Iċċelebrajna

Charles B. Spiteri

Il-palk tal-Istitut Kattoliku wassalhom għaż-żwieġ

altMinn Charles B. Spiteri

Kollox imur lura għal meta Marlene kellha 17-il sena. Kienet għadha tattendi l-iskola sekondarja, meta tal-Azzjoni Kattolika kienu għażluha flimkien ma’ xbejbiet oħra biex jieħdu sehem f’reċta tal-Milied li kellha ssir fl-Istitut Kattoliku. Marlene ingħatat il-parti ta’ anġlu.
“Is-suġġeritur ma kien ħadd għajr Joe Attard. Kien għadu żagħżugħ, b’ras xagħar kollha nokkli. Ħbiebi lkoll ħarġu għalih bl-istess laqam, iżda jien ħadt grazzja miegħu. Ħarisna lejn xulxin kemm-il darba.”
Wara ftit jiem, Joe bagħat jgħidilha ma’ ħabib li xtaq ikellimha, iżda peress li Marlene kienet se tagħmel l-eżamijiet tal-‘O Level’, għarrfitu b’dan u qaltlu wkoll li kienet għadha żgħira. Għalhekk ma bdewx jiltaqgħu kif xtaq Joe, għalkemm kull fejn jiltaqgħu, kienu jsellmu lil xulxin u jgħidu xi kelma jew tnejn.
Joe jiftakar li dak iż-żmien, hu kien diġa’ jaħdem it-Tarzna u kellu dawk il-25 sena. Stenna lil Marlene ittemm l-eżamijiet, u reġa’ pprova jkellimha. Din id-darba ma kellux problemi. Marlene aċċettat li tkellmu.
Sew missier Joe, li hu Għawdxi pur u sew missier Marlene, li hu Slimiż kienu fin-Navy u għalhekk ma kinux ikunu Malta. Iżda Marlene issemmi li nannuha Ġorġ Azzopardi; missier ommha, li kien jilgħab mal-Furjana, u kien fih raġel, kien jagħmilha ta’ missierha wkoll u kien bniedem ta’ dixxiplina kbira. Lil iben Ġorġ, Charles Azzopardi, player u maniġer tal-Barclay Bank, kienu jgħidulu l-Gross.
Darba, Joe u Marlene iltaqgħu u ntasbu fuq bank il-Mall. F’ħin minnhom, Marlene rat lil nannuha ġej mill-bogħod. Għarrfet b’dan lil Joe u ħarbet tiġri. Joe bil-fixla, tkebbeb kobba taħt il-bank, u n-nannu Ġorġ baqa’ għaddej qisu ma kien ġara xejn.
Filgħaxija, meta Marlene daħlet id-dar, qalilha: “Jaħasra, kien hemm ġuvni ħdejn il-funtana, waħdu; x’kien qiegħed jagħmel?” Allura Marlene qaltlu li kien il-ħabib tagħha. U nannuha qalilha biex tgħidlu li ried ikellmu.

Il-laqgħa ma’ nannuha

Min-naħa tiegħu Joe irrakkuntali li l-laqgħa kienet saret fil-ħanut tas-sigarretti, magħruf bħala tan-Nifs, taħt il-loġoġ tal-Furjana. Nannuha kien widdbu li ħażin ikun għalih jekk jipprova jgħaddi ż-żmien b’Marlene, għax jaqsmu fuq irkopptu, waqt li jekk jagħraf iħobbha u jirrispettatha, lilu jsibu miegħu f’kulma jinħtieġ.
Joe qabel ma’ dak kollu li qallu n-nannu ta’ Marlene, u allura n-nannu qallu li ma ridhomx joqogħdu barra. B’hekk bdiet il-ħajja tal-imħabba bejn Joe u Marlene. Hu kien imur id-dar ta’ Marlene, joħorġu dawra u jirritornaw id-dar.
Marlene issemmi li dejjem tħallew joħorġu weħidhom, iżda dan ma fissirx li t-tliet ħutha s-subien – li huma iżgħar minnha – ma kinux jintbagħtu biex ‘jagħmlulhom l-għassa’. U joħorġu xħin joħorġu u jmorru fejn imorru, inkluż iċ-ċinema, riedu jkunu d-dar sat-8.30p.m. Hemmhekk kienu jixorbu xi ħaġa u Joe ilesti biex jitlaq.
Marlene kienet tinżel isfel miegħu, (tliet sulari) biex twasslu sal-bieb, fejn ‘jisirqu’ l-bewsa ta’ qabel l-irqad! U tabilħaqq bis-serqa, għax fid-dar bi tliet sulari; isfel kienet toqgħod in-nanna u n-nannu, fin-nofs il-familja taz-zija ta’ Marlene u fuqnett, hi ommha u ħutha, li fosthom kellha lill-magħruf, Sunny Monte.

Il-kera tad-dar

altDamu għarajjes erba’ snin peress li omm Marlene ma ridithiex tiżżewweġ żgħira. Allura stenniet sa ma kellha 21 sena u għamlu d-data. Darba, b’kumbinazzjoni, waqt li Marlene kienet qed tqalleb ġurnal, lemħet avviż ta’ post fil-Furjana, għall-kiri, faċċata tal-Port il-Kbir. Qalet bih lil Joe u mill-ewwel kitbet fl-indirizz li kien hemm.
Ma damitx ma kellha żjara minn sid il-post, li ried ikellem lill-ġenituri tagħha. U hekk kif daħal għandhom, lemaħ ritratt ta’ zijuha Charles, li kien jaħdem il-Bank bħalu.
Lil omm Marlene qalilha li xtaq jara l-intenzjoni ta’ bintha, peress li kienet l-unika mara li kitbet għall-post. Ħaseb li seta’ kellha intenzjonijiet ħżiena. Sadattant wasal għandhom Joe, li kellem ukoll lis-sid, u tant ħa grazzja magħhom, li krihulhom.
Ladarba kellhom id-dar, xtraw iċ-ċrieket tal-għerusija u tgħarrsu. Berkilhom iċ-ċrieket, Mons Carmelo Xuereb, li kien l-Arċipriet tal-Furjana u joqgħod faċċata tagħhom. Mons Xuereb kien ħabib kbir ta’ Joe u xtaq ukoll li jżewwiġhom hu.
Iżda Joe, li kien jattendi l-Azzjoni Kattolika fejn kien hemm Mons Salvatore Laspina, xtaq li jżewwiġhom hu. Lil dan il-Monsinjur, Joe jattribwilu l-edukazzjoni kollha li jaf, peress li għenu ferm jimxi ’l quddiem wara li missieru miet fl-eta’ ta’ 54 sena.
Joe kien jattendi l-iskola Stella Maris u ta’ 11-il sena kien diġà tiela’ fit-tieni sena sekondarja. Iżda mal-mewt ta’ missieru, ommu ma kellhiex mnejn tħallaslu u għalhekk għamel l-eżami għad-Dockyard School. Bro Domenic, li dak iż-żmien kien ir-Rettur, kien staqsieh għaliex se jaqleb l-iskola, u biex Joe ma jistqarrx il-verità, wieġbu li kien iddejjaq jistudja. Għall-eżami tad-Dockyard kien hemm 1,480 u hu ġie fil-25 post. L-eżaminaturi kienu Ingliżi u wara li tgħaddi minn tliet suġġetti, tagħmel l-oral.
Lura għall-istorja tal-imħabba. Madwar sena wara, Joe u Marlene kellhom jiżżewġu. Kien għadu ż-żmien tad-dota, fejn omm l-għarusa tagħmlilha kollox hi, inkluż it-tieġ u l-għarus iħallas il-karrozzi u l-ilbiesi tal-kiri. Għall-okkażjoni, missier Marlene, li kien għadu fin-Navy Merkantili, ġie Malta u qatta’ xi jiem hawn.

Il-libsa tat-tieġ

Marlene tiftakarha sew tħit il-libsa tat-tieġ tagħha hi stess, fil-ħinijiet ta’ wara x-xogħol, peress li kienet taħdem bħala supervisor ma’ Bluebell. Terġa’, meta Joe kien imur għandhom, Marlene kienet tieqaf mill-ħjata għax lil Joe ma riditx turihielu qabel dakinhar li jtejġu, minħabba x-xorti ħażina.
altIż-żwieġ tagħhom sar il-ġimgħa filgħodu, tas-6 ta’ Jannar, 1967, jum l-Epifanija, li kienet festa kmandata. Sar fil-knisja arċipretali San Publiju, l-Furjana u l-festin kien fil-Lukanda Phoenicia. Kien daqqilhom il-grupp ta’ Vinnie Vella u ibnu Vinnie Jr. kien kantalhom.
Qamar il-għasel ma marrux, iżda jiftakru li l-għada kienu marru jżuru lil oħt Joe, li kienet tqila, u li minħabba f’din il-kundizzjoni, lanqas kienet attendiet għaż-żwieġ tagħhom. Aktar tard, missier u omm Marlene marru għalihom bil-karrozza tagħhom u ħaduhom jieklu barra.
L-ewwel tarbija tal-koppja Attard mititilhom qabel iż-żmien, iżda wara kellhom lil Herman, Elaine u Julian. Elaine ngħatat dan l-isem għax twieldet fl-isptar Santa Katarina, f’Jum il-festa ta’ Sant Elena.

It-trobbija tal-lum

Għar-rigward tat-trobbija tat-tfal tal-lum, Joe u Marlene huma tal-fehma li llum, il-fsied iħassar lill-ulied. It-tfal ma jafux x’inhu sagrifiċċju. Jekk iridu jmorru l-iskola, il-privat, joħorġu u jmorru fejn imorru, isibu lil xi ħadd mill-ġenituri li jwassalhom. Fid-dar ma jingħataw jagħmlu xejn u għalhekk jidraw bla ħajra biex imiddu jdejhom.
Apparti dan kollu, is-sistema edukattiva tbiddlet għal kollox. It-tfal, meta jilħqu l-adolexxenza tagħhom qed isibu homeworks enormi u dan meta s-suġġetti saru diffiċli ferm. Għalhekk il-ħruġ li joħorġu, jrid isir bilfors wara li jlestu, u fit-tard. B’hekk, ladarba joħorġu f’xi d-9.00p.m. Ħadd ma jippretendihom jidħlu kmieni. U darba jiġri dan, filgħodu jqumu mfarrkin u ma jmiddux idejhom.
Anki d-dixxiplina spiċċat. Fejn dari, jien staħbejt wara l-bank meta rajt lil nannuha, illum, tant xejn m’hu xejn, li fit-toroq il-ħin kollu tara l-filmati tal-imħabba — mingħajr ħlas! Imbagħad hemm oħra. Għadhom għarajjes u tarahom sejrin vaganza, u jorqdu flimkien.
Imbagħad, ħaġa li għaliha jikkundannaw lill-ġenituri, hi l-ilbies fuq ċerti xbejbiet, l-aktar dawk li joħorġu mid-dar b’dublett ta’ sitt pulzieri biex imorru Paceville. Dawn bla dubju, jservu ta’ tentazzjoni għal bosta.
Joe jirrakkonta li ommu kienet tgħid li hi taħlef għal uliedha sa ma jduru l-kantuniera. Iżda dejjem kienet tarahom ħerġin b’mod onest.
Fuq l-imħabba wara numru sew ta’ snin, Joe u Marlene jaqblu li jekk din tkun ġenwina, tibqa’ ġol-individwu, iżda jekk tkun imħabba passjonali, tispiċċa maż-żmien. L-imħabba fiż-żwieġ Nisrani hi responsabbiltà kbira, fejn l-għarajjes iwiegħdu lil xulxin quddiem Alla li jintrabtu flimkien kemm għall-ġid; għad-deni; għas-saħħa; għall-mard u għal kollox. Jemmnu li l-imħabba fiż-żwieġ għandha tkun l-istess imħabba bħalma tkun fl-għerusija, waqt li l-koppja tirrispetta l-opinjoni ta’ xulxin.  

Tazza tal-ħġieġ serviet ta’ ħuttaba għal imħabbithom

altMinn Charles B. Spiteri

Kultant l-affarijiet lanqas jitwemmnu! Festa ta’ Santa Marija fil-Mosta, fejn il-ġuvni, ta’ xi 17-il sena jservi bħala barman fil-ħanut li kellhom iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara. Hu u ħabibu kellhom l-ordni li meta t-tfal jixtru xi flixkun luminata, flok jagħtuhom tazza tal-ħġieġ  , jagħtuhom qasba (straw). Tidħol xbejba ta’ xi 15-il sena ma’ oħtha ta’ ħames snin, li ma kienet tixrob xejn jekk mhux minn tazza tal-ħġieġ  u jordnaw x’jixorbu. Tinqala’ tilwima ċkejkna fejn ix-xbejba tgħid lill-ġuvni: ‘‘X’taħseb? Li jekk inkissru t-tazza m’aħniex kapaċi nħallsuha? ’’

Il-ġuvni kien Joe u x-xbejba kienet Carmen. Joe intlaqat mir-rieda soda ta’ Carmen u l-Ħadd ta’ wara sabu ruħhom flimkien ma’ grupp miż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, sejrin vaganza Għawdex. Joe staqsa lil ħabibu Alfred Sammut jekk jafx min kienet u dak wieġbu li jisimha Carmen u tah id-dettalji kollha tagħhom għax kienet toqgħod ħdejhom.

Tilfet ‘cardigan’

Hi, min-naħa tagħha tilfet cardigan u marret tgħid b’hekk lil Joe. Joe, li hu bniedem ċajtier ferm, għadu sal-lum tal-fehma, li t-telfa tal-cardigan setgħet kienet skuża biex taqbad miegħu!
Carmen hi l-kbira fost żewġt ibniet u l-ġenituri tagħha kienu armati bi grocer, waqt li Joe hu t-tieni wild minn tmienja u kienu armati bil-forn. Tkellmu waqt il-vaganza u wara ltaqgħu xi darbtejn. Mhux iżjed. Għax xi ħadd mar kżaha lil omm Carmen – li kienet iżżommilha ferm minħabba d-dixxiplina stretta li kellha – u qaltilha li jekk riedet tkompli toħroġ u tkellem liż-żagħżugħ, dan kellu jkun raġel biżżejjed li jasal jiltaqa’ ma’ missierha.

altCarmen tirrakkonta li ma’ ommha ma tantx kienet iġġibha żewġ, iżda missierha kien taz-zokkor, jifhimha ferm u jipprova jikkuntentaha. Għalhekk bagħtet ittra lil Joe, tgħidlu b’dak kollu li xtaqet ommha.
Joe inħasad u ma weġibx mill-ewwel. Kulma bagħat jgħidilha kien, li kien għadu żgħir.
Iltaqgħu xi sena wara, fil-festa ta’ Santa Marija tal-Imġarr u Joe ħass li kellu jgħid b’kollox lil ommu. Semmielha min kienet Carmen, u peress li kienet taf li huma familja mill-aħjar, inkuraġġietu jkompli. Jiftakar li darba, hu u Carmen ftiehmu, li wara li jmorru jaraw film il-Palladium, fil-Mosta, jmur id-dar tagħha biex jiltaqa’ ma’ missierha. Ommha ma emmnithiex meta qaltilha li kellu jmur għandhom, u telgħet torqod bħas-soltu. Iżda aktar tard, meta Carmen irritornat u qaltilha li kien hemm l-għarus, skantat immens u bagħtitha tgħid lil missierha, li bħas-soltu kien qed jitkellem ma’ xi ħbieb f’garaxx. Joe għadu jiftakar li kulma qallu missierha kien ‘‘OK, ibni kif int? Tal-familja jafu?’’ u taptaplu fuq spalltu. Minn dakinhar, u għal tliet snin, damu għarajjes.

