Luca u Elise

Il-Kaxxa ta’ fuq il-Bejt

Charmaine Tanti M.A.

Id-dar tan-nanna Marija u n-nannu Ġużi kienet sempliċi għal kollox. Elise u Luca kien l-għasel tagħhom iduru mal-kmamar kollha u jilagħbu bil-ballun fil-bitħa. Kemm-il darba kienu jitilgħu fuq il-bejt man-nanna meta jkollha xi ħasla ħwejjeġ. Fir-rokna maġenb il-magna tal-ħasil kien hemm kaxxa mdaqqsa tal-injam li qatt ma rawha miftuħa.

Darba waħda, it-tfal fettlilhom jitilgħu sal-kamra tal-bejt sakemm in-nanna marret tixtri. Resqu qrib il-kaxxa tal-injam, iżda ma setgħux isibu l-muftieħ. Elise poġġiet subgħaha fuq is-serratura tal-kaxxa, li kienet kbira mhux ħażin, u sarilha kannella minħabba li kienet kollha sadid. Luca dlonk ftakar li l-muftieħ kien qiegħed fl-istudju tan-nannu għax kien lemħu fuq l-iskrivanija.

Elise u Luca marru b’ġirja s’isfel biex iġibu l-muftieħ. Qalbhom bdiet tħabbat sitta sitta bl-eċċitament. Elise, li kellha jdejha akbar minn ta’ ħuha, qabdet il-muftieħ, daħħlitu fis-serratura u bdiet iddawru ħalli tiftaħ il-kaxxa tal-injam. Il-muftieħ beda jeħel, u wara ftit, it-tifla bdiet taqta’ qalbha. Iżda f’daqqa waħda l-muftieħ dar u l-kaxxa nfetħet. Luca u Elise fetħu għajnejhom beraħ huma u jneħħulha l-għatu. Fil-wiċċ tal-kaxxa kien hemm bosta karti miġburin f’pakkett mimlijin bit-tbajja` sofor skuri. Fuqhom kien hemm bosta sinjali u kliem miktub bil-linka ħamra. It-tfal intebħu li dawn kienu karti tal-eżamijiet antiki, li kien ikkoreġa n-nannu meta kien għadu jgħallem. Huma qallbu aktar fil-fond tal-kaxxa u sabu għadd ta’ kotba ħoxnin, li kienu tqal wisq għalihom biex joħorġuhom mill-kaxxa. Luca u Elise baqgħu miblugħin għax qatt ma basru li din il-kaxxa tal-injam ma kienet xejn ħlief il-post fejn in-nannu kien jerfa’ l-affarijiet tiegħu.

Is-skiet, li kien hemm taqtgħu b’sikkina malajr inkiser hekk kif in-nanna Marija bdiet tgħajtilhom biex jgħinuha ddaħħal ix-xirja fil-kċina. It-tfal għalqu l-kaxxa tal-injam minnufih, poġġew il-muftieħ f’postu u niżlu bil-ħeffa fejn in-nanna. Meta staqsiethom fejn kienu, huma weġbuha b’leħen wieħed, li kienu ħarġu għal ftit arja fuq il-bejt. Ma ridux jgħidulha l-verita` ma jmurx tagħmlilhom xi waħda tinkiteb.

Spotty u l-Kandidat

Charmaine Tanti M.A.

Is-Sur Spiridione Gatt kien l-avukat tar-raħal. Kulħadd kien javviċinah għall-pariri legali jew għall-kuntratti għax xogħlu kien irħis minbarra li kien professjonali għall-aħħar. Dan l-aħħar kien waħħalha f’rasu li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali bħala kandidat indipendenti. Mill-ewwel sab l-appoġġ tal-maġġoranza tar-raħlin li ħarġu għonqhom biex jgħinuh mill-aħjar li jistgħu. Meta l-kampanja elettorali kienet fl-aqwa tagħha, il-canvassers tiegħu bdew iqassmu l-karti bieb bieb biex jgħarrfu lir-residenti, li kien se jżurhom fi djarhom ħalli jagħtuh il-vot.

Dakinhar li s-Sur Gatt kien se jmur għand il-familji ta’ Triq il-Merill, il-mama` u l-papa` naddfu s-salott u neħħew l-imbarazz min-nofs. Luca u Elise qagħdu fil-kċina jagħmlu l-homework u sa ma wasal għandhom is-Sur Gatt, kienu ilhom li lestewh. Ma kellhomx aptit joħorġu fis-salott avolja l-mama` u l-papa` xtaquhom jingħaqdu magħhom. Minflok, daħħlu lil Spotty maġenbhom biex joqogħdu jilagħbu miegħu. Dan kien kelb kbir, li kien ħa post Pupu, u kien il-mimmi t’għajnejhom. Kienu semmewh Spotty għax dahru kien miksi biċ-ċrieki kannella.

