ħadu, biex ikunu jistgħu jorqdu.
Fl-għar, jorqdu sa erbgħa min-nies kull darba. Hu għar sigriet, mifrux fuq preċipizzju ta’ 20 pied, fuq ix-Xmara Mersey.
Il-qagħda ta’ rġiel u nisa li qed ifittxu kenn fl-għerien, bħal dan fi Stockport, qed jinkwieta lill-pubbliku, peress li ċ-ċifri juru li n-nies bla dar qed ikomplu jiżdiedu minħabba l-qagħda ekonomika ħażina fil-pajjiż. Tul il-pajjiż, dawn l-istess nies bla saqaf fuq rashom żdied b’sitta fil-mija fl-aħħar sena u qabeż l-34 fil-mija meta mqabbel ma’ tliet snin ilu.
F’xi nħawi, il-formazzjonjijiet tal-għerien jipprovdu kenn li hu żgur u xott – u għalhekk iħajjar lil dak li jkun imur jgħix f’kundizzjonijiet xejn umani għaż-żminijiet tal-lum. Jonathan Billings, maniġer ta’ organizzazzjoni karitattiva qal li numru ta’ nies li qed ifittxu appoġġ, fosthom l-immigranti mil-Lvant tal-Ewropa, aktar minn irdoppja fl-aħħar tliet snin.
Ħafna minn dawk li qed ifittxu l-għajnuna huma nies mill-klassi medja, li tilfu x-xogħol tagħhom u tħallew mingħajr ebda dħul finanzjarju. Hu żied jgħid li meta nies hekk jitilfu x-xogħol, tant jistħu li jmorru jfittxu postijiet perikolużi biex joqogħdu fihom. Żied li jaf b’nies li spiċċaw waqgħu fix-xmara waqt li kienu reqdin, waqt li kien hemm oħrajn li mietu maħruqa, wara li xi tfal niżlu ħdejhom u taw in-nar lill-friex tagħhom.
It-‘Terminator’ Russu
Charles B. Spiteri

Suldat Russu jidher li qarraq bil-mewt, wara li filmat tiegħu deher fil-pubbliku, b’ħabib jaqlagħlu l-bullet li kellu f’moħħu, bi tnalja. Is-suldat, li tlaqqam ‘it-Terminator Russu’ nqabad fl-isparar bejn il-militanti Russi u Ċeċeni. Fil-vidjo, is-suldat jidher bla biża’ u kalm għall-aħħar fil-proċeduri li sarulu.

Il-bullet daħlitlu bejn għajnejh u ħabibu ma kellux triq oħra għajr li jaqlagħhielu bi tnalja għax ma kellhom ebda tagħmir mediku. Din l-operazzjoni ħadet ftit minuti biex tlestiet, għax ma kienx faċli tinqala’. Għalkemm il-każ seħħ fis-sena 2000, kien issa li l-vidjo kiseb il-popolarità, wara li xi ħadd tefgħu fuq l-internet.

Minħabba l-kuraġġ, il-kalma u l-mod xejn emozzjonali li wera s-suldat, tqabbel ma’ Arnold Swhwarzenegger, fil-parti tiegħu ta’ The Terminator.
Iċ-Ċina bl-ikbar pont fid-dinja
Charles B. Spiteri
L-itwal u l-iktar pont tal-cable fid-dinja għadu kif infetaħ fiċ-Ċina wara seba’ snin ta’ ħidma kontinwa.
Il-pont Jiaxing-Shaoxing, li jinsab fuq il-baħar jinfirex għal għaxar kilometri (6.2 mili) mill-Bajja Hangzhou sa Shaoxing.
Prinċiparjament, il-pont jinsab appoġġjat bejn żewġ torrijiet, f’għoli ta’ 745 pied u l-wisa’ tiegħu hi ta’ 2,560 pied.
Hu fih sitt mogħdijiet għat-traffiku u ġie inawgurat fit-28 ta’ Mejju li għadda. Minkejja li hu tal-cable, hu disinjat għal vetturi li jsuqu b’aktar minn 60 mil fis-siegħa. Nies bil-mixi, muturi u karozzi li jsuqu b’inqas minn 45 mil fis-siegħa ma jitħallewx jgħaddu minn fuqu.
Meta wieħed iħares lejn il-pont, jaħseb li hu suspension bridge iżda l-binja tiegħu hi differenti.
Qabel ma ċ-Ċina bniet dan il-pont f’Jiaxing-Shaoxing, kellha diġà tliet pontijiet oħra fost l-akbar għaxra, magħmulin mill-cable, fid-dinja.
L-ikbar wieħed kien ir-Russky Bridge, fi Vladivostok, fir-Russja, waqt li s-Sutong Bridge f’Suzhou, iċ-Ċina, fit-tieni post.
Qanpiena għall-ġerrejja
Novità li għadha kemm kienet introdotta, se tnaqqas ir-rabja ta’ dawk li jħobbu jiġru fl-ibliet u nħawi ffullati bin-nies.Jingħata ġieħ wara 68 sena
Charles B. Spiteri

Pilota ta’ bomber li ħa sehem f’film ta’ James Bond ħareġ fid-dieher ir-rabja tiegħu wara li finalment ingħata l-medalja ta’ ġieħ – 68 sena wara li ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija. Wing Commander Ken Wallis, ta’ 97 sena, irriskja ħajtu meta tajjar lill-ajruplan tal-gwerra tiegħu fuq il-Ġermanja għal 28 missjoni matul il-kunflitt.

L-eroj patrijottiku żagħżugħ u pilota mill-aqwa, tant kien determinat li jiġġieled għal pajjiżu, li fl-aktar siegħa ta’ periklu, sa qarraq f’eżami tal-vista, biex jingaġġa fl-RAF. Ken Wallis, minn Norfolk, kien konvint li hu u ħbiebu kellhom ikunu rikonoxxuti għall-qlubija fenominali wara li ġġieldu fl-Iskwadra 103, ibbażata fl-RAF Elsham Wolds fin-naħa ta’ fuq ta’ Lincolnshire. Meta finalment, Ken Wallis irċieva l-medalja tiegħu bħala Kmandant ta’ Bomber, kulma qal kien: “Ftit tard – imissha ngħatatli ferm qabel. Meta temmejna l-ħidma tagħna, kien hemm 56,000 ruħ li nqatlu fil-Bomber Command, u ħsibna li kellna ningħataw il-medalji. Iżda meta ma ngħatajna xejn, bqajna mbellhin.”
Ken ingaġġa fl-RAF qabel ma faqqgħet il-ġwerra fl-1939 u daħal bħala voluntier fis-servizz ta’ riserva. Fil-bidu ma tħalliex isir pilota minħabba li ma tantx kien jara minn għajnu l-leminija, iżda rnexxielu jikseb liċenzja ta’ pilota privat, wara li t-tabib naqas li jiċċekkjalu l-vista. Inkredibbilment, kiseb il-Liċenzja A għat-titjir waħdu u ma’ ħaddieħor f’rekord ta’ 12-il siegħa. Meta daħal fl-RAF, qabel ma faqqgħet il-gwerra, kellu 25 sena.

Fl-1964, wara li telaq mill-RAF, Ken mar jgħix f’Norfolk, u beda karriera eċċitanti ġdida fl-ajru. Hu kiseb għarfien eċċezzjonali meta fl-1967, ħadem taparsi Sean Connery, fil-film You Only Live Twice. Fl-1996 ingħata l-MBE u bejn l-1968 u l-2002 wettaq 34 rekord dinji għall-ħeffa u sfidi ta’ ċirkwiti u għoli miksuba bl-ajruplani.