Fit-8.00p.m. id-dar

Fix-xitwa kienu jmorru t-talkies kull nhar ta’ Ħadd u fis-sajf imorru sal-baħar. Iżda d-dixxiplina ta’ omm Carmen kienet tali, li kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa, kienet tkun trid irritornat id-dar sat-8.00 p.m. U meta ma tmurx it-talkies tar-raħal, kienet tkun trid tieħu lil oħtha ż-żgħira magħha.
Joe jiftakar li fit-triq tagħhom il-Mosta, fejn kienu armati bil-forn, kien missieru u raġel ieħor biss li kellhom vettura. Tagħhom kienet vann, li missieru kien jimlieh bil-ħobż u jmur ibiegħu f’Ħal Lija. Fis-sajf, wara li jbiegħu l-ħobż u jieklu l-ikla ta’ nofsinhar, missieru kien jitla’ jorqod u Joe inaddaf il-vann. Dan biex għal xi l-4.30 p.m. jinġabru t-tfal kollha tat-triq u missieru joħodhom sal-Qawra biex jgħumu. Kienu jdumu hemm sa tard filgħaxija.
Carmen qatt ma marret il-baħar magħhom, minkejja li kienu diġa’ għarajjes. Ommha kienet tg[idilha li qabel ma tiżżewweġ, ma tagħmilx li trid. Lanqas id-dar għand il-ġenituri tal-għarus ma kienet titħalla tmur.
Wara tliet snin g[erusija, kien hemm [abiba ta’ ommu, li g[arrfitu li kien hemm dar f’kantuniera, għall-bejgħ. Kulma kienet tiswa kien Lm800. Joe jgġid li għal dak iż-żmien – 43 sena ilu, Lm800 kienu flus.
Ma’ missieru kellu paga ta’ Lm5 fil-ġimgħa u kien idaħħal xi Lm1.50/ aktar peress li flimkien ma’ zitu kienu jagħmlu x-‘xiwa’ nhar ta’ Ħadd. Dak iż-żmien, in-nies kienu jsajru l-forn barra u l-ħlas kien ivarja bejn erba’ soldi u sitt soldi. Jiġifieri ma tantx kien hawn flus fl-idejn.
Terġa’ l-ġenituri ta’ Carmen kellhom dar mal-ħanut tal-merċa u garaxx ftit ’l hinn. Meta l-għarajjes qatgħuha li jiżżewġu, omm u missier Carmen bnew xi appartamenti fuq il-garaxx u marru joqogħdu f’wieħed minnhom. Id-dar u l-ħanut tawh lil Carmen u Joe. B’hekk, huma sabu d-dar lesta u kulma nefaq Joe kienu xi Lm70 biex xkatla l-ġebla u flok reġa’ bajjad bil-ġir, bajjad bil-water paint.

Il-kamra tas-sodda

Kellu xi jgħid ma’ ommha għal xi jumejn, wara li xtara kamra tas-sodda għall-prezz ta’ Lm200, għax qieset li kienet għolja ferm, għal dawk iż-żminijiet. Iżda mbagħad iż-żmien taffa l-korla u kollox mexa sew.
Iżżewġu kif kienu ppjanaw, il-Ħadd, 12 ta’ Ġunju tal-1966 – jiġifieri bħall-bieraħ 43 sena ilu – fil-knisja parrokkjali tal-Mosta. Iċ-ċelebrant kien iz-ziju ta’ Joe, Patri Salv Portelli. Dik il-ħabta l-għarus kellu 23 sena u l-għarusa 21.
It-tie; għamluhulhom il-ġenituri ta’ Carmen. Is-sala li krew kienet l-Ark Royal, fil-Mosta stess. Din is-sala kienet ’il fuq minn Casa Arkati, u għalih kellhom numru mdaqqas ta’ mistednin. Sabu fotografu li ġibdilhom xi ritratti fid-dar u fis-sala –ġħax il-fotografi li joħor;u mill-istudjo tagħhom ma kinux għadhom numerużi.
altFis-sala kellhom ukoll grupp orkestrali magħmul minn ħames mużiċisti. Kien jismu The Gatt 5, immexxi minn Charles ‘City’ Gatt u l-kantant ma kien ħadd għajr Anġlu Fenech, ħabib tal-familja Camilleri u aktar tard Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Wara t-tieġ, l-għarajjes friski rħewlha għal qamar il-għasel. Alloġġjaw fis-Seabank Hotel, ix-Xemxija. Kellhom iqattgħu tlett iljieli – mill-Ħadd sal-Erbgħa ta’ wara, iżda x-xitan ma ħamilx. Kif Carmen sabet ruħha fit-tibdil tal-arja, din xorbitha, u wara jumejn kellhom jirritornaw id-dar bla ħsieb u jsejħu tabib. Iżda wara, gawdew kemm setgħu.
Ftit xhur wara t-tieġ, Carmen ħarġet tqila bl-ewwel tarbija tagħha Rosita. Imbagħad kellhom lil Joanne, lil Isabelle u lil Stephanie. Illum il-ġurnata Rosita hi miżżewġa lil Mark Muscat u għandhom tlett itfal: Amy, Lara u Janice. Joanne wkoll hi miżżewġa. Ir-raġel tagħha hu Tony Caruana u għandhom tlett itfal oħra: Kelly Ann, Kurt u Krista Jo. L-aħħar żewġt itfal għadhom xebbiet. Għalhekk Joe u Carmen huma nanniet ta’ sitt neputijiet.

Ġibda għall-knisja

Kif irrakkuntali Joe, meta kien ġuvni kien miġbud lejn il-knisja u s-soċjetajiet tagħha. Kien jattendi għall-quddiesa u anki jgħid ir-rużarju mal-familja tiegħu, iżda meta żżewweġ u ħa l-ħanut, ma kienx isib ħin biex jibqa’ fil-ħajja reliġjuża tiegħu. Kien iqum fl-4.30 a.m. kuljum biex jiftaħ il-ħanut tal-merċa u kien ikollu jmur il-Pitkalija biex jixtri l-ħaxix ħalli jbigħu. Qatt ma għalaq in-negozju tiegħu qabel it-8.00 p.m.
Min-naħa tagħha Carmen kellha lil ommha li tesiġi li l-quddiesa, ir-rużarju, u d-duttrina ma jonqsuhom qatt. Meta qatgħet milli tmur id-duttrina, bdiet tattendi ż-żgħażagħ Ħaddiema Nsara.
Meta mistoqsijin jgħidu x’jaħsbu li wassal għad-differenza bejn it-trobbija ta’ dari għal dik ta’ llum, il-koppja Camilleri ma ħaditx wisq żmien biex twieġeb.

altHuma jaqblu li fi żmien it-tfulija tagħhom, huma kienu jilagħbu bix-xejn. Joe isostni li l-footballers kollha tal-Mosta Football Club kollha telgħu mill-Oratorju tal-lokal. Illum, biex tifel ċkejken jattendi Nursery, il-ġenituri tiegħu jridu jħallsu. Jemmnu wkoll li fi żmienhom, iż-żgħażagħ kienu lkoll ferħana. Illum, lit-tfal tasal tagħtihom kulma jridu u xorta qishom ma jieħdu gost b’xejn. Carmen issotni li minkejja li llum trabbi l-istess, it-tfal jitilgħu b’mod differenti. Temmen li l-ħajja tbiddlet u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja wasslu biex biddlu l-ħajja tat-tfal.

Min-naħa tiegħu Joe isostni li jemmen li li kieku lit-tfal ma nagħtuhomx dak kollu li jridu u nħajmuhom, jafu jitilgħu mod ieħor. Illum, it-tfal ma jafux jgħaddu mingħajr dak kollu li jridu.
Fl-aħħarnett staqsejt lill-koppja Mostija Camilleri, x’tifsira tagħti lill-imħabba. Mingħajr tlaqliq u titubar qaluli li t-triq tal-ħajja miżżewġa tagħhom għallmithom li l-imħabba hi sagrifiċċju, tolleranza, paċenzja kbira, tbatija, ferħ u naturalment l-ulied, li jiffurmaw lill-familja.  

L-imħabba ġġibu lura mill-Awstralja għax-xbejba li tefa’ għajnejh fuqha

altMinn Charles B. Spiteri

Joseph, li ħafna jafuh bil-laqam tal-lanċa, twieled is-Siġġiewi, iżda l-familja tiegħu marret toqgħod Ħaż-Żebbuġ meta hu kien għadu tarbija. L-ewwel kienu joqogħdu fi Triq Ebona u eventwalment fi Triq de Rohan. Min-naħa tagħha, Teresa hi Żebbuġija proprja, dejjem għexet hemm, u ġejja mir-razza pjuttost kbira magħrufa bħala tal-kaxxettier.

Meta kien għad kellu dawk il-15-il sena, Joseph beda jinnota lil Teresa, xbejba sabiħa u kwieta. Kien beda jilgħab bħala goalkeeper ma’ Żebbuġ Rangers; li f’dak iż-żmien kellhom il-każin fi Triq il-Kbira, eżatt maġenb id-dar fejn kienet toqgħod Teresa. Induna li filgħaxijiet fis-sajf, il-familja ta’ Teresa kellhom id-drawwa jitilgħu għall-arja fuq il-bejt tad-dar. Allura Joseph beda jitla’ fuq il-bejt tal-każin tal-futbol, idoqq il-kitarra u jkanta ma sħabu, filwaqt li jimraħ lejn il-bejt l-ieħor.

Meta sar jaf li ta’ kull filgħodu kienet tmur ma’ ommha Agnes u ma’oħtha Carmena għall-quddiesa tas-sitta, beda jmur hu ukoll l-istess quddiesa biex ikun jista’ jaraha aktar. Darba sar jaf li Teresa kienet se toqgħod bridesmaid f’tieġ, u daħal fis-sala tar-riċeviment bla ma kien mistieden u talabha tiżfen miegħu. Aktar tard, billi kien jaf li Teresa kienet ħajjata flimkien ma’oħtha fid-dar tagħhom, biex aktar jipprova jaqbad magħha, mar jistaqsiha tħitlux qmis.

Teresa tirrakkonta li hi u oħtha kienu tgħallmu l-ħjata mingħand oħt Dun Salv Caruana, li kienet ħajjata prima. Teresa kienu tlett aħwa, żewġt ibniet u tifel, Ġużeppi. Missierha Philip miet ta’ 34 sena u ħallieha ltima minnu meta kellha biss ħames snin. Allura daħal jgħin jieħu ħsiebhom zijuha Manwel Azzopardi, Superjur tal-MUSEUM li kien involut fit-twaqqif tal-fergħat tas-Soċjeta’ fis-Siġġiewi, H’Attard u r-Rabat. Tgħid li meta Joseph kellimha għall-ewwel darba ma tantx tat kas tiegħu, għax kienet tarah moħħ ir-riħ.

Joseph jammetti li, meta kien żgħir, kien xi ftit fuq tiegħu. Kien dilettant kbir tal-muturi u kellu Matchless 350 u Norton 650, minbarra li kien itellaq muturi anki akbar għal ħaddieħor, fit-triq tal-Armier u f’postijiet oħra. Darba kellu inċident ikrah u spiċċa mweġġa’ serjament. Ittieħed l-isptar, iżda fortunatament irkupra.

Jemigra

Meta irrealizza li ma kienx qed jagħmel progress bit-tentattivi tiegħu, Joseph ħadha bi kbira u ddeċieda li jemigra lejn l-Awstralja. Sab lil ommha u qalilha, u din tagħtu tweġiba xotta; “il-vjaġġ it-tajjeb”. Mar u dam xahar sħiħ sa ma wasal bil-vapur. Hemmhekk għamel tliet snin. Kien jaħdem ma’ Nuffield’s tal-karozzi u sa kiseb il-liċenzja ta’ pilota tal-ajruplani żgħar. Iżda ma’ kull kisba li għamel, lil Teresa ma seta’ jinsieha qatt.

Kien jistaqsi għal aħbar Teresa lill-emigranti Maltin ġodda li jaslu fl-Awstralja u li jkunu marru minn Ħaż-Żebbuġ. Darba, wieħed li ma fehemx eżatt għal min kien qed jirreferi, qallu li dik kienet iżżewġet. Dakinhar filgħaxija, Joseph siker sakra nobis u kisser kulma kien hemm fl-appartament fejn kien joqgħod ma’ ġuvintur oħra sħabu.

Għadda ftit taż-żmien, u wieħed mill-ħbieb Żebbuġin ta’ Joseph fl-Awstralja niżel Malta għal vaganza, għall-ħabta tal-festa ta’ San Filep. Meta rritorna l-Awstralja ltaqa’ ma’ Joseph u qallu li, mhux talli Teresa ma kinitx iżżewġet, talli saħansitra kienet għadha xebba weħidha. Aċċerta lil Joseph dwar dan, għax qallu li anki ma’ familjari tagħha tkellem.

Jirritorna u jitgħarrsu

altGħalhekk dak il-ħin stess Joseph qatagħha li jiġi Malta u jipproponi ż-żwieġ lil Teresa. Jekk tgħidlu le, kien deċiż jerġa’ lura lejn l-Awstralja għal dejjem. Fittex l-għajnuna u immobilizza xi qraba u ġirien tagħha biex jgħaddulu kelma ma’ ommha. Qalilhom li hu kien għadu interessat f’Teresa.

Meta Teresa ndunat kemm l-intenzjonijiet ta’ Joseph lejha kienu sinċieri u serji, allura qablet li tibda toħroġ miegħu, iżda b’żewġ kundizzjonijiet: waħda li jaqta’ l-muturi, u l-oħra li jibqgħu Malta. Ferħan se jtir, Joseph aċċetta minnufiħ, daħal għarus u f’anqas minn sena żżewġu.

Sadanattant f’Malta, Joseph sab xogħol ta’ għalliem fl-iskola tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ, iżda’ fil-vaganzi tas-sajf sar jaf li l-membri tal-militar Ingliż f’Malta dak iż-żmien kellhom paga bil-wisq aħjar mill-Ħaddiema tal-Gvern u tal-partikular. Għalhekk telaq minn għalliem u daħal fl-armata, fir-riġment tal-artillerija (RMA). Spiċċa biex għadda ħamsa u tletin sena f’dan ix-xogħol, tnax taħt l-Ingliżi u l-bqija fil-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fejn irtira bir-rank ta’ Surġent Maġġur (RSM).

Akkumpanjati minn ommha

Kemm damu għarajjes, il-ħruġ tagħhom dejjem kien ikun akkumpanjat minn ommha. Issa Joseph kellu karozza tat-tip Studebaker. Dak iż-żmien ħaġa bħal din kienet pjuttost rari u fil-fatt Joseph jiftakar li kienu biss erba’ ġuvintur fir-raħal kollu li kellhom karozza. Normalment hu kien iħobb jipparkjaha quddiem id-dar ta’ Tereza. Darba qalilha tmur miegħu biex jipparkja l-karozza fil-garaxx. Din marret, u Joseph jistqarr li kienet l-unika darba li kellhom ftit minuti weħidhom flimkien tul l-għerusija kollha. Iżda meta waslu lura d-dar ta’ ommha, din uriethom ċar li ma ħadet gost xejn u ġabitha bi kbira mmens.

Teresa tkompli tirrakkonta li meta Joseph kien jeħodhom xi dawra bil-karozza tiegħu, hi u oħtha kien ikollhom jintasbu dejjem fuq is-seat ta’ wara u ommhom toqgħod quddiem, maġenb Joseph.

Żwieġ

Meta beda joqrob it-tieġ, Teresa u oħtha ħietu l-ilbiesi kollha għall-okkażjoni huma stess, minn dik tal-għarusa għal dawk tal-membri tal-familja. Peress li d-dar fejn kienet toqgħod Teresa kienet bi tliet sulari, iz-ziju tagħha offrielhom li jkollhom is-sular tan-nofs għalihom. U Joseph u Teresa baqgħu jgħixu f’din id-dar sal-lum.

altJiftakru li l-karozzi għat-tieġ krewhom mingħand tal-Coronation Bar. Bħala sala, krew waħda f’Ħaż-Żebbuġ fl-istess triq fejn kienet toqgħod Teresa, u kellhom ukoll orkestra għad-daqq u żfin. Kien iż-żmien li kienet għadha qed tidħol f’Malta l-użanza tal-wedding cake u, għax kellhom wieħed, kienet qisha xi ħaġa kbira għall-mistednin.

Intant, Joseph u Teresa ingħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ fil-knisja parrokjali ta’ San Filep f’Haż-Żebbuġ fil-quddiesa tat-tmienja ta’ filgħodu, nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar, 1959, li ħabat jum il-karnival. Żewwiġhom Dun Salv Caruana. Eżatt wara l-quddiesa marru għand Blackman għar-ritratt fl-istudio kif kien isir dak iż-żmien, u wara fis-sala kellhom fotografu ieħor li ġibdilhom ir-ritratti għall-album li għandhom u għadhom jgħożżu.