Malli s-Sur Gatt rifes l-għatba tad-dar, il-papa` xegħel il-linfa tas-salott li dawlet il-kamra kollha. Wara, hu u l-mama` ħadulu b’idejh u stednuh ipoġġi fuq is-sufan tad-damask. Il-papa` offrielu drink u qagħdu jitkellmu flimkien. Bejn tlegliga whisky u oħra, il-kliem waqa’ bħaċ-ċirasa fuq diversi affarijiet. Is-Sur Gatt kien dħuli u qalbu f’idu, u mill-ewwel għamel ħbieb mal-mama` u l-papa`.

Iżda Spotty ma ħassu xejn komdu bil-preżenza tas-Sur Gatt. Minn xħin daħal għandhom ma waqafx jinbaħ. Elise u Luca għamlu minn kollox biex jippruvaw iżommuh kwiet, daqqa jmellsulu dahru u daqqa oħra jagħtuh ħelwa f’ħalqu. F’ħin minnhom is-Sur Gatt instema’ jidħak wara li kien qasam ċajta mal-mama` u l-papa`. Spotty ma felaħx iżjed. Nebaħ tnejn kbar u telaq jiġri b’kemm għandu saħħa lejn is-salott. Is-Sur Gatt  bjad karti malli lemaħ il-kelb jinbaħ f’wiċċu u jgerger għalih. Telaq jiġri `l barra ħin bla waqt ma jmurx idabbar xi gidma bla ħsieb. Il-familja kollha baqgħet iċċassata, tħares lejn xulxin. Ħadd minnhom ma seta’ jemmen kif Spotty kien aġixxa hekk dakinhar, meta s-soltu kien ikun mans bħal nagħġa quddiem in-nies. Li kieku l-kelb kellu jivvota, żgur li s-Sur Gatt ma kienx jieħu l-uno mingħandu, għax xejn ma kien ħa grazzja miegħu.

Xarba Friska: Ilma jew Birra?

Charmaine Tanti M.A.

Kienet ġurnata sħuna fl-eqqel ta’ Lulju. Il-mama` u n-nanna Marija marru l-Belt biex jixtru libsa għat-tieġ ta’ Lora, il-ġara. Elise marret l-iskola sajf, iżda Luca ma kellux aptit imur magħha. Minflok, ried joqgħod man-nannu Ġużi, u hu aċċetta bil-qalb kollha ħalli xejn xejn ikollu l-kumpanija. Għall-ewwel, Luca qagħad isfel fis-salott maġenb in-nannu li kien medhi jaqra l-gazzetta. Iżda wara ftit tal-ħin beda jħossu jifga fis-sħana. Għalhekk qatagħha li jitla’ fuq fil-kamra tas-sodda tan-nanniet ħalli jħossu iżjed komdu.

Xegħel l-air-conditioner biex jiffriska u qagħad bilqiegħda fuq is-sodda. Imbagħad qabad ir-remote control, u wara li dam iqalleb fl-istazzjonijiet tat-televixin tgħidx kemm, sab programm tat-tfal li ġieli kien jara ma’ Elise. Ma damitx ma ħakmitu nagħsa ħelwa u xħin qam kienu diġa` daqqu nofsinhar. Kellu ħalqu xott qoxqox bil-għatx u niżel isfel biex jixrob xi ħaġa friska.

Imma x’jixrob jixrob! Bil-qatgħa li ħa meta ra lin-nannu mitluf minn sensih fil-kċina, qabditu rogħda kbira ma’ ġismu kollu. Infixel u ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. Beda jċaqlaq lin-nannu u jgħajjatlu waħda f’waħda. Wara ħafna taħbit, Luca rnexxielu jġibu ftit f’tiegħu, u n-nannu wrieh karta żgħira mwaħħla mal-friġġ bin-numru tat-tabib Farrugia miktub fuqha bil-linka blu. Luca mill-ewwel fehem x’kellu jagħmel, u kwarta wara wasal it-tabib. Baqa’ dieħel dritt maġenb in-nannu u lemaħ serbut bottijiet tal-birra vojta fuq il-mejda. Huwa beda jaħseb ħażin u meta inviżta lin-nannu, it-tabib ikkonferma dak li ħaseb. Mid-dehra, in-nannu kien xorob kemm sab birra quddiem għajnejh sakemm Luca kien qiegħed fuq, u kien f’sakra ma jarax art. It-tabib ma ħasibhiex darbtejn u bagħtu l-isptar għax kien jidher mitluq wisq.