Ir-riċeviment baqa’ għaddej sa wara nofsinhar u kif intemm kollox, bħala qamar il-għasel, Joseph u martu Teresa marru s’għand oħtu Inez fil-Gżira. Teresa spjegat li huma ma tantx setgħu imorru qamar il-għasel, peress li hi kellha tkompli tagħmel ix-xogħol tal-ħjata li kellhom ordnat min-nies. Aktar tard, kif kienet id-drawwa dak iż-żmien, omm Teresa qalet lil Joseph biex imur jorqod fid-dar ta’ missieru għal xi ġimgħa oħra, iżda hu irrifjuta definittivament; issa li Teresa fl-aħħar kienet martu, ma kienx beħsiebu joqgħod ’il bogħod minnha.

Familja

Wara għaxar xhur miż-żwieġ kellhom l-ewwel tarbija, Carmen, li llum hi miżżewġa lil Edgar u għandhom żewġt itfal, Marilena u Alex. Dawn ilhom 17-il sena emigrati l-Belgju, peress li r-raġel sab xogħol fl-Aġenzija tal-EuroControl hemmhekk, u eventwalment Carmen u bintha daħlu jaħdmu mal-Kummissjoni Ewropea. Wara kellhom tifla oħra, Elizabeth, miżżewġa lil Nigel u tinsab Singapore. It-tielet wild, Philip, hu inġinier u Direttur fis-Servizz Pubbliku, miżżewweġ lil Nathalie u għandhom tifel jismu Robert. Imbagħad hemm Hilda, miżżewġa lill-vjolinista George Curmi “l-Puse’” u għandhom tlett itfal, li huma Miriana, Joseph u Bernard. Fl-aħħar ġie Craig, illum accountant u Manager mad-Deloitte, miżżewweġ lil Claudine u għandhom tarbija ta’ ftit ġimgħat jisimha Elizabeth. Joseph u Teresa huma ferħanin ferm b’xulxin u kburin bil-familja li rabbew u li issa qed tiżdied.

Dixxiplina u reliġjon

Mitlubin jagħtu l-fehma tagħhom fuq id-dixxiplina fil-passat u llum, il-koppja Schembri stqarrew li fi żmienhom, f’pajjiżna kien hawn sens ċiviku u dixxiplina stretta, li llaxkaw sew maż-żmien. Fejn tidħol dixxiplina spiritwali, Joseph ifaħħar lis-Soċjetà tal-MUSEUM, li għenet lil bosta żgħażagħ fil-formazzjoni tagħhom għall-ħajja. Kemm Joseph kif ukoll Teresa isemmu wkoll li minn tfulithom sal-lum rari tilfu quddiesa jew naqsu milli jgħidu r-rużarju. Joseph jistqarr li l-uniku żmien meta ma setax jattendi quddiesa kien xi drabi meta kien imsiefer, għax mill-bqija dejjem mar. Mhux biss, talli kemm ilha li nfetħet il-Kappella taċ-Ċenaklu fiċ-ċentru ta’ Ħaż-Żebbuġ, jgħin billi xi kultant jalgħaqha hu tard filgħaxija.

Sorpriża tal-50 Anniversarju

altF’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom, uliedhom li għadhom Malta għamlulhom sorpriża. Għat-8 ta’ Frar 2009, li nzerta l-Ħadd u għalhekk eżatt bħal fit-tieġ tagħhom, organizzaw għalihom il-quddiesa tal-11 ta’ filgħodu fil-knisja ta’ San Filep, fejn kienu żżewġu. F’dak il-ħin kien hemm ħafna nies, u xħin Joseph u Teresa daħlu l-knisja sabu għalihom żewġ siġġijiet bil-bellus aħmar armati fin-nofs quddiem l-artal, bħal ta’ żewġ għarajjes friski. Għall-ewwel Teresa tgħidx kemm stħat, iżda s-sens ċajtier ta’ Joseph għamlilha l-kuraġġ u kollox mexa kif suppost. Dun Alfred Agius qaddes il-quddiesa b’radd ta’ ħajr għal kull m’ghamel Alla għalihom tul dawn is-snin kollha, u għamlilhom diskors tal-omelija li apprezzaw ħafna. Wara, il-familja marret flimkien għal ikla f’ristorant.

Bħala messaġġ lill-koppji tal-llum, Joseph jgħidilhom ma joqgħodux ’il-bogħod minn Alla l-Imbierek u jitolbuh iżomm idejh fuqhom, għax kollox jiddependi minnu. Teresa tħeġġiġhom biex joqogħdu bil-għaqal u jkunu beżlin, għax tqis li b’dawn il-kwalitajiet jista’ jkollhom ħajja aħjar u feliċi.  

Ħadet grazzja mar-raġel li ħadet

altMinn Charles B. Spiteri

Joseph Borda kienu sitt aħwa tal-koppja Karmenu u Karmena. It-tifel il-kbir kien jismu Karmenu, li sar qassis – imbagħad hu u warajh William, Johnnie, Mary u Tonina. Huma kienu joqogħdu Santa Venera.

Mary, minn Strada Vitorja, il-Ħamrun, kienu żewġ aħwa. Ħuha Toni u hi, ulied Luċija u Indri magħruf bħala ‘tal-figurini’, peress li kellu ħanut u kien jaħdem il-figurini.

Inġibdu lejn xulxin fi żmien il-gwerra. Mary tiftakar li jum minnhom kienet barra f’xi s-2p.m. tnaddaf il-bieb, għax minkejja l-gwerra, it-tindif xorta waħda kien isir. Id-differenza fil-ħajja ta’ dak iż-żmien kienet li kif jisimgħu tħabbira ta’ attakk mill-ajru, kienu jinżlu fix-xelter.

Dak il-ħin rat ġuvni gustuż riesaq lejha fit-triq. F’qalbha qalet li aħjar tibqa’ tnaddaf ftit ħalli tara min kien. Meta għadda minn quddiemha ħares lejha u hi baqgħet tħares lejh. Minn dakinhar, Mary ħaditha drawwa li ta’ kuljum fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar tkun barra tnaddaf il-bieb, biex tara terġax tilmħu u forsi jidħqilha.

Kellha tistenna erbat ijiem oħra biex setgħet tarah u r-raġuni kienet li Joseph kien għadu kemm daħal suldat u kien imur id-dar darba kull ħamest ijiem. Għalhekk fil-jiem l-oħra, Mary ma setgħetx tarah.

Kif bdew in-namur

Inzerta wkoll li Mary kellha tiltaqa’ miegħu meta marret għal-lezzjoni tal-ħjata. Raw lil xulxin u tbissmu, waqt li Mary mxiet warajh. F’ħin minnhom Joseph ħares lura u reġa’ raha. Kienet l-ewwel okkażjoni biex bdew il-ħajja tan-namur tagħhom.
Damu jiltaqgħu hekk, bil-moħbi għal xi snin, peress li dak iż-żmien Mary kellha biss tnax-il sena, waqt li Joseph kellu sbatax. Allura kienet tibża’ tgħid lil ommha bin-namrat tagħha, l-ewwelnett għax kienet għadha ċkejkna u t-tieni, għax dak iż-żmien, id-dixxiplina kienet stretta mmens u differenti minn tal-lum. Terġa’ fid-dar kienu jridu jobdu b’għajnejhom magħluqa lil ommhom, għax missierhom kien kbir u marid.

Wara xi snin kien hemm xi ħadd li mar isefsef lil Luċija, li bintha kienet qed tkellem ġuvni, u għalhekk ma ridithiex toħroġ aktar mid-dar. Riedet ukoll taf min kien dak il-ġuvni.

Għalhekk għal waqt żgħir, Joseph u Mary ma setgħux jiltaqgħu. Iżda ġara li f’jum sajfi, meta kienu ma’ ġara fuq is-siġġijiet barra l-bieb, Mary lemħet lil Joseph riesaq lejhom. Ħadet qatgħa f’imsarinha minħabba ommha, għax beżgħet li tillifruntah.
Min-naħa tiegħu, meta Joseph lemaħ lil Mary ma’ dawk iż-żewġ persuni, waqaf ħdejhom u Mary qalet lil ommha, li kien dak il-ġuvni li kienet qed tkellem.

Milqugħ fid-dar

Għalhekk, il-ħabiba ta’ ommha qaltilhom; “Ara, id-diskors ma jsirx hekk. Itilgħu għandi u tkellmu fuq.” Għamlu hekk u qagħdu jitkellmu. Ħaġa tal-iskantament kienet li minn xħin rat lil Joseph, Luċija qisha wkoll ħadet grazzja miegħu, għax la qalet xejn lil bintha u lanqas irrabjat magħha. Anzi lil Joseph qaltlu li jekk ried ikellem lil Mary, kellu jmur għandhom id-dar u mhux joqogħdu fit-toroq. Sa dakinhar, Mary kellha 16-il sena.

Allura minn dak il-jum, il-laqgħat ta’ Joseph u Mary kienu jsiru fid-dar tagħha u dejjem taħt il-ħarsien strett ta’ ommha. Tpoġġi mal-mejda xħin ipoġġu huma u tqum xħin iqumu huma. B’mod ċajtier, Joseph u Mary jirrakkuntaw li kien isir hekk biex ma jmurx imissilha xi ftit riġlejha. Iżda dak iż-żmien, l-għarajjes kollha kienu jgħaddu mill-istess esperjenza. U f’laqgħat hekk, qajla kienu jistgħu jitkellmu fuq l-imħabba u l-futur tagħhom. Iżda għal Joseph kien ikukn biżżejjed li fil-fil-frank tiegħu, ikun ftit qrib il-maħbuba ta’ qalbu.

Jiftakar li fl-istess żminijiet, Mary kienet tirrakkma u allura kien jintasab maġenbha jaraha taħdem, bil-lampa tal-pitrolju, għax lanqas dawl ma kien għad hawn fid-djar. Jirrakkonta wkoll li omm Mary kienet tħejji minn qabel xi ikel biex waqt li jkun għandhom, jieklu xi ħaġa.

Mistoqsi x’qalu l-ġenituri tiegħu meta saru jafu li kien qed ikellem xbejba, Joseph qal li mill-għada li kien kellem lil omm Mary għand il-ġara, din marret għand il-ġenituri tiegħu biex tgħarrafhom. U minn xħin raw lil Mary, aċċettawha mill-ewwel bħala binthom u berkuhom. Joseph lanqas kien hemm, għax kien qiegħed xogħol għal erbat ijiem.

Meta Joseph beda jidħol id-dar ta’ Mary, qablu li tmien xhur wara, jiżżewġu.

Passiġġati

Mary tirrakkonta li l-għerusija tagħhom fl-antik kienet ferm differenti minn tal-lum. Dak iż-żmien, allaħares kienu joħorġu sal-bankina tat-triq weħidhom, mingħajr ma jkollhom lill-kuġini magħhom. Iżda dan ma jfissirx li ma kinux imorru jaraw xi film fiċ-ċinema, minkejja li kienet il-gwerra. Kienu jmorru xorta waħda r-Rex, Trianon u l-Odeon u anki xi passiġġata. L-importanti li jkollhom lil xi ħadd magħhom.

Iċ-ċrieket tal-għerusija kien xtrahomlhom missier Joseph, għax dak iż-żmien ma tantx kien hawn flus fl-idejn. Mary ħadet iċ-ċrieket għand saċerdot u berikhomlha. Ma kellhom ebda festin.

L-għarajjes qatgħuha li jgħixu fid-dar tal-ġenituri ta’ Mary, għax djar ma kontx issib biex tikri u l-kera isimha magħha, l-aktar f’dawk iż-żminijiet ta’ mingħajr flus. Wara kollox kienet drawwa li l-għarajjes jiżżewġu u joqogħdu ma’ tal-familja.

Dakinhar taż-żwieġ, li sar fit-23 ta’ Awwissu, 1941, Joseph kellu wieħed u għoxrin sena u nofs u Mary kellha sittax-il sena u nofs.

Jiftakru li għall-okkażjoni, huma krew il-parilja biż-żwiemel mingħand il-Ta’ Fidiel. Il-kunsens sar quddiem Dun Nerik Cordina Perez, li kien il-kappillan tal-Ħamrun. Ix-xhud ta’ Mary kien zijuha Salvu, ħu ommha u dak ta’ Joseph kien ħuh, Willie. Il-libsa tat-tieġ ta’ Mary ħitithielha Nena, il-ħajjata li kienet tmur titgħallem tħit għandha.

Wara li żżewġu, Joseph u Mary marru għand Cassar tar-ritratti għar-ritratt okkażjonali tat-tieġ u wara marru d-dar ta’ Mary, fejn kellhom riċeviment familjari żgħir.

Il-qamar il-għasel tagħhom kien speċjali. Daqq is-sinjal ta’ ħbit mill-ajru u kellhom niżlu jiġru jorqdu fix-xelter, flimkien ma’ nies oħra.

Valuri Nsara

Huma jiftakru żminijiet fejn il-valuri Nsara kienu ferm aktar qawwija, bir-reċtar tar-rużarju kuljum u jekk jista’ jkun bis-smigħ tal-quddiesa wkoll. Illum, l-affarijiet ħadu xejra oħra iżda Mary tħeġġeġ lil uliedha jgħidu r-rużarju, biex il-Madonna tħarishom.
It-tfal għall-koppja Borda bdew wara xulxin. Ħdax-il xahar miż-żwieġ, kellhom lill-ewwel tarbija, li mietet ħames snin ilu. Kien jisimha Charlie. Kien miżżewweġ lil Josephine u kellhom tlett itfal; Rita, Christopher u Josef. Imbagħad romol u żżewweġ lil Catherine. Warajh kellhom lil Joseph, miżżewweġ lil Carmen u għandhom tifel, jismu Stephen. Imbagħad kellhom lil Andrew, miżżewweġ lil Carmen u għandhom żewġt itfal: David u Monica.

Wara kellhom lil Margaret, armla ta’ Joe, li għandha lil Robert u Tracey. Ftit wara ġie Freddie, miżżewweġ lil Josephine u għandhom erbat itfal; Simon, Kevin, Manfred u Daniel. Warajh Rita, miżżewġa lil Joseph u għandhom tlett itfal: Nathalie, Christabelle u Gawdenzio.

Imbagħad, Anna, li għandha lil Joanne u Donnah. Warajha Rose, miżżewġa lil Charlie u għandhom tlett itfal: Ritianne, Jean Pierre u Ann Marie. Peress li kellha ħafna għal qalbha x-xogħol tal-ħjata u r-rakkmu fetħet il-ħanut li fih kien jaħdem missierha u bdiet tħit ħwejjeġ tat-trabi u tirrakkma. Fil-fatt kienet magħrufa sew għax-xogħol sabiħ tar-rakkmu li kienet tagħmel.

Mary tgħid li sakemm kibru uliedha, kellhom id-dixxiplina tagħha u ta’ ommha, peress li kienu joqogħdu fl-istess dar. Iżda meta kibru, kellhom l-istess libertajiet bħaż-żgħażagħ tamparhom. Lanqas kellhom is-sikkatura ta’ żmienha.

F’għeluq il-50 sena żwieġ, kellhom quddiesa fil-kappella ta’ San Ġużepp, Santa Venera, u wara marru għal riċeviment fis-sala tal-knisja l-qadima ta’ Birkirkara.

Meta għalqu 60 sena miżżewġin organizzaw kollox f’Tas-Sgħajtar, kemm il-quddiesa kif ukoll ir-riċeviment.

Sorpriża

alt

Imbagħad f’għeluq it-68 sena, it-tfal organizzawlhom sorpriża. It-tifla ż-żgħira Rose qaltilha li kienet rebħet żewġ biljetti għal ikla u peress li kienet se tagħlaq 28 sena miżżewġa u ommha 68 sena, xtaqet li magħha u ma’ żewġha, tieħu lilha u lil missierha għal din l-ikla fil-lukanda. Mary aċċettat. U Rose ħadithom il-lukanda Canifor. Hemmhekk resqu lejn sala mimlija bin-nies, li hekk kif Mary u Joseph waslu ħdejhom, sabu li kienu kollha familjari. Bdew iċapċpulhom, ibusuhom u jifirħulhom, waqt li huma baqgħu skantati.

Mistoqsijin jekk wara 73 sena l-imħabba tibqax b’saħħitha, huma wieġbu li l-imħabba m’għandhiex età. Jekk tnejn ikunu jinħabbu bis-serjetà, jiġri x’jiġri, ir-raġel jew il-mara jridu jaħfru, jagħdru u jinsew, għax kulħadd ikollu xi jgħid. Iżda qabel ma jorqdu, dejjem ikunu paċi mill-ġdid ma’ xulxin.

Jaqblu wkoll li l-ħażen kien minn dejjem, iżda kien moħbi u mhux bil-kwantità li qed ifaqqas illum.  

L-ajruport kien strumentali biex ressaq żewġt iqlub lejn l-istorja tal-imħabba

altMinn Charles B. Spiteri

Ħafna jsostnu li s-snin sittin kienu s-snin tad-deheb. U Joe Vella u Josephine Chetcuti, ma jistgħux għajr jaqblu ma’ dan Il-fatt. Dak iż-żmien kien popolari wkoll il-ħruġ ta’ gruppi, sija xebbiet għalihom kif ukoll ġuvintur għalihom. U post mill-aktar imfittex kien l-ajruport l-antik ta’ Malta, fejn nhar ta’ Ħadd, f’xi s-6.30 p.m., fir-ristorant fuq, imdawwar bil-ħġieġ kien ikun hemm l-orkestra u ż-żfin.

Joe Vella twieled Birkirkara, lil Josephine nee’ Fitzpatrick u Antonio Vella D’Ancona u baqa’ jgħix hemm sa ma miet missieru fl-1962. Minn dik is-sena mar jgħix ma’ oħtu, Santa Venera sakemm iżżewweġ. Kienu ħamest aħwa Maria, Norris, Rosa (soru Franġiskana) u Marlene. Joe hu t-tielet wieħed.

Missieru kien ħabib kbir tan-Nutar Emanuele Agius MP, u tal-eks Ministru tal-Edukazzjoni Dr Pawlu Borg Olivier. Dr Borg Olivier ta’ spiss kien imur id-dar tal-ġenituri tiegħu u xi drabi kienu joħorġu jistadu flimkien. Mhux hekk biss, talli għad għandu quddiem għajnejh meta f’elezzjoni ta’ snin twal ilu, ma jiftakarx id-data – Pawlu Borg Olivier kien għandhom u wara li semgħu r-riżultati minn fuq ir-Rediffusion, hu u missieru bdew jaqbżu u jitgħannqu meta semgħu li rebħu n-Nazzjonalisti.

Żmien Napuljun

Joe jirrakkonta wkoll li skont arblu tar-razza li għandu, antenat tiegħu kien Charles Andre Pozzo di Borgo, li kien deskritt bħala l-akbar għadu ta’ Napuljun, minkejja li għall-bidu kienu hbieb kbar. Iżda minħabba nuqqas ta’ qbil, Napuljun kien eżiljah f’Korsika. Minnu kien twieled Antonio Pozzo di Borgo fit-28 ta’ Jannar, 1816, li żżewweġ; lil Rosa Borg, li għamlet zmien toqgħod fil-post illum magħruf bħala Montgomery House. Imbagħad insibu lil Bartholomeo, in-nannu ta’ Joe. Bartholomeo kien it-tifel ta’ Francesco Vella u Maria Pozzo di Borgo.

Mill-banda l-oħra, Josephine hi bint Lina u Ġużè Chetcuti (għalliem tal-Malti). Twieldet il-Ħamrun iżda wara ftit xhur il-familja marret toqgħod il-Furjana, biex wara, marret tgħix l-Imsida, fejn ittrasferixxiet ruħha l-familja tagħha. Fil-familja ta’ Josephine kienu erba’ aħwa, hi l-kbira u tliet hutha subien Charles, Adrian u Geoffrey.

Joe u Josephine jiftakru li kienet il-festa tal-Imnarja fl-1962 madwar tliet ġimgħat wara l-mewt ta’ missieru meta l-grupp ta’ Joe u dak ta’ Josephine kienu jinsabu fl-ajruport. Jane Portugħese, ħabiba ta’ Joe wkoll, introduċietu lil Josephine u bdew jiżfnu flimkien. Wara, Joe wassal lil Josephine u lil żewġt iħbieb tagħha l-Furjana, bil-karozza tat-tip Volkswagon, li bħalha u ta’ l-istess lewn kellu missier Josephine. Minn kelma għall-ohra ftehmu li jerġgħu jiltaqgħu, għalkemm id-differenza fl-età ta’ bejniethom ma tantx għoġbot lil Josephine.

Fatt li kaxkar sa lejlet it-tieġ

altBiex kollox jagħqad, ċertu Anton Ellul, li kien ħabib ta’ Joe u jiġi minn Josephine, sabu waħdu u qallu joqgħod attent għax Josephine kienet għadha tifla. Għalhekk Joe ħaseb li jwaqqaf ir-relazzjoni, iżda biddel fehmtu kif sar jaf li Josephine kellha 19-il sena. U f’konverżazzjoni li kellhom, flok ma qalilha li kellu 28 sena, qalilha li kellu 27. Dan biex flok il-qabża fl-età tkun tidher ta’ disa’ snin, tkun ta’ tmienja. Għalkemm ma’ kull birthday kien jgħidilha l-verità dwar l-età tiegħu, hi kienet taħseb li jkun qed jiċċajta. Dan il-fatt dam għaddej sa lejliet it-tie; u sa meta Josephine ġabret iċ-ċertifikati tal-magħmudija għall-kappillan.

Meta n-namrati stqarrew b’imħabbithom mal-ġenituri tagħhom, omm Josephine qaltilha, b’nofs ċajta, li kienet sabet ‘ġurdien xiħ’, waqt li omm Joe qaltlu, bl-istess sarkażmu, li kien se jkun hen-pecked. Iżda fil-verità, għalkemm Josephine kienet tara, tħoss u kultant iddejjaqha l-qabża fl-età minnha għal Joe, xorta kienet tirraġuna li Joe kien iktar matur minn ġuvintur oħra li kienet taf.

Ladarba l-ġenituri ta’ Josephine u omm Joe saru jafu bl-iskop ta’ uliedhom għaż-żwieġ, berkuhom u komplew joħorġu flimkien. Qatt ma kien ikollhom chaperone. Naturalment, baqgħu joħorġu fi gruppi, baqgħu jiffrekwentaw ir-ristorant tal-ajruport, iżda mad-disgħa jew id-disgħa u nofs ikunu rritornaw id-dar!

Avviż għax-xogħol

Dik il-habta Josephine kienet skrivana t-Teżor u Joe kien skrivan ir-REME. Kien riesaq ir-rundown u għalhekk kien se jispiċċa bla xogħol. Ġara iżda li darba, Josephine qrat f’l-orizzont li kien hemm vakanza ta’ Sports Editor mal-Malta News. Joe kien dilettant ferm tal-isport u kien jirrapporta dwar il-football kemm fit-Times of Malta, kif ukoll fil-Bulletin. Applika u għażluh għax-xogħol. Aktar tard sar editur tal-gazzetta Sport u wara tal-Malta News u eventwalment ta’ It-Torċa.

Meta kien editur tal-isports, Joe u Josephine ftehmu li jitgħarrsu fl-Għid (April) tal-1965. Berkilhom iċ-ċrieket il-Kanonku Vinċenz Azzopardi ta’ San Pawl il-Belt u kellhom riċeviment fid-dar tal-għarusa, fl-Imsida.

Imbagħad bdew ifittxu fejn imorru joqogħdu. Wara ftit żmien sabu jikru appartament qrib il-ġenituri ta’ Josephine. Ħaduh u għamlu d-data tat-tieġ għat-12 ta’ Frar 1966. Illum Joe u Josephine joqogħdu f’Tas-Sliema.

F’inqas minn sena mill-għerusija, Joe u Josephine għammru l-appartament u resqu għas-Sagrament taż-Żwieġ. Iżżewġu fil-parroċċa tal-Imsida, qaddsilhom l-istess Kanonku li għarrashom u li kien għalliem il-Liċeo ma’ missier Josephine u bħala xhieda kellhom lill-pittur Esprit Barthet għal Josephine u Dr Edward Degabriele għal Joe. Ir-riċeviment tat-tieġ għamluh fil-Lukanda Phoenicia u kellhom l-orkestra ta’ Vinnie Vella.

Qamar il-għasel
Għall-qamar il-għasel il-koppja Vella marret Ruma u hekk kif irritornat, mill-ewwel ħasbet għat-tfal. L-ewwel kellhom li Jacqueline, magħrufa aktar bħala Jackie, li għandha żewġt itfal> Gabriella u Daniel. Tliet snin wara kellhom li Romaine, illum miżżeġga lil Joseph Rodgers u għandhom tlett itfal: Cheryl, Zach u Amy. B’hekk, Joe u Josephine huma nanniet ta’ ħames neputijiet.
Joe u Josephine jaqblu li dari d-dixxiplina kienet ferm aktar riġida. L-aktar li kienu jarawha mill-missirijiet. Ma kinux isawtu, iżda b’ħarsa biċ-ċiera kienu jkunu kapaċi jsikktu lil uliedhom u jwaqqfuhom milli jkunu jagħmlu u li ma jogħġobhomx.
Il-koppja Vella ilha miżżewga 43 sena. F’għeluq il-25 sena u kull ħames snin, huma jfakkru l-okkażjoni flimkien ma’ uliedhom u l-familji tagħhom.

Għalihom, il-ħajja miżżewġa tathom kemm ferħ kif ukoll imrar. Joe isemmi meta waqt li binthom il-kbira kien se jkollha miscarriage, martu għaddiet minn kalvarju sħiħ għax intlaqtet minn brain haemorrhage – kundizzjoni li laqtet u riegħdet xi ftit il-ħajja ta’ bejniethom. It-tabib qallu li kienet fil-periklu serju tal-mewt. Finalment ġiet operata b’suċċess f’Londra. Iżda l-fidi qawwija li trabbew fiha għenithom u ħelsithom minn burraxka li ma jinsewx.

Mument doloruż

F’lejlet il-Milied tal-1978 Joe u Josephine għaddew minn mument doloruż ieħor mal-mewt traġika tal-mamà ta’ Josephine. Kienu d-dar tal-ġenituri waqt riċeviment tal-okkażjoni, meta omm Josephine tħajret tmur il-quddiesa ta’ nofs il-lejl fil-Paroċċa ta’ San Ġwann flimkien ma’ oħtha Ċensina u t-tfal ta’ Josphine. Kienet ilha għexieren ta’ snin ma tmur il-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Wara li kienet intemmet il-quddiesa, Joe u Josephine irċevew telefonata li lill-mamà ta’ Josephine ħaduha ‘l-isptar għax weġġgħet’.

Hi waqgħet mit-triq prinċipali għal dik sekondarja, madwar 50 metru ’l bogħod mid-dar tagħha f’Monte Rosa Gardens, San Giljan. Marret tiġri żżomm lit-tfal li kienu fit-tarf tat-triq, ma kienx hemm ħadid li jissepara t-toroq, tfixklet u waqgħet mit-triq ewlenija għat-triq sekondarja. Lina qatt ma ġiet lura f’sensiha u mietet l-isptar San Luqa fis-6 ta’ Jannar tal-1979, ħmistax wara l-inċident.

Joe u Josephine jistqarru li l-vera mħabba tintwera f’kalvarji bħal dawn. Bħal kaptan tajjeb ta’ bastiment, bniedem miżżewweġ ma jistax ikun iġġudikat waqt tbaħħir fil-bnazzi, iżda waqt il-maltemp, meta bħal Ġobb, jaċċetta dak li jibgħatlu Alla. U l-ħajja miżżewġa toffri ħafna minn dawn il-provi. Joe u Josephine isostnu li hi ħasra li l-koppji tal-lum iċedu mal-ewwel toqol u problemi li jiffaċċjaw, u jitilqu lil xulxin.

Fir-realtà, b’atteġġjament bħal dan, flok jirbħu lill-problema, ikunu qed joħolqu oħrajn għalihom infushom.

Għar-rigward tal-ħajja tal-lum, imqabbla ma’ dik ta’ dari, il-koppja Vella tgħid li differenza hemm, u r-raġuni taf tkun li l-anzjani qed jgħixu aktar. Allura, it-tfal isibuha komda biex jimlulhom il-ħin tagħhom u jħarrġuhom bħala baby sitters. Jaqblu li din hi xi ħaġa utli, kemm għat-trabi kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, għax illum kemm ir-raġel kif ukoll il-mara jeħtieġu joħorġu barra minn djarhom biex jaħdmu.

Madankollu jaqblu li mindu n-nisa bdew joħorġu jaħdmu wara ż-żwieġ, bdiet tinħoloq l-indipendenza tal-mara. Tant li skont Joe, illum “kwazi r-ragel ċkien, vis a vis l-mara”. Min-naħa tagħha, Josephine tistqarr li dari l-familja kienet aktar miġbura u bil-għaqal.

Permissività

altBiex tagħqad, it-televiżjoni u anki l-internet kultant saru mezzi ta’ permissività anki għat-tfal żgħar. Dan jirriżulta wkoll minn filmati tal-pupazzi fuq il-kompjuter, fejn id-diretturi jinqdew bil-pupu u jirrakkuntaw stejjer kważi kważi sesswali, lil tfal ta’ ftit snin. Dawn, li jitilgħu f’dan l-ambjent minn ċkunithom, ma jistgħux jinbidlu ’l quddiem, jekk isegwu t-tali filmati, u allura immaġina x’ħajja jistennew li jgħaddu minnha. Ovvjament, il-hajja ta’ madwarhom tagħmilhom skjavi tagħha bla ma jridu. Anki ż-żgħażagħ li jaraw film fuq it-televiżjoni, bla ma jridu jkollhom isegwu partijiet minnu li żgur setgħu tħallew barra, u ma jimbarazzawx lill-genituri tagħhom u lin-nanniet, li magħhom ikunu jsegwuhom.

Joe jgħid li sfortunatament it-trobbija tat-tfal f’familji separati – li llum qed jiżdiedu bil-kbir – mhix isservi ta’ thejjija tajjeb għall-futur tal-istess tfal.

Finalment, iż-żgħażagħ tal-lum għandhom l-eskejpiżmu ta’ Paceville u l-idea li d-dinja saret f’daqqa, tant li meta jkollhom dar, jippretendu li jimlewha bl-aqwa ħtiġiet sa minn qabel ma jidħlu fiha. Allura jkunu qed jorbtu lilhom infushom b’mazzri ta’ djun, li f’ħafna każi ma jifilħux għalihom, bir-riżultat li mal-ewwel tilwim, jagħlqu dak li seta’ kien l-isbaħ kapitlu ta’ ħajjithom f’ħajja ta’ mħabba bħala miżżewġin.  

Romantiċiżmu fi ġnien Howard

altMinn Charles B. Spiteri

Ġużeppi Schembri u martu Marion nee Grech kienu ltaqgħu flimkien f’jum ta’ matul il-ġimgħa fis-sajf tal-1957. Dak iż-żmien ukoll, il-ġnien Howard ħdejn il-Villa Rumana kien popolari. Iż-żgħażagħ kienu jinġabru fi gruppi, subien għalihom u bniet għalihom. Marion tiftakar sew dak iż-żmien u rrakkuntat li l-ġuvintur kienu joqogħdu fuq ir-railing tal-ħadid, jittantaw lix-xbejbiet. Ġużeppi żied li dakinhar li ra lil Marion mal-ħbieb, sejħilha u taha ftit karawett milli kellu. Hekk bdiet it-triq ta’ mħabbet Ġużeppi, li kellu 20 sena u Marion li kellha 17.

Il-koppja ma damitx wisq tinnamra, għax fl-ewwel ġimgħa Ġużeppi qalilha min kien – ta’ Saverja – u ħeġġigha ssemmih ma’ ommha. Sa taha r-ritratt biex turihulha. Ommha kienet taf lill-ġenituri ta’ Ġużeppi, u lil bintha qaltilha li taf li kellhom tifel imrobbi l-Buskett. Kien Ġużeppi nnifsu, li trabba ma’ zijietu peress li hu t-tielet wild minn tlittax.

Tifla unika

altOmm Marion ma ħaditx l-aħbar bi kbira, iżda missierha ried ikun jaf sew jekk il-ġuvni kellux fehma retta għaż-żwieġ. Dan peress li Marion kienet l-unika wild fil-familja tagħha, u għalhekk kienet il-mimmi tal-ġenituri tagħha. Hi twieldet il-Belt, in-naħa ta’ San Duminku u telgħet tgħix mal-ġenituri tagħha r-Rabat meta lanqas kellha sentejn.