Meta n-nannu ġie f’sikktu, it-tabib staqsieh x’fettillu siker. In-nannu wieġbu xott xott li kien segwa l-istruzzjonijiet tiegħu u xorob kemm felaħ biex iżomm ruħu frisk. It-tabib kien pront tbissem u qallu biex darb’oħra jiftaħ widnejh sew għax kien fehem kollox ta’ taħt fuq. Mhux ta’ b’xejn li n-nanna u l-mama` qabdu jroddu s-slaleb malli saru jafu x’waħda tinkiteb kien għamel in-nannu. Tassew li kien ħawwad id-dinja meta xorob xarba birra kiesħa minflok ilma li rranġatu għall-festi kkmandati. Sa mnAlla kien hemm Luca miegħu d-dar, għax kieku l-biċċa kienet tispiċċa agħar.

Il-Festa

Kien beda Awwissu u l-festa ta’ Santa Liena kienet fil-qrib. Xi jiem qabel, il-mamà ħadet lil Luca u lil Elise sa Tas-Sliema, u xtratilhom libsa u żarbun mis-sbieħ nett. Imbagħad lejlet il-festa, marru għand in-nanna Marija u n-nannu Ġużi. Malli dalam, in-nanniet u t-tfal irħewlha lejn il-pjazza ta’ Birkirkara biex igawdu l-atmosfera tal-festa. Kullimkien kien maħnuq bin-nies. In-nannu refa’ lil Luca fuq spallejh biex jara l-murtali li bdew ifaqqgħu waħda f’waħda fis-smewwiet. In-nanna u Elise qagħdu jħarsu lejn il-vetrini tal-qubbajt. It-tiżwieqa ta’ kuluri tas-sigarri tal-qubbajt imkebbin fil-fidda roża, ħadra, blu u vjola kienet iżżid mal-atmosfera allegruża tal-festa.

Mat-tokki ta’ nofsillejl beda l-ġigġifogu. Kulħadd sab postu fuq iz-zuntier tal-knisja u fil-pjazza biex isegwi l-ispettaklu. Luca u Elise baqgħu ċċassati jħarsu lejn ir-roti jduru bin-nar ikkulurit għax tassew kien fihom gost x’tara. Kien tard ħafna xħin in-nanniet u t-tfal marru lura d-dar u daħlu jorqdu mill-ewwel.

L-għada kulħadd qam kmieni u libes f’ħakka t’għajn. Elise kienet donnha pupa bil-libsa bajda silġ kollha fjuri roża żgħar u bil-kappell tat-tiben f’rasha li kien jaqta’ sew mal-kulur qastni ta’ xagħarha. Lil ħuha wkoll xeraqlu l-qalziet qasir jagħti fiċ-ċelest u l-qmis oranġjo bil-rigi bojod. In-nanna Marija żanżnet libsa roża l-ġmiel tagħha u n-nannu Ġużi libes qalziet griż u qmis bajda.

Wara ftit tal-ħin il-familja kollha marret fil-Bażilika ta’ Santa Liena. Luca u Elise kienu aktar ħsiebhom fil-marċi milli fil-paniġierku. Malli ntemmet il-quddiesa bdiet il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Santa Liena fost l-għajjat, iċ-ċapċip u d-daqq tal-marċi. Wara ftit, Luca ntefa’ bilqiegħda ħdejn il-papà u kważi raqad, iżda Elise kompliet iddur qalb il-karti mitfugħin mit-twieqi tan-nies u tiżfen mal-marċi. Sadanittant in-nannu qagħad jixrob il-birra mal-ħbieb tiegħu u n-nanna u l-mamà qagħdu jitkellmu ma’ xi ġirien.

Wara d-dħul tal-istatwa u l-barka sagramentali kulħadd telaq lejn id-dar u poġġa madwar il-mejda tal-ikel. Ir-riħa tfuħ tal-istuffat tal-fenek kienet ilha tinxtamm minn filgħodu. Issa kien imiss li jittiekel flimkien mal-ispagetti. Meta l-familja kollha kienet kielet u xorbot bil-qalb, in-nanna ħarġet il-plattini u serviet is-suflè. Kif  raw lil kulħadd medhi jitkellem, Luca u Elise marru baxx baxx fis-salott biex jiskopru x’kien hemm fiż-żewġ pakketti żgħar miksijin bil-karta minn lewn il-fidda li kienu lemħu aktar kmieni fuq l-armarju tal-kewba. Iżda kienu qegħdin fil-għoli wisq u ma setgħux jilħquhom. F’daqqa waħda semgħu lin-nanna tgħajtilhom b’dak il-leħen ħelu tagħha. Huma ħarsu lejn xulxin, u ftehmu li mal-ewwel ċans li jkollhom jerġgħu jiżgiċċaw sas-salott.

Kienu saru madwar l-erbgħa ta’ wara nofsinhar xħin il-mamà u l-papà bdew jaħsbu biex imorru lejn id-dar. In-nanna Marija refgħet lil Luca u lil Elise u tathom bewsa fuq il-warda ta’ wiċċhom. In-nannu Ġużi mar fis-salott, ħa ż-żewġ pakketti minn fuq l-armarju, u newwilhom lit-tfal. Wiċċhom xegħel għax saflaħħar kienu qabdu l-oġġetti misterjużi b’idejhom. Tahom ferħ ta’ ġenn sakemm qattgħu l-karti tal-fidda, u xħin sabu żewġ kotba bil-Malti tgħidx kemm qabżu bil-ferħ, u għannqu waħda kbira lin-nannu. Wara ftit, il-mamà, il-papà u t-tfal rikbu fil-karozza, u n-nanniet baqgħu jxejrulhom sakemm tbiegħdu sew mit-triq.

Il-Ġiżirana fl-Għalqa tal-Baruni

Ftit metri ’l bogħod mid-dar ta’ Elise u Luca kien hemm villa antika u kbira, li kienet maqtugħa mid-djar l-oħra. Fil-faċċata tagħha mhux biss kienu jispikkaw iż-żewġ kolonni m’għola sular bis-salib ta’ Malta mpinġi fuqhom, iżda anki r-rixtellu iswed miksi bis-sadid. Fuq in-naħa ta’ wara tal-villa kien hemm għalqa miżgħuda bis-siġar tal-frott. Kien faċli li wieħed jidħol fiha għax kulma kellu jagħmel kien li jaqbeż ċint m’għola xibrejn.

Il-villa u l-għalqa ta’ warajha kienu ta’ ċertu Baruni Magro Conti, li kien wiritha minghand missieru. Iżda billi tfal ma kellux, kollox tħalla mitluq wara mewtu. L-għalqa kienet saret il-post tal-mistrieħ għar-residenti tal-madwar u għat-tfal tagħhom, li kienu jmorru jilagħbu fiha u jaqtgħu l-frott fil-ħin liberu tagħhom.

Għodwa waħda, Luca u Elise ma kellhomx skola għax l-għalliema tagħhom kellhom laqgħa importanti. Il-homework kienu lestewh il-jum ta’ qabel u ma kinux jafu kif se jqattgħu l-ġurnata. Malajr ġiethom idea brillanti. Wara li ħadu l-kolazzjon niżlu sal-għalqa tal-Baruni fejn xi kultant kienu jiltaqgħu ma’ sħabhom għal xi logħba noli. Il-mamà ma qaltilhomx le ħalli jħalluha ftit fil-kwiet. Fl-għalqa ma kien hemm ħadd dak il-ħin u għalhekk setgħu jiġru ma’ kullimkien bil-kumdita`. Iż-żiffa ta’ Mejju bdiet tħabblilhom xagħarhom huma u jiġru, u jidħku ferħanin qishom żewġ għasafar meħlusin mill-gaġġa. Kienu ilhom ma jieħdu gost daqshekk fil-kumpanija ta’ xulxin għax l-istudju kien dejjem jillimitalhom il-ħin.

F’daqqa waħda, Luca rifes xi ħaġa iebsa u kieku ma qagħadx attent, kien jaqa’ fiha. Għelbitu l-kurżità biex jara x’kienet, u ġab għajnejh wara widnejh meta, minn qalb il-ħaxix salvaġġ, ġabar ġmiel ta’ ġiżirana bir-rubini kbar u ħomor ta’ kull daqs u għamla. It-tifel ħassha tqila f’idejh u xħin urieha lil oħtu hija wkoll baqgħet miblugħa. Marru jiġru dritt biha għand il-mamà u hija baqgħet sejra biha l-għassa tal-pulizija. Wara xi stħarriġ, irriżulta li xi ftit ġimgħat qabel, xi ħadd kien daħal fil-villa tal-Baruni u seraq xi ġojjelli. Il-ġiżirana tar-rubini kienet waqgħet fl-għalqa filwaqt li l-ħallelin kienu qegħdin jaħarbu minn hemm. Is-sejba li kien għamel Luca ġiegħlet lill-pulizija jitfgħu rashom fuq il-każ bis-serjetà.

X’ma jifirħux Elise u Luca meta ftit tax-xhur wara ħarġet l-aħbar li kien tkisser ċirku ta’ ħallelin li kien qiegħed jiffrekwenta n-naħa tagħhom! Kull wieħed minnhom kiel ikla ħabs talli kien wettaq diversi serqiet. Tassew li l-qawl jgħid li d-dnub ma jorqodx għax illum jew għada min jagħmel il-ħażin irid ipatti qares ta’ għemilu.