Għalhekk, missier Marion qalilha biex tgħid lil Ġużeppi, li hu ried ikellmu. Marru l-ġnien, u waqt li l-familja Grech kienet qed tixrob xi ħaġa, wasal Ġużeppi. Malajr saret l-introduzzjoni u biex Ġużeppi juri kemm tassew ried jiżżewwiġha, qal lil missierha li diġa’ kellu l-karti lesti, biex kif jiżżewġu, imorru l-Kanada ħdejn ħutu.

Marion, li ma kienet taf xejn b’dan il-ħsieb, qaltlu li l-Kanada ma kinitx beħsiebha titla’ u kulma missierha qal lil Ġużeppi kien; ‘‘It-triq li ġabitek, terġa’ tieħdok, għax it-tifla m’hix għas-safar.’’ Iżda Ġużeppi aktar ried lil Marion milli s-safar, u għalhekk qatta’ l-karti kollha.
Meta missier u omm Ġużeppi saru jafu bix-xewqa ta’ binhom ma qalu xejn, l-aktar għax il-ġenituri tax-xebba kienu joqogħdu maġenbhom u kienu jafuhom b’nies tajba u sewwa.

Appena l-ġenituri saru jafu bl-imħabba ta’ uliedhom għal xulxin, Saveria, omm Ġużeppi, qalet lil Tereża, omm Marion, li setgħet iddaħħlu bħala għarus. Iżda omm Marion riedet li qabel tagħmel dan il-pass, ikunu mgħarrfin iz-zijiet ta’ Ġużeppi, li kien ilu snin joqgħod għandhom. Dan għax Tereża kienet mara tal-affari tagħha.

Waqa’ l-forn ta’ ommu

Tgħarrsu fl-1 ta’ Awwissu, 1957. Dik is-sena kienet għamlet ħafna xita, tant li waqqgħet il-forn li kellha Saverja. Dan il-forn, ħdejn il-Katakombi r-Rabat kien taz-zijiet ta’ Ġużeppi, li qatgħuha li ibnu post għall-ġenituri tiegħu u flok il-forn jibnu dar għall-għarajjes il-ġodda.

Peress li d-dar ma damitx ma telgħet, iddeċidew li jiżżewġu. Għalhekk damu jafu lil xulxin għal sena u tmien xhur, u wara dan il-perijodu – fis-26 ta’ April, 1959 – qablu li jiżżewġu.

Il-koppja Schembri tiftakar sew li ż-żwieġ tagħha sar kollu mill-ġenituri tal-għarusa, tant li Marion qalet li meta daħlet id-dar, sabitha mgħammra bil-ħtiġiet kollha. Kienet dota sħiħa, li kopriet il-ħwejjeġ u t-tieġ bir-riċeviment b’kollox. Marion kienet ħajjatha gwappa, tant li mhux biss kienet tħit ħwejjiġha, iżda ħietet ukoll il-libsa tagħha tat-tieġ. Hi qalet li qatt ma emmnet f’superstizzjonijiet.

Quddiesa tat-tieġ

altIr-riċeviment tat-tieġ kienu għamluh fis-sala tal-Każin Konti Ruġġieru r-Rabat stess, wara l-quddiesa, li saret il-Ħadd filgħodu fid-9.00 a.m. Kemm Ġużeppi, kif ukoll martu Marion jiftakru li dakinhar kien jum ta’ xita qawwija, b’beraq u sajjetti. Bdiet f’xi s-sebgħa ta’ filgħodu u baqgħet għaddejja sa xi t-tmienja u nofs ta’ bil-lejl, tant li meta daħlu s-sala, ftit kienu l-mistednin preżenti. Biex il-kumplament waslu fis-sala, missier Marion kellu jaqbad karrozza tal-kiri u jmur għalihom fid-djar tagħhom, għax ħadd ma seta’ joħroġ minnhom.

Sadattant, il-miżżewġin friski waslu fis-sala- ferħu bil-mistednin u saqu lejn Blackman tal-Ħamrun għall-uniku ritratt tat-tieġ. Marion qalet li dak iż-żmien, ftit kien hawn fotografi, u meta koppja tasal għand wieħed, kien ikollha tistenna wara min imissha – koppji oħra.

It-tiġijiet ta’ ħamsa u ħamsin sena ilu kien ikun bil-waiters li jqassmu l-ikel u x-xorb huma. Ma kienx ikun hemm imwejjed bl-ikel fis-sala, iżda kulħadd kien ikollu ikel, ħelu, u xorb li jrid. Għal dan il-jum speċjali, kienu nkrew tliet bandisti, li pprovdew il-mu]ika ta’ dak iż-żmien. It-tieġ tagħhom dam għaddej sas-1.30 p.m.

Wara t-tieġ, Ġużeppi u Marion marru d-dar għand ommha, peress li kien il-maltemp. Baqgħu hemm sa tard filgħaxija meta għand ħajruhom imorru d-dar tagħhom u offrew li jwassluhom huma bil-vettura tagħhom. Qagħdu jitkellmu flimkien u wara li telqu l-kuġina u l-għarus tagħha, Ġużeppi u martu bdew jgħixu fid-dar il-ġdida.

Iżda peress li missier Marion, li kien jaħdem ma’ Farsons beda jispiċċa fit-tard mix-xogħol u d-dar tagħhom kienet fid-diżabitat – Ġużeppi, li kellu ammirazzjoni kbira lejn Tereża – staqsa lil martu jekk riditx li jerġgħu jmorru joqogħdu ma’ ommha. L-omm u l-bint qablu u baqgħu jgħixu fid-dar ta’ xbubit martu għal sitt snin, sa ma bdew ġejjin it-tfal u d-dar tan-nanna saret żgħira wisq.

Ħamest itfal

Ġużeppi u Marion kellhom ħamest itfal. L-ewwel wieħed twieled sena u tliet xhur wara ż-żwieġ. Imbagħad kellhom żewġ subien oħra u warajhom żewġt ibniet.

Għar-rigward ta’ reliġjon, il-koppja Schembri kienet tattendi quddiesa ta’ kuljum, l-aktar għax kienu joqogħdu bejn żewġ knejjes, ta’ San Pawl u Sant’Agata. Ir-rużarju wkoll kienu jirreċtawh kuljum, flimkien. Meta kellhom it-tfal, din l-użanza għaddewha lilhom ukoll. Quddiesa kuljum u lezzjonijiet tal-MUSEUM, ftit ’l isfel mid-dar tagħhom. Hemm damu jattendu sa ma kellhom 15-il sena. Fid-dar, ir-Rużarju baqa’ jingħad flimkien sa ma kibru l-ulied, u min iżżewweġ u min beda joħroġ għal rasu.
Illum il-ġurnata, Ġużeppi u Marion huma nanniet ta’ seba’ neputijiet, iżda d-differenza mit-trobbija tal-ulied għal dik tan-neputijiet iqisuha bħala totalment differenti. Marion tirrakkonta li uliedha kienu ‘pupi tal-plastik’, joqogħdu fejn tqegħidhom. Iżda n-neputijiet ma tista’ tħallihom imkien. Mimlijin enerġija, tant li trid toqgħod magħhom kontinwament.
Marion tgħid li meta t-tfal tal-lum jikbru, huma aktar imqarqċin minn dari, iżda hi ma tistax tgorr għan-neputijiet tagħha, għax s’issa kollha jidhru li jobdu lill-ġenituri tagħhom u huma bil-għaqal. L-akbar wieħed għandu 23 sena u jieħu ħsieb ir-ristorant ta’ missieru. Għalhekk, lanqas jekk irid, ma jista’ jiġri ’l hawn u ’l hemm.

Differenza fil-ħajja

Għar-rigward tad-differenza fil-ħajja mgħoddija ma’ dik tal-lum, Ġużeppi jsostni li fil-preżent trid ħafna flus biex tgħaddi. Qal li bl-ammont ta’ flus li llum jgħaddu bih hu u martu, qabel kienu jgħixu huma u l-ħamest itfal f’daqqa.

Żied jgħid li r-raġuni għal dan hu li ż-żgħażagħ tal-lum draw iridu kulma jaraw. Per eżempju fil-kċina tagħhom, illum għandhom madwar 12-il oġġett li jaħdmu bid-dawl. Dan meta fl-antik kollox kien isir bl-idejn. Sa friġġ ma kienx hawn, u kienu jitniżżlu l-oġġetti fil-bjar. Ħamsa u ħamsin sena ilu, kulma kont issib fil-kċina jaħdem bid-dawl, kienet tkun il-bozza tad-dawl!
Illum, il-familja tinħtieġ ħafna finanzi. Ġużeppi u Marion isostnu li minħabba l-kumditajiet moderni, il-familja ma tistax tiddependi mill-paga tal-missier biss, u għalhekk l-ommijiet ikollhom joħorġu jaħdmu. Ġużeppi minn dejjem qies dan il-pass bħala wieħed perikoluż u rrakkuntali stejjer li jaf hu, fejn it-tlaqqigħ ta’ kuljum bejn irġiel u nisa miżżewġin, wassal għat-tkissir tal-familji.

Min-naħa tagħha Marion qalet li l-ħażen kien minn dejjem, iżda llum tant tkattar u ħareġ fid-dieher, li qisek tiskanta mhux b’dak li hu ħażin, iżda b’dak li hu tajjeb. Dari kont tisma’ xi każ ta’ twelid ta’ tarbija barra ż-żwieġ, u kulħadd jipprova jaħbi l-fatt. Illum, li jkollok tarbija qabel iż-żwieġ jew barra ż-żwieġ, saret ħaġa normalissima. Forsi għax illum hemm l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern u għalhekk, in-‘nuqqas’ jitqies b’‘barka’ u xejn m’hu xejn.

Ir-reliġjon

altMistoqsijin x’jaħsbu fuq ir-reliġjon, il-koppja Schembri tħoss li din qatgħet lura ħafna minn dari. Marion hi tal-fehma li r-reliġjon tal-lum tikkonsisti biss filli nemmnu li Kristu ġie fostna u ħa l-mewt għalina biex isalvana… għax illum aħna nies mitlufin. Forsi kienu wkoll l-għaqdiet ‘imħallta’ fi ħdan il-Knisja stess, li tat l-imbuttatura għat-taħlit bejn ix-xebbiet u l-ġuvintur. Tant li għall-bidu, meta dawn l-għaqdiet kienu jidħlu fi knisja kien hemm min ilissen ‘Ara fiex ġejna’. Fi żmien Ġużeppi u Marion, il-ġuvintur dejjem kienu f’qatgħa għalihom u x-xebbiet ukoll.

Il-koppja Schembri għalqet 55 sena miżżewġa. Għal din l-okkażjoni, ġeddew il-wegħda ta’ fedelta’ tagħhom b’quddiesa ta’ ringrazzjament fil-knisja kolleġġjata ta’ San Pawl Ir-Rabat, fejn qaddsilhom l-Arċipriet Dun Louis Suban, megħjun minn Fr. Victor Shields MSSP. Wara, Ġużeppi u Marion kellhom riċeviment familjari.  

Żwieġ mingħajr namur bejn koppja ‘matura’

altMinn Charles B. Spiteri

Għal George Borg u Dolores Grima, qatt ma eżista namur. Bdew mill-ewwel bl-għerusija. George kien mill-Furjana u Dolores minn Bormla. Iżda fil-gwerra, il-familja tagħha marret toqgħod Birżebbuġa.

George, li kien wieħed minn ħdax-il wild, li sitta biss baqgħu ħajjin kien jaħdem man-Navy, f’Ħal Far. Dolores kienu ħames aħwa, li minnhom baqa’ tnejn biss ħajjin.

altFil-kċina fejn kien jaħdem George, kien imur Malti pajżan, ċertu  Emanuel  li sar ħabib tiegħu, għax George kien jgħaddilu xi platt ikel. Dan il-pjaċir tant kien apprezzat, li meta Emanuel ġie biex jiżżewweġ, stiednu għat-tieġ.

Inzerta li dakinhar tat-tieġ, is-Sibt, George kien xogħol u filgħaxija kellu ċans jinżel sa Birżebbuġa, fejn kien it-tieġ. Hemm lanqas biss ra lil Dolores.

L-għada l-Ħadd, kienet il-festa tal-Madonna tal-Grazzja. Dolores kellha ziju joqgħod Ħaż-Żabbar u kienu mistednin għandu. George, li dakinhar spiċċa mix-xogħol, kien qed jirritorna d-dar bil-karrozza tal-linja. Fiha, telgħet il-familja ta’ Emanuel. George, lil missierha biss kien jaf, għax kien jaħdem fl-istess post tiegħu, bħala chargeman tal-labourers.  Metalemaħ lil George staqsieh kif inhu, tkellmu ftit sa ma niżlu Ħaż-Żabbar.

Stedina għand ħabibu

Dak iż-żmien, wara t-tiġijiet, ħadd ma kien imur għal qamar il-għasel. Allura wara xi erbat ijiem, Emanuel ra lil George u staqsieh kellux tfajla. George, li di;a’ kellu 22 sena, wieġbu li ma kellu lil ħadd. Għalhekk stiednu jmur sa għandu, fi Triq San Mikiel, ħalli jlaqqgħu ma’ tfajla, għax qallu li kellu waħda għalih. Mar u sab lil Dolores.

Dolores tgħid li sa dak il-ħin, hi ma kienet taf b’xejn, għajr li ħuha kien stedinha wkoll biex tmur għandu.

Meta George wasal, ingħata merħba u ħadu grokk ilkoll flimkien. L-għada, Emanuel staqsa lil George x’deherlu minndik it-tfajla. Hu wieġeb li kien ħa grazzja magħha u Emanuel qallu li dik kienet oħtu. Stiednu jħalli kollox f’idejh.

George u Dolores jemmnu li ħuha kien informa b’kollox lill-ġenituri tiegħu u ommha qaltilha li ma riditx namurbarra. Taħseb li riedet hekk, l-ewwelnett għax ommha kienet ta’ dixxiplina kbira u għax hi kienet l-unika tifla tal-familja.

Ġimgħa wara, il-familja ta’ Dolores stiednu lil George id-dar, l-istess dar li fiha joqogħdu huma llum u minndakinhar kienu aċċettati bħala għarajjes. Spiss, George kien imur id-dar għand il-familja ta’ Dolores biex jiltaqa’ mal-għarusa tiegħu.

Passiġġati bit-tfal

Ġieli kienu joħorġu għal xi passiġġata sa Wied il-Buni. Iżda jgħidu li biex jagħmlu hekk, kien ikollhom iġorru magħhom tliet persuni oħra. Dawn kienu l-oħt iċ-ċkejkna ta’ Dolores u żewġt itfal tal-kuġina tagħha. Hekk kienet in-norma għal dak iż-żmien.

George qatt ma oġġezzjona għal dan il-fatt. Jgħid li dak iż-żmien is-sess ma kienx fil-menti taż-żgħażagħ, u dan minħabba d-dixxiplina u l-istess biża’ mill-ħażen li kien jeżisti. Allura, mhux talli kien jieħu gost li dawk it-tfal joħorġu magħhom, talli kien jixtrilhom ħelu u ċikkulati biex jarahom kuntenti. Ġieli wkoll kien joħodhom miegħu meta jmorru jaraw xi filmat il-Lido, li kien iċ-ċinema ta’ Birżebbuġa. Ikompli li ladarba kien fin-Navy, il-paga li kellu, għal dak iż-żmien, ma kinitx ħażina.

Ma damux wisq ma ħadu ċ-ċurkett tal-għerusija. George jiftakar li kien xtara ċurkett lill-maħbuba tiegħu, li ħaditu għand il-konfessur tagħha, Dun Rikard Attard u berikhulha. Minn naħa tiegħu, lil George beriklu ċ-ċurkett tal-għerusija, kuġinuh Dun Godwin Saliba, il-Furjana stess. Għal din l-okkażjoni ma għamlu l-ebda festin.

Wara xi żmien, ommha staqsietu meta kellu l-ħsieb li jiżżewweġ lil bintha. Hu jirrakkonta li lemħilhom kalendarju mdendel mal-ħajt, resaq lejh u flimkien ma’ Dolores qatgħuha li jiżżewġu fl-14 ta’ Jannar.

L-għarusa aċċettata

Ferħan, George mar itarraf l-aħbar taż-żwieġ lil ommu, peress li missieru kien diġa’ mejjet. Din, minnnaħatagħha marret għand il-ġenituri tax-xbejba, biex jagħmlu konoxxenza, u malli hi u ħut George raw lil Dolores, mill-ewwel ukoll ħadu grazzja magħha u laqgħuha f’familthom b’idejhom miftuħin.