Bawxata għand it-Tabib

Is-sinjali tax-xjuħija kienu bdew jagħmlu tagħhom fuq in-nannu Ġużi. Beda jħoss saħħtu tonqos bil-mod il-mod. It-taraġ ma kienx għadu jitilgħu jiġri bħal qabel, u meta kien jimxi ftit fit-tul kienet taħkmu għejja kbira. Il-pressjoni u z-zokkor ukoll bdew juruh snienhom. Darba fost l-oħrajn in-nannu kien imissu jmur għall-viżta għand it-tabib Farrugia. Minbarra lin-nanna Marija, ħa miegħu wkoll lil Elise u lil Luca għax il-mamà u l-papà kienu nqabdu xogħol u ma kellhomx ma’ min joqogħdu.

It-tfal kellhom kurżità liema bħalha biex jaraw x’kien hemm fil-klinika tat-tabib għax qatt ma ftakru li qabel kienu daħlu hemmhekk. Malli sabu ruħhom ġewwa, ġew wiċċ imb wiċċ mas-segretarja li qaltilhom biex jistennew lit-tabib fuq is-siġġijiet tal-intrata. Qagħdu jduru mal-mejda tal-ħġieġ li kien hemm fin-nofs, u jaqbdu xi fuljetti, li kien hemm imferrxin ’l hawn u ’l hinn, u jaraw x’fihom. F’ħin minnhom in-nannu kellu bżonn imur sal-kamra tal-banju u n-nanna għenitu jasal s’hemm għax kellu jimxi kulitur twil. Wara ftit, it-tabib Farrugia ħareġ mill-kamra tiegħu u t-tfal mill-ewwel indunaw li kien qiegħed ifittex lin-nannu. Kien fih raġel b’żaqqu mdaqqsa u tonda qisha koppla, xagħru abjad qotna u ftit imwaqqa’ min-naħa ta’ wara, u wiċċu tond qisu sold u ruxxan. Fuqu kellu ġagaga bajda u kbira u f’idu l-leminija kellu n-nuċċali tal-qari. Luca u Elise ħarsu lejn xulxin u ma tkellmu xejn.

Hekk kif daħlu fil-kamra tal-viżti, it-tabib laqa’ lin-nannu bis-soltu daħka qawwija tiegħu li riegħdet ma’ kullimkien u meddu fuq sodda għolja apposta biex jinviżtah. Wissieh biex jistrieħ kemm jista’ jkun u ordnalu li jieħu xi pilloli wkoll. Wara, huwa ntasab bilqiegħda fuq l-iskrivanija, qabad il-pinna u beda jiktiblu r-riċetta tal-mediċina. Ma laħqitx għaddiet minuta li ma ħassx xi ħaġa qiegħda tiġbidlu l-qalza ta’ siequ x-xellugija. Għall-bidu ma tax kas, iżda meta l-ġbid issokta b’iżjed qawwa minn qabel, huwa ttawwal taħt l-iskrivanija. Wiċċu sar aħmar nar u tgħidx kemm kemmex xofftejh hekk kif lemaħ lil-Luca u lil Elise mejtin bid-daħk! Tistgħu taħsbu kif baqgħu n-nanniet meta raw lit-tfal ħerġin minn taħt l-iskrivanija tat-tabib! In-nanna qaltilhom biex jitolbuh skuża talli kienu daħlu hemm baxx baxx biex joqogħdu jinbxuh. It-tabib tbissmilhom u huma tbissmulu wkoll.

Malli ħarġu mill-klinika u rikbu fil-karozza tan-nannu, in-nanna indunat li Luca kellu xi ħaġa moħbija fil-komma tal-flokk. B’għaġeb kbir tagħha sabet li kien ħa n-nuċċali tax-xemx tat-tabib minn fuq l-iskrivanija tiegħu meta huwa kien medhi jinviżta lin-nannu. Hija tgħidx kemm irrabjat miegħu u n-nannu wkoll ma ħax gost, iżda ma kienx f’burdata li joqgħod jitbaqbaq. Kollha mistħija, in-nanna reġgħet daħlet fil-klinika u ħabtet fuq il-bieb tal-kamra tat-tabib. Ma damx ma fetħilha u hi newlitlu n-nuċċali tax-xemx filwaqt li spjegatlu kif kien spiċċa għandha. Huwa raddilha ħajr, tbissmilha kemm kemm, u weġibha li hija setgħet dejjem teħodhom magħha lil Elise u lil-Luca fil-klinika tiegħu basta joqogħdu jilagħbu fil-kamra magħmula apposta għat-tfal sakemm huwa jara lin-nannu. Mid-dehra t-tabib Farrugia ma riedx li jsiru aktar bawxati bħal ta’ dakinhar.