Għalhekk kien wasal iż-żmien għalihom li jfittxu fejn jikru. Dolores xtaqet li ssib post Birżebbuġa, biex tkun qrib ommha u George ma oġġezzjonax. Iżda billi dik il-ħabta, f’Birżebbuġa kienu joqogħdu ħafna nies tas-Servizzi, ma kienx faċli għalihom li jsibu fejn joqogħdu.

Metarat hekk, omm Dolores ħasbet li jkun jagħmel sens jekk hi tieħu l-offerta ta’ ħuha, li tmur toqgħod għandu u lil bintha u żewġha, tagħtihom id-dar tagħha. B’hekk, Dolores u George sabu dar lesta. Kulma kellhom jagħmlu hu li jixtru l-għamara. U minndak iż-żmien ’l hawn ma ċċaqalqu qatt.

Iżżewġu s-Sibt, 14 ta’ Jannar tal-1950, filgħaxija, fil-parroċċa San Pietru, Birżebbuġa, li l-art tagħha kienet għadha tal-konkos. Iċ-ċerimonja taż-żwieġ, għax dari ma kinitx tkun bil-quddiesa, saritilhom mill-Kappillan Dun An; Fenech. Mill-knisja, il-miżżewġin friski marru għand l-Oxford Photo Studio, Raħal Ġdid fejn inġibdilhom ir-ritratt tagħhom weħidhom u ieħor max-xhieda. Wara, reġgħu marru Birżebbuġa, fejn kellhom festin fis-Siro’s Bar ħdejn il-venda.

Żmien il-‘boogie boogie’

altL-ikel u l-ħelu tat-tieġ għamilhulhom Tony, ħu Dolores, li kien dulċier u li sab l-għajnuna ta’ George innifsu. Jiftakru li kien tieġ gustuż, li għalih kellhom ukoll mużika adattata wkoll peress li z-ziju tal-għarus kien idoqq il-vjolin u għalhekk sab pjanist u ieħor tal-jazz ħbieb tiegħu u malajr iffurmaw grupp. Waqt it-tieġ infetaħ iż-żfin, u Dolores tiftakar li kienet għadha kif bdiet il-Boogie boogie u allura ħafna mill-mistednin qamu jiżfnu.

Hekk kif intemm it-tieġ, l-għarajjes marru d-dar tagħhom. Qamar il-għasel ma kellhomx. Jiftakru li l-għada filgħodu daħlu l-Belt, semgħu quddiesa fil-knisja San Franġisk, daru ftit mat-toroq tal-kapitali u wara rritornaw id-dar fejn omm Dolores ħejjitilhom l-ikel.

Ftit inqas minn sena wara ż-żwieġ il-koppja Borg kellhom l-ewwel tarbija tifla, Rita, illum miżżewġa lil Johnnie Grech u għandhom żewġt itfal Stephanie u Liann. Stephanie hi miżżewġa lil Alex Esposito u għandhom tifla, Erika.

Wara Rita twieled Emanuel li hu miżżewweġ lil Mary Rose u għandhom żewġt itfal, Francesca u Mark. Imbagħad twieldet Marianne, illum miżżewġa lil Salvu Galea u għandhom żewġt itfal, Lindsay u Stacey.

Ir-raba’ tarbija ta’ George u Dolores hi Josephine, illum miżżewġa lil Raymond Darmanin u għandhom żewġ subien, Nathan u Neil. Fl-aħħar kellhom lil Charlie, miżżewweġ lil Doreen u għandhom tlett itfal. Eleonor, Gabriella u Martina.

B’hekk, wara 64 sena żwieġ magħqud, George u Dolores jistgħu jiftaħru li s’issa huma nanniet ta’ ħdax u bużnanniet ta’ waħda.

Assenti fit-twelid

George ifakkar ukoll li peress li kien jaħdem man-Navy, ġieli kien isiefer u għalhekk kien ikollu jħalli ’l-familja warajh. Tant li meta martu welldet tnejn mit-tfal tagħhom, lil Josephine u lil Charlie, hu kien fuq il-baħar. Iżda jirringrazzja lil Alla li l-kuġina ta’ Dolores, li kienet toqgħod bieb ma’ bieb u ommha stess, kienu jagħtuha l-għajnuna kollha meħtieġa kemm idum fuq il-baħar.

B’ċerta kburija u sens reliġjuż u doveruż, Dolores tenfasizza li waqt li żewġha kien ikun imsiefer, hi dejjem waqfet mal-ħtiġiet spiritwali ta’ uliedha. Kienet tħejjihom filgħodu kmieni għall-quddiesa u wara l-kolazzjon twassalhom l-iskola. Filgħaxija toħodhom id-duttrina u jgħidu r-rużarju ta’ kuljum.

Waqt li t-tfal bdew jikbru, il-koppja Borg tgħid li qatt ma sawtet lil uliedha. Kienet tħares bl-ikreh lejhom, u jobdu. Għadhom sa llum tiġihom suddizzjoni minnommhom u missierhom.

L-ubbidjenza saż-żmien li ttellgħu uliedhom kienet għadha fl-aqwa tagħhom, tant li Dolores tirrakkonta li ħu George, li kien jgħix l-Ingilterra, kien qal lil ħuh u lil martu, biex iħallu lil Rita tmur għandhom, peress li dak iż-żmien, Johnnie Grech kien jaħdem hemmhekk mad-ditta Mars. Iżda huma ma ppremettewx dan. Kulma qaltilha ommha kien li sakemm għadha xebba, kienet fir-responsabbilta’ tagħha. Rita ma merietx il-kelma ta’ ommha, għax kienet ubbidjenti. Min-naħa tiegħu Johnnie ġie kemm-il darba Maltau l-għerusija u ż-żwieġ għamluhom hawnhekk.

Id-differenza li George u Dolores jaraw fit-trobbija ta’ llum hi l-liberta’ żejda li qed tingħatalhom. George jgħid li llum, qabel ma ġuvni u xebba jintrabtu bi żwieġ, ikunu diġa’ ilhom joħorġu flimkien ħdax u tnax-il sena. F’dan il-perijodu hekk twil flimkien, ikunu diġa’ qishom miżżewġin u l-ħażin jingħoġob ferm aktar mit-tajjeb.

It-twarrib ta’ Alla

Filwaqt li Dolores taqbel ma’ żewġha tkompli li min iwarrab lil Alla minnħajtu ma jsibx irkaptu. U llum daħlet ċerta kunfidenza bejn irġiel u nisa miżżewġin, li qed twassal għall-ġlied fil-familji.

alt

Madankollu la George u lanqas Dolores ma jagħtu tort lill-ġenituri. Jirraġunaw li ebda missier jew omm ma jridu l-ħsara lil uliedhom, iżda l-għażla tal-ħbieb li jkollhom mhix tkun studjata sew mill-ġenituri. U kif qalu, l-eżempju jkaxkar.

Bħala parir lill-għarajjes ta’ llum, George u Dolores jgħidulhom biex fuq kollox jafdaw u jitolbu lil Alla kuljum u biex ħajjithom joħduha tarġa tarġa, mhux jidħlu f’dar li tkun mgħammra b’kollox. Li tibni ftit ftit, fih sodisfazzjon u sagrifiċċju. Li jkollhom il-kumidta’ kollha qabel ma jidħlu fid-dar, ikun ifisser li qed ikabbru d-dejn li jkollhom mal-Banek. U mal-iċken tilwima, jiġu f’pożizzjoni li ma jkunux jistgħu jħallsu l-pagamenti.

Terġa’ llum, bil-mara miżżewġa taħdem, qed nesperjenzaw ukoll każi ta’ familji xejn magħqudin, fejn xħin jasal ir-raġel mix-xogħol, toħroġ il-mara għax-xogħol tagħha u viċi versa, u s-suppost barka ta’ taħt is-saqaf ta’ darhom, mhix tkun imfissra kif suppost.

Meta George u Dolores għalqu 55sena miżżewġin kellhom quddiesa fil-kappella ta’ San Ġorġ u qaddsilhom Dun Alfred Micallef. Wara l-quddiesa marra l-Lukanda San Ġorġ fejn kellhom ikla familjari.

Minn żifna għat-twassil sad-dar u bidu għall-għerusija

altMinn Charles B. Spiteri

George u Marija huma t-tnejn mill-Furjana u għalkemm ma kinux jafu lil xulxin mill-bidu, il-familja Lewis kienet taf sew lill-familja Bugeja u viċi versa. Ta’ sbatax-il sena u nofs, George daħal jaħdem bħala emergency teacher mal-Gvern, u darba kien mistieden għal dance organizzat mill-għalliema. Ħafna drabi ż-żfin kien ikun organizzat fl-iskola Primarja tal-Furjana.

Joe, ħu Marija inzerta kien għalliem ukoll, u meta mar mal-għarusa tiegħu Candida, ħa miegħu lil oħtu Marija. Ħarsa minn hemm u oħra minn hawn, George ra lil Marija u talabha tiżfen miegħu. Hi aċċettat. Ħadu grazzja ma’ xulxin u komplew jiżfnu.

Ħin bla waqt, Candida ħassitha mhix f’sikitha u Joe talab lil George jagħmillu pjaċir biex aktar tard iwassal lil oħtu d-dar. Għalhekk George kellu l-ħin jistaqsiha kinitx taħdem, u meta waslu ħdejn id-dar tagħha, ried ikun jaf jerġgħux jiltaqgħu. Dak il-ħin la qaltlu iva u lanqas le. Iżda peress li semmietlu l-post fejn kienet taħdem, beda jmur ħdejn ix-xogħol tagħha.
Marija tirrakkonta li darba kien hemm ġugarell forma ta’ rocket u George qalilha- ‘‘Tiġi miegħi fil-qamar’’

Rakkomandazzjoni

Dari n-nies kienu aktar moħħhom f’xuxlin u mara mill-inħawi staqsiet lil omm Marija jekk bintha kinitx daħlet għarusa għand ta’ Lewis, għax kienet ratha ma’ George. Iżda kien daħal ħu Marija fin-nofs u qalilha li dak kien il-ħabib tiegħu. Bi tbissima, George jgħid li Joe kien għamillu rakkomandazzjoni!

Għalkemm ommha u missierha kienu nies ta’ dixxiplina kbira, ma ħaduhiex kontra binthom, l-aktar għax kienu jafu x’nies huma l-familja Lewis. Terġa’ Maria Stella, iz-zija ta’ George, kienet tgħallem id-duttrina lill-bniet tal-lokal, fosthom lil Marija.
George hu t-tieni wild minn sitta, waqt li Marija hi s-sitt waħda mid-disat itfal tal-familja Bugeja. George hu ikbar minn Marija bi tliet xhur biss. Mill-ewwel kienu aċċettati mill-familji rispettivi, għax kienu jafu sew li huma żewġ familji magħqudin. Bħala familji kienu jiltaqgħu f’xi okkażjoni u mhux li jmorru għand xulxin. Darba, iz-zija ta’ George iltaqgħet ma’ Marija u lin-neputi tagħha qaltlu- ‘‘tfajla bħalha, ibża’ għaliha u titlaqhiex.’’
Damu għarajjes ħames snin u l-aktar li kienu jiltaqgħu għal ftit ħin, xi jumejn u l-aktar tlieta fil-ġimgħa, peress li ta’ 19-il sena, George daħal il-Kulleġġ San Mikiel, jistudja għal għalliem regolari. Dak iż-żmien, l-istudenti kienu jorqdu l-Kulleġġ u joħorġu biss għal ftit sigħat nhar ta’ Erbgħa. L-irqad fid-dar tal-ġenituri kien ikun biss is-Sibt u l-Ħadd.

Ma toħroġx weħidha

Id-dixxiplina u r-rettezza ta’ dari kienet ħaġa tal-għaġeb, tant li Marija u George jirrakkuntaw bi tbissima fatt li llum lanqas jitwemmen. Mela, kien ġie għal vaganza hu Marija minn barra, flimkien ma’ martu, u lejla waħda stieden lil Marija biex tmur magħhom tara filmat, peress li George kien ma’ familtu San Pawl il-Baħar. Meta missierha raha mbiddla, staqsieha fejn kienet sejra u xħin qaltlu li kienet ħierġa ma’ ħuha u l-mara tiegħu, qalilha ma tmur xejn. Mhux biss, talli llitika ftit ma’ ħuha għax qallu li Marija kienet għarusa u ma kellhiex toħroġ weħidha. Naturalment, ħuha ħa għalih.

George jirrakkonta wkoll il-ħajja matul is-sentejn li għamel il-Kulleġġ. Kien ikollu Lm18 kull tliet xhur, meta kien diġa’ dieħel fl-20 sena tiegħu…u għarus! Iżda qatt ma talab flus lil missieru. Dejjem qadef għal rasu għax kien jistħi u biex mill-Belt imur San Pawl jitħarreġ fil-water polo kien jara kif iqanċaq. U dan meta n-nol tal-karrozzi tal-linja kien ta’ tliet soldi.

Hawnhekk semma li anki l-istess sagrifiċċji ta’ dari kienu jiddixxiplinaw lit-tfal. Hu tal-fehma li llum morna lura f’kollox, inkluż fl-edukazzjoni. Illum kulħadd ifittex id-drittijiet u allura lanqas id-dixxiplina ma baqa’ postha.
Iżda ż-żmien baqa’ għaddej u George u Marija waslu għall-għerusija. Bħala għarajjes kienu jmorru ta’ spiss il-knisja tal-Kapuċċini u jqerru għand Patri Beneditt. Għalhekk kien xieraq li għat-tberik taċ-ċrieket, talbu lilu. L-okkażjoni kienet ċelebrata b’festin fid-dar ta’ Marija.

Għajnuna lil Kana

Dak iż-żmien kien għadu kif beda l-Moviment ta’ Kana u l-fundatur, Dun Charles Vella talab lil George u lil Marija biex jgħinuh. Huma kellhom sehem attiv fit-tmexxija tiegħu u George kien magħżul kemm bħala Chairman tal-Pre Kana, kif ukoll kien fl-Eżekuttiv.
Marija tgħid li ġieli kien hemm ġranet fejn kienu jdumu xi ftit l-Istitut Kattoliku, u missierha u ommha kienu jgorru, iżda meta ssemmilhom lil Dun Charles, kollox kien jikkalma.
Terġa’ dak iż-żmien kienu bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Pawl tal-1960. Dun Charles kien wieħed mill-organizzaturi ewlenin u George kien miegħu f’kollox. Jiftakar li kienu ċelebrazzjonijiet tremendi- Fuq il-Gżejjer, fuq il-Fosos tal-Furjana…Kardinali fostna…

Żwieġ uniku

altKienu għadhom fil-Moviment ta’ Kana meta wasal il-jum taż-żwieġ tagħhom. Kien il-Ħadd 28 ta’ Mejju, 1961. Peress li dak ix-xahar kien se jiġi fi tmiemu l-kors tal-għarajjes, Dun Charles ħajjarhom jiżżewġu fil-Kappella tal-Istitut Kattoliku, fejn illum hemm il-booking office. Dan biex l-għarajjes li attendew il-kors, itemmuh bil-quddiesa tagħhom. George u Marija qablu u kienu l-uniċi tnejn min-nies li żżewġu hemm.

Intramaw is-siġġijiet fl-entratura tal-Istitut u t-tieġ tagħhom kienet okkażjoni partikulari, fejn il-mistednin ta’ George u Marija u l-koppji għarajjes li attendew il-kors ta’ Kana, tħalltu flimkien għall-quddiesa.

Wara t-tieġ, il-miżżewġin friski ħadu drink mal-għarajjes ħbiebhom fil-bottegin tal-Istitut Kattoliku u wara marru għal festin familjari.
Il-qamar il-għasel tagħhom kien se jkun fid-dar il-ġdida tagħhom u dan biex jibżgħu għall-flus li kellhom. Iżda Dun Charles, li dak iż-żmien, il-familja tiegħu kellha l-Meadowbank Hotel, f’Tas-Sliema, tahom sorpriża billi bagħathom għal erbat ijiem bla ħlas hemmhekk.