Ġurnata Speċjali għal Luca u għal Elise

Ix-xahar t’Awwissu kien iqanqal bosta tifkiriet lill-mamà u lill-papà. Kien proprju fil-bidu ta’ dan ix-xahar li huma kienu żżewġu, u fis-sena ta’ wara, il-Bambin bagħtilhom lil Elise, tarbija qisha anġlu tas-sema b’xagħarha qastni u bil-wardiet ta’ wiċċha ħomor peprin. F’għeluq is-sentejn mit-twelid ta’ Elise, il-ferħ tal-mamà u l-papà ssokta bit-twelid ta’ Luca, tifel fuq ruħu, b’xagħru u b’għajnejh suwed tuta donnu pupu minn dawk li jżejnu l-ħwienet tal-ġugarelli. Elise kienet wisq kuntenta b’ħuha u kien l-aqwa rigal li qatt qalgħet f’ħajjitha. Anki Luca kien iħobbha daqs id-dawl t’għajnejh.

Din is-sena, il-mamà u l-papà ħasbu li jorganizzawlhom festin bħal sħabhom tal-klassi lil Luca u lil Elise. Il-mamà talbithom biex iħejju l-lista tal-mistednin u meta tawhielha, hija marret tixtrilhom l-inviti. Xi ġranet qabel il-festin, il-mamà xtrat il-bżieżaq, il-karti tat-tiżjin, il-kpiepel tal-karti u basktijiet b’rigali ċkejknin għall-mistednin. Imbagħad marret għand id-dulċier u ordnat l-ikel u l-ħelu meħtieġ. Lejlet il-festin, il-papà qatta’ jum sħiħ jgħin lill-mamà fit-tiżjin tad-dar.

L-għada wasal il-jum tant mistenni, u Luca u Elise kienu mejtin bil-ferħ u bl-eċċitament. Il-ħin rawh għaddej bil-mod ħafna bħallikieku l-minutiera tal-arloġġ kienet għal btala dakinhar. Għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar kulħadd kien lest jistenna l-mistednin.

Madwar nofs siegħa wara, waslu n-nanna Marija u n-nannu Ġużi. Aktar ma beda għaddej il-ħin, aktar ġew nies, u fis-salott ma kienx hemm fejn toqgħod labra. Il-ħbieb ta’ Elise u Luca ntefgħu bilqiegħda fl-art f’nofs is-salott u għajnejhom kienu kollha fuq dak ir-raġel liebes qmis skura tleqq u qalziet pariġġ li kien qiegħed jagħmlilhom il-logħob bil-maġija. Il-qraba ntefgħu bilqiegħda fuq is-siġġijiet fil-ġenb tas-salott biex jgħidu kelma bejniethom. Id-diskors tal-papà u taz-ziju Bernard waqa’ fuq il-futbol. Iz-ziju Pawlu ma ndaħalx fid-diskursata u qagħad jibla’ u jiekol il-pastizzi u l-qassatati. Il-mamà, in-nanna Marija u z-zija Polly intilfu jitkellmu fuq il-faċendi tad-dar, u meta poġġew ħdejhom Miss Psaila u lil Miss Galea qalbu s-suġġett u bdew jitħaddtu fuq l-eżamijiet. Iz-zija Sunta qagħdet bilqiegħda ħdejn in-nannu Ġużi u tgħidx kemm daħket bil-praspar li rrakkontalha.

F’daqqa waħda daqqet il-qanpiena tal-bieb tad-dar. Luca u Elise ma setgħux jaqtgħu min ġie għax il-mistednin kienu kollha hemm. Iżda l-mamà u l-papà ma wrew ebda ħjiel ta’ sorpriża u bil-kalma kollha qalulhom biex jiftħu l-bieb. It-tfal għajtu għajta kbira bil-ferħ hekk kif lemħu lil Julie. Il-mamà u l-papà kienu stednuha bil-moħbi tagħhom biex jagħtuhom sorpriża għal għeluq sninhom. Din it-tifla kienet serqitilhom qalbhom meta għodwa waħda kienu ltaqgħu magħha l-baħar meta hija kienet għal btala f’Malta mal-mamà tagħha, Pamela. Qatt ma stennew li kienu se jerġgħu jarawha propju f’dak il-jum tant għażiż għalihom, u introduċewha mal-mistednin bħala l-ħabiba speċjali tagħhom. Hija u l-mamà tagħha kienu beħsiebhom iqattgħu jumejn għandhom u l-mamà u l-papà kienu diġà lestew kamra għalihom. Dakinhar Luca u Elise kienu qalgħu diversi rigali sbieħ fosthom dar tal-pupa u karozza ħamra tgħajjat bħal tal-Ferrari. Imma żgur li l-ikbar rigal kien iż-żjara bla mistennija ta’ Julie li żiditilhom bil-kbir id-doża ferriħija tal-festin tagħhom.
 