Mill-Furjana għall-Fgura

Għar-rigward tad-dar fejn kellhom jibdew jgħixu, il-koppja Lewis tgħid li ma kinitx ħaġa faċli ssib akkomodazzjoni. Iżda darba, missieru qallu li kien hemm wieħed li kelu xi postijiet il-Fgura. George jistqarr li lanqas kien jaf fejn kienet il-Fgura, iżda qabel ma’ missieru li jmorru jarawhom.
Kienu postijiet bil-pilot scheme. Tħallas somma bil-quddiem u l-kumplament fi żmien 25 sena. Kemm George kif ukoll martu Marija ma kellhomx alternattiva, għax wara kollox, il-post għoġobhom. Għalhekk qatgħuha li jixtruh, l-aktar ukoll għax kienu ilhom ħames snin jistennew.
Marija waqfet mix-xogħol maż-żwieġ, iżda l-għaqal tagħha fejn jidħol tisjir, xiri u ħjata, għenithom iħallsu l-post qabel iż-żmien. George ukoll kien imidd idejh f’ħafna mix-xogħol tad-dar u allura s-sold kienu jibżgħu għalih.
Marija tgħid li ħafna kienu jiskantaw bihom li marru jgħixu l-Fgura, għax kien għadu lokal mhux żviluppat, tant li damu żmien twil bla dawl fit-triq u bla ilma fid-dar. Għall-ilma kienu jridu jterrqu tliet kantunieri u jġorruh fil-bramel, kemm għall-ikel u l-ħasil kollu meħtieġ. It-toroq kienu għadhom imħarbtin u bil-baqar warajhom. Iżda kien ambjent li lil George u Marija għoġobhom, għax ma kienx wieħed tas-soltu.
Eżatt fl-ewwel anniversarju taż-żwieġ tagħhom (l-aħħar Ħadd ta’ Mejju), twelditilhom l-ewwel minn tlett itfal bniet- Marika, Roberta u Catriona. It-tifla ż-żgħira twieldet 14-il sena wara Roberta.

Magħmudija f’Betlem

Minn żmien qabel ma twieldet Catriona, George kien jitla’ spiss Israel – l-ewwel għal studju u wara bħala tour leader. Għalhekk wettaq xewqa kbira billi lil Catriona għammduha f’Betlem, meta kellha sitt xhur. Illum, George u Marija huma nanniet ta’ erba’ neputijiet, tnejn Malta u tnejn fl-Amerika.

Meta jħarsu lura lejn it-tibdil tal-valuri Nsara Marija tgħid li flimkien ma’ ħutha kienet tattendi l-quddiesa ta’ kuljum – mhux bilfors, iżda bi drawwa. Missierha u ommha jmorru għal tal-5.00 a.m u huma kienu jattendu tas-6.30a.m jew tas-6.45a.m. qabel ma jmorru l-iskola. Anki r-rużarju kien jingħad kuljum bejn il-familja kollha.

Min-naħa tiegħu ħajjet George ma kinitx l-istess. Bħala tifel, mill-Furjana marru joqogħdu San Pawl il-Baħar, qrib il-parroċċa, għax kienu evakwati fil-gwerra minħabba li waqgħetilhom id-dar. U f’San Pawl ma kienx hemm wisq x’tagħmel. It-tfal, l-aktar subien kienu jilagħbu fil-kunvent u jiġri mal-Patrijiet Franġiskani. Filgħaxijiet ma kienx isir quddies, iżda jingħad ir-Rużarju u t-tfal jgħiduh magħhom. Hekk għaddiet tfulitu, u dawk id-drawwiet baqgħu fih.

Għar-rigward taż-żwieġ ta’ llum, il-koppja Lewis tisħaq li għandu jkun hemm preparazzjoni aktar qawwija, għax iż-żwieġ mhux logħba. Lanqas trid tibqa’ l-mentalita’ li ‘‘niżżewġu u meta ma naqblux, nitilqu lil xulxin’’. George jemmen li jekk iż-żwieġ jinbena fuq din il-premessa, jitkisser kollox għax ma jkunx hemm il-ġebla tax-xewka.
Anzi, George ikompli jgħid li ż-żwieġ għandu jittieħed bħala sagrifiċċju. Meta jkollok it-tfal żgħar mod, meta jikbru mod ieħor u meta jiżżewġu, mod ieħor. U jekk koppja ma tkunx soda u tgħix fit-talb, mal-ewwel kurrent kontra tagħha… titlaq.
Libertajiet

altMarija hi tal-fehma li llum kollox miexi bil-maqlub. Tgħid li dari, bħala għarajjes, ftit kien ikollhom ħin flimkien, iżda ladarba tnejn jiżżewġu, kienu jingħaqdu bi skop sinċier u għal dejjem. Illum, suppost li tnejn li deħlin għaż-żwieġ, ikunu draw aktar u jafu sew il-karattru ta’ xulxin, għax mhux talli jqattgħu aktar ħin flimkien, talli għandhom il-libertajiet kollha li dari ma kienx hawn. Iżda dawn il-libertajiet qed iwasslu għal-libertina;; u għas-separazzjonijiet!

George u Marija jemmnu li hemm drabi fejn it-tort jista’ jkun tal-ġenituri, li għax ħassew it-toqol u s-sagrifiċċju fi tfulithom, għamlu ħilithom biex lil uliedhom iżommuhom fuq ir-rix. U flok li jagħtuhom valuri, servizz u stampa ċara tal-ħajja, jagħtuhom affarijiet li ma jagħmlulhom tajjeb għall-ġejjieni. Iżda jgħidu wkoll li drawwiet ġodda u l-mezzi ta’ komunikazzjoni daħħlu mentalita’ ġdida dwar iż-żwieġ.
Terġa’ llum, numru kbir ta’ żgħażagħ li waslu biex jiżżewġu, jemmnu li lanqas għandhom għalfejn jattendu għall-korsijiet ta’ Kana. Jippretendu li jafu kollox u li huma superjuri. Iżda meta jindunaw bl-iżball, ġeneralment ikun tard wisq.  

Lil martu sabha bħal Mosè, fil-baħar

altMinn Charles B. Spiteri

Bħal numru ta’ Żwieten oħra, il-ġenituri ta’ Carmelina kellhom residenza sajfija f’Birżebbuġa. Hemmhekk, ta’ kuljum, Carmelina u l-ħames ħutha iżgħar minnha kienu jinżlu jgħumu. Jum fost l-oħrajn hi u Gawdenz ġew wiċċ imb’wiċċ u nibtet l-imħabba fi qlubhom. Gawdenz, li aktar tard laħaq avukat, avukat tal-Kuruna u anki Maġistrat, bi tbissima jirrakkonta li lil martu sabha fil-baħar, l-istess kif kien instab Mosè.

Jum wieħed, lil ħu Carmelina, Gawdenz qallu li hu kien jiġi minnhom. Dak mar qal lil ommu u fil-verità nstab li kien terz’kuġin tal-omm.

Omm Carmelina kienet mara li tifhem sew lil uliedha, u dawn kienu jirrikorru lejha f’kulma jeħtieġu. Kien għalhekk li Carmelina mill-ewwel stqarret magħha l-ġibda tagħha għal Gawdenz. Minn missierha baqgħet lura, għax kien ta’ dixxiplina kbira.

Jidħlu ’l ġewwa

altĠeneralment, nhar ta’ Ħadd filgħaxija, il-ġenituri ta’ Carmelina kienu jintasbu fuq is-siġġijiet, fuq il-bankina, jaraw lin-nies għaddejjin. Meta mill-bogħod kienu jilmħu lil Gawdenz riesaq, kienu jidħlu ġewwa. Darba, ommha qaltilha li ma setax ikun li joqogħdu jagħmlu hekk kull darba, u meta reġgġu lemħuh riesaq, ommha qalet lil missierha li dak il-ġuvni twil li kien ġej lejhom, kien qal li jiġi minnhom. Il-missier ma tax kas.

Iżda Carmelina kienet toħroġ lil oħtha ż-żgħira fil-pushchair  u bl-iskuża tagħha, tiltaqa’ ma’ Gawdenz, li kien fl-aħħar sena tal-kors tal-liġi, fl-Università. Ma damx ma għadda wisq żmien, meta darba, quddiem missierha, oħtha ż-żgħira qalet lil ommha li fit-triq kien hemm raġel li beda jżomm id Carmelina.

Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Gawdenz Borg jirrakkonta li fil-familja tiegħu kienu żewġt aħwa, hu u ħuh akbar minnu George, li laħaq tabib u kien imdaħħal fil-politika. Kienu joqogħdu l-Gudja.

Il-Maġistrat isemmi li l-ħajja tat-tfulija tiegħu ma tantx kienet fortunata. Ommu mietet meta hu kellu għaxar snin. Dak iż-żmien, missieru, Toni kellu 42 sena u kien deċiż li ma jerġax jiżżewweġ. Ir-raġunijiet għal dan kienu li jekk it-tieni mara ssawwathom, kien jasal jgħid li sawtithom għax ma kinux it-tfal tagħha, u jekk ma ssawwathomx, jgħid li mhix tagħti kashom għax mhumiex tagħha. Għalhekk, għall-imħabba li kellu lejn iż-żewġ subien tiegħu, iddeċieda li jibqa’ armel u jagħmel ix-xogħol kollu ta’ missier u ta’ omm. Hu miet bil-bombi tal-gwerra, fid-19 ta’ April, 1942, fl-agħar attakk tal-gwerra.

Safa ltim ta’ 16-il sena

Dakinhar, George kellu 18 u Gawdenz 16-il sena. Iżda sadattant, missierhom kien laħaq żera’ fihom il-prinċipji għall-bini tal-karattru tagħhom, tant li ħuh il-kbir spiċċa laħaq tabib u hu avukat.

Isemmi li kellu ħabib tiegħu, li darba għarrfu li kien hemm xbejba miż-Żejtun, li fis-sajf tmur għall-villeġġatura Birżebbuġa, li żgur tgħodd għalih. Allura beda jmur ifittex, sa ma sab li kienet Carmelina. U mill-ewwel laqtitu.

Lil zitu, Rosa Galdies, Superjura tal-MUSEUM, li kienet tieħu ħsiebu u ħsieb ħuh, ma kien qalilha b’xejn. Saret taf b’Carmelina min-nies u staqsietu għaliex ma sabx xi waħda mill-Belt jew minnTas-Sliema. Metambagħad saret taf li Carmelina kienet minntal-Qutu, li kienet familja sew u soda finanzjarjament, bdiet tgħidlu li anki mis-siġar tal-fjuri jaf joħroġ ix-xewk.

Missier Carmelina sar jaf bin-namrat ta’ bintu b’kumbinazzjoni. ġara li kien se jsir mass meeting fiż-Żejtun, li fih kien se jieħu sehem it-Tabib George Borg u Gawdenz tarrfilha minnqabel li kien se jgħaddi minnquddiemhom. Ommha daħħlet lil Gawdenz u lil ħuh fl-intrata waqt li Carmelina beżgħet li missierha Joseph jilħaq jasal mill-Marsa, fejn kien imur minħabba d-delizzju taż-żwiemel. U hekk ġara. Waslu ħdejn id-dar flimkien.

Twittija tat-triq tal-imħabba

Kienet ommha li salvat is-sitwazzjoni, għax qalet lil żewġha li xtaqet tlaqqgħu ma’ dak li kienet qaltlu li jiġi minnhom. U missierha kompla magħhom. F’dik l-istess laqgħa, George witta t-triq għal ħuh, għax qal lil Joseph, missier Carmelina, li Gawdenz xtaqha b’martu. Aktar tard, ħuh qallu li missier Carmelina kien wieħed mill-ftit irġiel ta’ karattru li kien fadlilna f’Malta.

Min-naħa taz-zija ta’ Gawdenz, din kienet mardet sew u fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha talbitu joħdilha lil Carmelina biex taraha. Metaratha, berkithom u xtaqitilhom futur sabiħ. Il-Maġistrat Borg jgħid li zitu tant kienet mara sew u devota, li wara l-ikel, qabel torqod,  jiftakarha tinżel għarkupptejha mal-mejda tal-ikel, u tagħmel nofs siegħa taqra l-brevjar tal-qassisin.

Meta tgħarrsu, Gawdenz kien laħaq avukat. Berkilhom iċ-ċrieket Mons. Prof Salvatore Grima, ħu missierha, li aktar tard bena d-Dar tal-Kleru fi Fleur de Lys. Ir-riċeviment sar fid-dar tal-ġenituri tal-għarusa.

Minkejja li tgħarrsu u kellhom ukoll id-data tat-tieġ, l-għarajjes ma kinux jitħallew joħorġu weħidhom. Dejjem b’xi ħadd magħhom. U l-ħin tar-ritorn id-dar kien fiss ukoll.

Għerusija qasira

L-għerusija ma kinitx twila wisq. Sena u disa’ xhur biss, għax missier Carmelina tahom id-dar li għadhom jgħixu fiha u għammarhielhom b’kulma kien meħtieġ.

Iż-żmien gerbeb u ma damx ma wasal il-jum tat-22 ta’ Settembru, 1957, meta kellhom jiżżewġu. Huma xtaqu jiżżewġu fil-Lukanda Phoenicia, iżda s-sala t’isfel tal-ballu kienet diġà mikrija. Allura bbukkjaw dik tal-Lukanda Imperial, Tas-Sliema. Imma Angelo, iz-ziju ta’ Carmelina, li kien kuntrattur bħal missierha u kien bena ’l-Phoenicia, qal b’kollox lil Roger Strickland u dan qabel li jikrilhom fuq, fejn illum hemm il-main lounge, bil-kundizzjoni li ma jistidnux aktar minn500 ruħ u l-orkestra ma tagħmilx mużika qawwija.

B’hekk, l-għarajjes qablu li r-riċeviment isir fil-Phoenicia. Għalih kellhom 1,000 mistieden u l-orkestra użat is-silencers mal-istrumenti tagħha.

Il-quddiesa taż-żwieġ saret fil-parroċċa taż-Żejtun u qaddsilhom u tahom il-kunsens Mons, Salvatore Grima. Ix-xhud tal-Avukat Gawdenz kien l-Avukat Ġużè Pace, li Paceville issemma għalih u li miegħu l-avukat novell kien ipprattika fil-karriera tiegħu, u x-xhud ta’ Carmelina kien Chev. Angelo Grima, zijuha, li laħaq sar kavallier ta’ San Gregorio u Magno u għamlu l-Papa. Bħala bestman kellhom lill-Avukat Mario Felice.

Fost il-mistednin għat-tieġ min-naħa tal-Maġistrat Borg kien hemm ħbiebu tal-kors tal-liġi.

Carmelina tirrakkonta li d-drapp għal-libsa tat-tieġ kienet xtratha mingħand Camilleri tal-Belt u ħititielha Stella l-ħajjata, li kienet toqgħod fi Triq San Pawl il-Belt. Din Stella kienet il-ħajjata tal-familja tagħhom u damet taħdmilhom sa ma mietet.

Pjaneta fid-Dar tal-Kleru

altIllum il-ġurnata, il-libsa tat-tieġ ta’ Carmelina tinsab fid-Dar tal-Kleru u nbidlet fi pjaneta, peress li kien hemm xi nies midħla ta’ zijuha l-Monsinjur u talbuhielha.

Wara t-tieġ, il-miżżewġin friski marru s-Seabank Hotel – waħda mill-ftit lukandi li kien hawn. Hemmhekk niżlu jgħumu u peress li l-Maġistrat ħa riħ, ma setgħux isiefru kif miftiehem. Dak iż-żmien, anki s-safar għal qamar il-għasel kien għadu fil-bidu tiegħu.

Peress li fl-istess perijodu Dr Gawdenz kien l-Avukat tal-linja British European Airways, li tathom is-safra bi prezz ridott, din ipposponitilhom il-vjaġġ. Imbagħad żaru Ruma, Nizza, Londra, Brussell u Amsterdam, fil-vjaġġ magħruf bħala the round trip tal-BEA, li dam xahar sħiħ.

Lura Maltal-koppja Borg bdiet taħseb għall-familja u xahar qabel għeluq l-ewwel sena kellha ’l-ewwel tarbija tagħha, Doriette, illum miżżewġa lit-Tabib Mario Rizzo Naudi li għandhom żewġt itfal – Karl u Julian, li huma fiżjoterapisti u players tal-waterpolo mal-Exiles. Wara, lill-koppja Borg, twelditilhom it-tieni tifla, Lucienne (personalità televiżiva), miżżewġa lin-neguzjant Christopher Selvagi u wkoll għandhom żewġt itfal – Lara, gradwata u taħdem ma’ Vodafone u Andrew, li hu yachtsman kwalifikat.

Il-Moviment ta’ Kana

Metal-Maġistrat kien għadu Avukat u kellu l-uffiċċju fi Triq Cospicua, f’Raħal ġdid, iltaqa’ ma’ Fr Charles Vella li kien għadu kif fetaħ il-Moviment ta’ Kana. Kienu jafu lil xulxin u kienu jaqblu wkoll mal-idea li l-familji setgħu ma jkollhomx numru kbir ta’ tfal. Il-Maġistrat semma li fil-Gudja kien jaf b’familji li kellhom 18 u 21 tifel u tifla. Dan il-fatt kien jitfa’ ’l-familja f’sofferenza finanzjarja u ma jħallix lill-ulied ikomplu l-istudju kemm jixtiequ u jgawdu ħajjithom.

Fr Charles għarrfu li kien ħa uffiċċju Raħal Ġdid u kien qed ifittex segretarja. Immedjatament, il-Maġistrat Gawdenz qallu li kellu segretarja għalih – martu Carmelina. Inkuraġġiha sa ma daħlet segretarja tal-fergħa ta’ Raħal Ġdid. Jumejn wara Monsinjur Salvatore Grima, mar għand il-Maġistrat u qallu joħroġ lil martu mill-Moviment, għax skont it-tagħlim ta’ dak iż-żmien, il-Moviment ta’ Kana seta’ jitqies bħala wieħed skandaluż.

Dan minħabba li kien jgħallem favur il-kontroll tat-twelid. Iżda Carmelina mhux talli baqgħet hemm talli llum hi Chairperson ta’ Raħal Ġdid. Bdiet bħala segretarja, saret chairperson tal-fund raising tal-Moviment-Viċi President tal-Moviment- fil-Kumitat tal-Mothers’ Day, fejn kienu jżuru wkoll l-isptarijiet, u issa qiegħda President fid-Dar ta’ Kana ta’ Raħal Ġdid. Tul dawn is-snin, fil-Moviment ta’ Kana ħadem ukoll żewġha.

Id-dixxiplina fiż-żgħażagħ tal-lum

Il-koppja Borg hi tal-fehma li llum id-dixxiplina naqset sew fost iż-żgħażagħ. Jemmnu li dari, l-awtorità kienet iġġorr aktar piż u kienet timponi ruħha. Per eżempju dari, jekk Imħallef isellimlek filgħodu, u int issellimlu, kien l-aktar li jista’ jkollu kuntatt mal-poplu. Kien iżomm il-prestiġju tiegħu. L-istess kienu jagħmlu l-Isqof u l-Prim Ministru u l-ġenituri. L-awtorità kienet awtorità kważi untouchable. Illum bil-maqlub. L-awtorità saret iktar demokratika u m’għadhiex rigoruża bħal fl-imgħoddi.

Terġa’ llum ħadd ma jista’ jimponi li l-ġenituri għandhom ikunu ibsin fid-deċiżjonijiet tagħhom bħalmakienu fi żmienhom missirijiethom u n-nanniet.

Il-Maġistrat Borg itenni li b’parir ta’ avukat lill-ġenituri tal-lum, hu jgħidilhom li lil uliedhom għandhom jistmawhom ta’ ħbieb u ma jimponulhomx. Fil-bżonn, jagħtuhom parir ta’ darba biss u jerħulhom, għax l-ulied huma rġiel u nisa bħalma huma l-istess ġenituri.

55 sena żwieġ

altBħala ringrazzjament għal għeluq il-50 sena żwieġ, il-koppja Borg kellha quddiesa fil-kappella tal-Madliena, fejn qaddsilhom Monsinjur Victor Grech, peress li Carmelina tagħmel xogħol ieħor volontarju mal-Caritas.

Għaliha reġa’ kellhom diversi mistednin, fosthom lill-familjari, lill-Presidenti Emeriti Ugo Mifsud Bonnici u lil Guido de Marco, lill-Arċisqof Mercieca u numru ta’ ħbieb. Għal din l-okkażjoni l-koppja ma riditx rigali, iżda talbet li jingħataw donazzjonijiet lill-Caritas.

Wara l-quddiesa, kellhom riċeviment fil-Villa ta’ binthom Lucienne u żewġha Christopher.

Messaġġ

Bħala messaġġ lill-koppji żgħażagħ, il-Maġistrat u martu jgħidu li dawn għandhom iħarsu lejn iż-żwieġ bħala Sagrament li ma jfittixx drittijiet u li jkunu paċenzjużi lejn xulxin. Iż-żwieġ hu responsabbiltà u min se jidħol għalih għandu jkun tassew responsabbli. Barra minhekk iż-żwieġ hu xi ħaġa naturali u sabiħ. Fih is-sagrifiċċji, iżda ħajja bla sagrifiċċji mhix ħajja. U l-isbaħ konsolazzjoni hi meta l-familja tkun miġbura u magħquda, kemm fil-ferħ, kif ukoll fin-niket.

It-tfigħ lura ta’ ballun iressaq żewġ iqlub lejn xulxin

Minn Charles B. Spiteri

Żwieġ hieni jrid jinbena fuq iż-żonqor u mhux fuq ir-ramel

altHuma bosta dawk ix-xtajtiet li nibbtu xrar l-imħabba fost il-koppji Maltin tal-bieraħ imbiegħed. Għal Frans Portelli u Miriam neè Grech, din il-ħaġa ma kinitx eċċezzjoni. Il-familja tal-wieħed u dik tal-oħra kellhom villeġġatura San Pawl il-Baħar u kienu joqogħdu kantuniera wara xulxin.

Bħala żgħażagħ kienu jiltaqgħu ġuvintur u xebbiet fl-għaxijiet sajfin iżda Frans u Miriam ma kinux jitkellmu bejniethom. Tant li Frans kien imur jgħum f’Thalasseljin waqt li Miriam kienet tmur tax-Xama’. Darba, ħabib ta’ Frans qallu biex imur jgħum miegħu tax-Xama’. Mar jgħum hemm tax-Xama’ u ra lil Miriam tgħum dik in-naħa.

F’ħin minnhom, il-ballun ta’ Frans mar ’il bogħod, fejn kienet qed tgħum Miriam. Sejħilha b’isimha, u talabha titfagħhulu lura. Miriam inġibdet ftit u qadet għaliha, li Frans għajtilha b’isimha, għax qalet li ma kinitx tafu. Madankollu, dak il-fatt ressaqhom kemmxejn lejn xulxin… u bdew jinnamraw.

Missirijiet ta’ dixxiplina

Lill-ġenituri tagħhom ma qalulhom b’xejn, għax kemm missier Frans, kif ukoll missier Miriam, kienu ta’ dixxiplina mhux ħażin u ma tantx kienu jaċċettaw namur minn uliedhom.

Frans kien iż-żgħir mis-sitt itfal – erba’ subien u żewġt ibniet – li kellhom Conċetta u Frank. Miriam kienet il-kbira mill-erba’ aħwa – tlett ibniet u tifel, tal-koppja Lily u Feliċ.

Iżda ma damx ma kien hemm xi ħadd li fesfes f’widnejn il-ġenituri tat-tnejn bin-namur ta’ uliedhom. Dak iż-żmien, Frans u Miriam kienu waslu fit-tmiem tal-iskola sekondarja tagħhom, għax Frans kellu 18 u Miriam, 17-il sena.
In-namur tagħhom kien jikkonsisti filli filgħaxijiet, mal-ħbieb l-oħra tat-triq, kienu jintasbu fuq ċint u joqogħdu maġenb xulxin. Meta jilmħu lil xi ħadd mill-ġenituri resqin, kienu jaqbżu ċ-ċint.

L-aktar li kien joħroġ jittawwal lil Miriam, kien missierha. Frans u martu jirrakkukntaw li anki meta bħala grupp kienu jmorru jgħumu, missierha kien jinżel fix-xatt biex jara jarahiex. Iżda huma kienu joħorġu jgħumu ’l barra.

Aċċettazzjoni

Maż-żmien kemm il-ġenituri ta’ Frans kif ukoll dawk ta’ Miriam aċċettaw li uliedhom ikellmu lil xulxin bi skop ta’ żwieġ. U missier Frans ma kienx jippermettilhom joħorġu weħidhom. Ried li meta jmorru xi mkien, ikollhom chaperone.

Fl-1 ta’ April, 1956, Frans u Miriam ħadu ċ-ċrieket tal-għerusija. Berikhomlhom, Dun Mattew Chircop, Kappillan tal-Ħamrun. Peress li kien għadu kif miet iz-ziju ta’ Miriam, kellhom riċeviment żgħir.

Fl-istess żmien, Frans kien jaħdem mal-War Damage Commission u ħbiebu tax-xogħol ma ridux jemmnuh li se jitgħarras. Emmnu li kienet xi ċajta tal-ewwel ta’ April.

Frans isemmi li bħala souvenir kienu qassmu santa, li tirrappreżenta t-Tieġ ta’ Kana. Kelinu Caruana, ħabib u kollega fil-post tax-xogħol ta’ Frans, u li kien President tal-Azzjoni Kattolika, talbu jagħtih santa żejda biex jagħtiha lil qassis żagħżugħ li kien se jibda moviment tal-għarajjes f’Malta. Kien Dun Charles Vella.

Tnedija tal-Moviment ta’ Kana

F’Jannar ta’ dik is-sena , tnieda l-Moviment ta’ Kana mill-E.T. Arċisqof Mikiel Gonzi. Miriam lemħet avviż fil-gazzetta biex l-għarajjes jattendu. Hi xtaqet tattendi u l-ewwel qalet lil Frans u wara lill-ġenituri tat-tnejn. Dawn mhux talli qablu li uliedhom jattendu, iżda ħeġġewhom imorru. Dik il-laqgħa saret fil-Lukanda Phoenicia, li kienet imballata bin-nies.

F’Ġunju tal-istess sena, Dun Charles organiżża irtir ta’ nofs ta’ nhar fis-Sacred Heart, San Ġiljan u marru bil-barka tal-ġenituri tagħhom. Hawnhekk iltaqgħu għall-ewwel darba ma’ Dun Charles.
Imbagħad f’Ottubru, il-Moviment ta’ Kana organiżża tlett ijiem konferenzi għall-għarajjes f’Palazzo Carafa l-Belt. Kienu konferenzi mballati bl-għarajjes. Wara t-tielet konferenza, Dun Charles sejjaħ sitt koppji għarajjes, fosthom lil Frans u Miriam u staqsiehom kinux mgħaġġlin. Talabhom jgħinuh biex ikompli bil-ħidma tal-moviment.

L-għerusija ta’ Frans u Miriam damet tliet snin għax ma setgħux isibu jikru post fejn imorru jabitaw. Għall-bidu, tant ħasbu li s-sejba ta’ post ma kinitx se tkun diffiċli, li sa ordnaw l-għamara. Meta kellmu fuq hekk lil Dun Charles, dan qalilhom li kien jaf b’post il-Belt f’West Street. Marru jarawh u min kien fih bħala kerrej, ried somma qawwija biex jagħtihom iċ-ċavetta. Spiċċaw ma ħaduhx, għax kellu bżonn spejjeż kbar.

Sabu post il-Ħamrun

Imbagħad Frans, daħħal lil missieru fis-sejbien ta’ post u dak qallu li quddiem il-Liċeo, il-Ħamrun kien hemm post ġdid għall-bejgħ. Frans wieġeb li huma xtaqu jikru, peress li Miriam, li issa wkoll kienet taħdem ma’ Barclays Bank, xtaqet tagħmel l-ewwel safra tagħha wara t-tieġ, għal qamar il-għasel u ma xtaqux jibdew il-ħajja miżżewġa bla flus. Hawnhekk il-missier offra li jislifhom il-flus u jaraw jixtruhx. L-ewwel marru Frans u missieru u wara marret Miriam u ommha. Meta qalu wkoll lil Dun Charles, dan qabel mal-ħsieb ta’ missier Frans u ħeġġiġhom jixtruh.

Għamlu hekk u f’temp qasir bajdu, żebgħu u daħħlu l-għamara fid-dar ġdida tagħhom. Mhux biss talli kellhom id-data tat-tieġ – il-21 ta’ Ġunju, 1959.
Iżżewġu fil-knisja ta’ San Ġakbu l-Belt. Qaddsilhom Dun Charles Vella u bħala xhieda kellhom lill-Maġġur Edward Fiteni, is-Segretarju tal-Moviment ta’ Kana u s-Sur Karmenu Felice Pace, li kien iċ-Chief Inspector ta’ fejn kien jaħdem Frans. Għar-riċeviment krew is-sala ta’ Maxims, fi Triq Zakkarija, fejn illum hemm il-Bank of Valletta. Hemmhekk, George Vella, li kien jaħdem id-Dipartiment tal-Informazzjoni ma’ Lewis, ħu Frans, offra li jiġbdilhom ir-ritratti tat-tieġ, li huma tant jgħożżu f’album apposta.
Wara t-tieġ marru għall-qamar il-għasel. Qattgħu tlett ijiem Napli u tlett ijiem Ruma biex Frans jaqta’ xewqet Miriam.

Lura Malta

alt

Lura Malta bdew il-ħajja normali u komplew ħidmiethom fil-Moviment ta’ Kana. Fl-istess waqt, Miriam baqgħet taħdem sa ma rmaw id-dar bil-mod il-mod. Kienu jieħdu gost ifaddlu u wara jixtru – mhux bħaż-żgħażagħ tal-lum, li jidħlu fid-dejn biex ikollhom kollox mill-ewwel u sa jitilfu l-gost li kull ħaġa ġdida fid-dar, tasal tagħti.

Imbagħad Dun Charles qegħidhom fil-Pre Kana, jieħdu ħsieb lill-għarajjes u jorganizzaw il-korsijiet ta’ Kana għalihom, fosthom l-eżerċizzi. Aktar tard, fl-1962, peress li l-Maġġur Fiteni kien fl-Armata u bagħtuh il-Kenja, ma setax ikompli ħidmietu fil-Moviment. Kien hu nnifsu li ssuġġerixxa lil Dun Charles biex postu jieġdu Frans. U waqt li Frans gġamel 18-il sena Segretarju tal-Moviment, Miriam – li Dun Charles kien ħatarha teżoriera – għamlet 30 sena f’din il-ħidma.

Meta naqqsu mix-xogħol tagħhom fil-Moviment ta’ Kana, il-koppja Portelli bdiet tmur Lourdes, toffri servizz volontarju lill-pellegrini morda li jmorru hemm. Huma jiffurmaw parti minn grupp volontarju ta’ xi 50 persuna.

F’għeluq il-25 sena taż-żwieg tagħhom, Frans u Miriam organiżżaw quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u wara kellhom festin f’The Arches.

L-istess għamlu meta għalqu 40 sena. Kellhom quddiesa fil-kappella ta’ ġewwa tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u wara kellhom riċeviment fil-Papillon, Ħal Balzan.
Fil-21 ta’ Ġunju li għadda, meta għalqu 55sena miżżewġin, kellhom quddiesa fil-Kulleġġ San Alwiġi u wara riċeviment fil-Papillon, il-Ħamrun.

Binja fuq iż-żonqor

Wara dawn is-snin kollha miżżewġin, Frans jgħid li żwieġ b’saħħtu għandu jkun mibni fuq iż-żonqor u mhux fuq ir-ramel. Barra minhekk, iż-żgħażagħ tal-lum għandhom ikunu jafu iktar bil-kelma ‘sagrifiċċju’, għax mhux qed jagħmlu sew meta jippretendu li jkollhom kollox f’daqqa u fil-pront. Kull ħaħa għandu jkollha l-istennija tagħha.

altMiriam issostni li l-imħabba titfisser biss bil-kliem give, give, give. Bħal żewġha taqbel li d-dar għandha tinbena bil-mod il-mod. Fi żmienhom l-ispejjeż kienu wkoll. Meta l-paga kienet bix-xelini, il-prezzijiet kienu bil-mijiet ta’ liri, waqt li meta l-paga t’issa hi bil-mijiet, il-prezzijiet saru bl-eluf. Jiġifieri kollox jogħla b’relattività. Iżda ż-żgħażagħ tal-lum ma jafux x’inhi stennija u meta jkollhom kollox f’daqqa, jitilfu l-gost tad-dar f’temp qasir.
Il-koppja Portelli taqbel ukoll li l-miżżewġin tal-lum għandu jkollhom ħin adegwat flimkien. Ix-xogħol, għalkemm bżonjuż, m’għandux itellfilhom id-djalogu tagħhom u x-xiftijiet għandhom ikunu studjati anki mill-awtoritajiet kompetenti.