Ġurnata l-Baħar

Is-sajf kien ilu li beda ġmielu. Luca u Elise kienu tassew ħerqanin biex jibdew igawdu l-btajjel. Darba fost l-oħrajn il-mamà ddeċidiet li teħodhom il-baħar. Wara li libset il-malja, Elise ħejjiet il-basket tal-baħar u poġġiet fih il-brieret, in-nuċċalijiet tax-xemx, il-ballun, it-tajers, ix-xugamani u s-sunblock. Iċ-ċkejken Luca qagħad attent li oħtu ma tinsa xejn warajha. Sadanittant il-mamà kienet qiegħda fil-kċina tlesti basket ieħor mimli bl-ikel u x-xorb. Ir-riħa tfuħ tal-ħobż bil-kunserva u ż-żejt taż-żebbuġa kienet taqsamlek qalbek. It-taħlita ta’ kuluri tal-insalata tal-frott, li kienet tinkludi dulliegħ, bettieħ, ħawħ u ċiprisk kienet tagħti dehra tassew sajfija. Qabel għalqet il-basket, il-mamà qiegħdet ukoll żewġ fliexken kbar bil-meraq tal-larinġ imħallat bl-ilma.

Kienu għadhom kif daqqu d-disgħa xħin il-mamà telqet lejn il-bajja tal-Ġnejna ma’ Luca u Elise. Fi triqithom għaddew għan-nanna Marija u n-nannu Ġużi għax kienu miftehmin magħhom li jqattgħu ġurnata l-baħar flimkien. Malli waslu, in-nanna ramat l-umbrella l-kbira tax-xemx u s-siġġijiet tal-injam u n-nannu għen lill-mamà toħroġ il-basktijiet mill-karozza. It-tfal bdew jiġru fuq ir-ramel. Kienu fuq ix-xwiek sakemm il-ommhom dilkithom bis-sunblock u libbsithom it-tajer tal-għawm.

 Sa fl-aħħar kulħadd niżel iċafċaf fl-ilma baħar frisk, iżda n-nannu baqa’ bilqiegħda taħt l-umbrella jaqra ktieb oħxon. In-nanna u l-mamà qagħdu jilagħbu bil-ballun ma’ Luca u Elise. Xi kultant kienu jgħajtu lin-nannu biex forsi jinżel ħdejhom, imma huwa kien ixejrilhom filwaqt li jerġa’ jilbes in-nuċċali tal-vista u jkompli jaqra l-ktieb.

Xħin saru nofsinhar beda jagħfas il-ġuħ u l-kisra ħobż bnina għoġbithom ilkoll. L-insalata tal-frott niżlet għasel ukoll, iżda Luca u Elise riedu ġelat. Il-mamà malajr qatgħetilhom xewqithom u xtratilhom ġelat kbir tal-vanilla kull wieħed bil-gallettina fin-nofs mingħand tal-gabbana viċin il-bajja. Luca, li kien aktar żaqqieq minn oħtu, ried ġelat ieħor. Iżda l-mamà qaltlu li ġelat wieħed kien biżżejjed għax ħafna zokkor jagħmel il-ħsara lis-snien.

Wara l-ikel it-tifel kien għajjien u qagħad bilqiegħda ħdejn in-nannu. It-tifla qagħdet tagħmel il-kastelli tar-ramel bil-pala u l-barmil. In-nanna u l-mamà ħarġu jgħumu fil-fond. F’ħin minnhom Elise niżlet il-baħar bil-ballun f’idejha. Riedet taqdef mhux ħażin biex tasal fejn in-nanna u l-mamà. Il-ballun beda miexi ġmielu l quddiem qisu riħ, u Elise ħaffet sew warajh. Iżda l-għeja bdiet tagħmel tagħha wara ftit, u bdiet tħossha bla saħħa. Infexxet tgħajjat għall-ajjut, u n-nanna u l-mamà ħadu l-qatgħa ta’ ħajjithom meta sabuha qiegħda tgħum f’dak il-fond kollu. Qabadhom paniku qawwi għax it-tifla qabdet tistordi. Fil-pront tfaċċa raġel li tahom l-ewwel għajnuna. Huwa refa’ lil Elise sax-xatt, u meddha fuq xugaman tal-baħar. Wara huwa taha tazza luminata friska li għamlitilha tajjeb, u qalilha biex tistrieħ għax kienet ħadet kedda kbira fil-baħar. Il-mamà u n-nanniet ma damux ma saru jafu li dak ir-raġel li għen lil Elise kien infermier.

Kulħadd baqa’ miblugħ wara din il-ġrajja, u fi ftit tal-ħin il-mamà, in-nanniet u t-tfal irħewlha lejn id-dar. Malli l-mama fetħet il-bieb tad-dar, sabet lill-papà ferħan se jtir għax kien rebaħ ġita għal erbgħa persuni wara li kien ħa sehem f’kompetizzjoni fuq ix-xogħol. Din l-aħbar niżlitilha għasel, u l-inċident tal-baħar malajr intesa. Issa bdiet taħseb biex tibda tipprepara l-bagalji ħalli fi ftit ġranet oħra tieħu lil Luca u lil Elise għall-ewwel btala tagħhom fl-Italja.

Dak l-Imbierek Bebbux

In-nannu Ġużi kien ilu ġej u sejjer għand Ninu tal-ħaxix forsi jġiblu barmil bebbux minn xi mkien. Fl-imgħoddi, in-nannu spiss kien imur jiġbor il-bebbux ma’ ħuh Salvu minn qalb il-ħitan tas-sejjieħ, u tgħidx kemm kien jimla bramel u basktijiet bil-bebbux u jeħodhom miegħu d-dar. Imma minn mindu ż-żmien beda jagħmel tiegħu, it-tiftix għall-bebbux ma baqax isir u n-nannu kien tassew imxennaq għall-erba’ bebbuxiet stuffat jew bl-arjoli jgħaqqdu fuq id-difrejn. Ninu tal-ħaxix ma tantx kellu qligħ kbir mill-bebbux għax in-nies tal-inħawi ftit li xejn kienu jixtruh, u dan l-aħħar ma kienx baqa’ jġibu minħabba li kien jispiċċa jarmih. Iżda lin-nannu kien tħassru dejjem jistaqsih għalih, u qatagħha li jġiblu barmil bebbux sajjem biex jikkuntentah.

Tistgħu taħsbu kemm ħassu kuntent in-nannu, meta għodwa fost l-oħrajn kien fi triqtu lejn id-dar wara l-quddiesa tat-tmienja, u Ninu tal-ħaxix sejjaħlu, u tah barmil mimli bebbux kbir u sabiħ għal ftit ċenteżmi ta’ ewro! Meta n-nannu kien ikun ferħan kien jagħmel bħat-tfal, u hekk kif qabad il-barmil f’idu, telaq jiġri bih lejn id-dar bħallikieku kien sab xi teżor. Lanqas laħaq daħal ġewwa li ma bediex jgħajjat lin-nanna Marija waħda f’waħda biex juriha x’kien ġab miegħu d-dar. Minflokha, wieġbu Luca, li dakinhar inzerta ma kellux skola, u qallu li n-nanna kienet marret s’għand Tessie, il-ġara biex iġġib mingħandha xi biċċtejn ħwejjeġ li kienu spiċċaw fuq il-bejt tagħha minħabba r-riħ.

F’daqqa waħda beda jdoqq it-telefon u n-nannu ħalla l-barmil fis-salott, għalaq il-bieb warajh u mar jara min kien qed iċempel. Luca, li kien lemaħ il-barmil f’idejn in-nannu, mill-ewwel ġietu l-kurżita` biex jara x’kien fih u kif rah jitkellem fuq it-telefon, ta ġirja lejn is-salott u kixef l-għatu tal-barmil. Qatt f’għomru ma stenna li kien se jara dak il-bebbux kollu quddiem għajnejh, u tant stkerrħu, li telaq jiġri `l hemm mingħajr ma reġa’ poġġa l-għatu fejn kien. In-nannu kien siker iparla fuq it-telefon mal-ħabib tiegħu, Bertu u x’ħin in-nanna ġiet lura nesa jgħidilha li Ninu tal-ħaxix kien tah il-bebbux.

Ma damitx wisq ma saret taf b’kollox malli daħlet fis-salott dakinhar stess wara nofsinhar biex tara t-telenovella, bħas-soltu. Taha ferħ ta’ ġenn xħin rat l-art, il-ħitan, is-saqaf, il-linfa u l-għamara kollha bebbux. In-nanna nfexxet tgħajjat kemm tiflaħ u n-nannu, li dak il-ħin kien qed jixrob belgħa te fil-kċina, telaq jiġri b’kemm għandu lejn is-salott. Sab lin-nanna safra lelluxa bil-qatgħa li kellha fuqha qisha kienet rat fatat. Hu wkoll tbellah u beda jaħseb li kien qed joħlom imqajjem. Meta ġie ftit f’sensih, spjegalha li Ninu tal-ħaxix kien tah il-bebbux sajjem biex isajruh, iżda ma setax jifhem għala l-bebbux kien ħareġ minn postu. L-għatu kien rasu `l isfel fl-art ħdejn il-barmil, imma hu kien ċert li ma kienx neħħieh minn fuq il-barmil u qiegħdu hemmhekk.

Ma kinitx biċċa xogħol faċli biex jinġabar dak il-bebbux kollu minn kull rokna tas-salott. Billi l-mama` u l-papa` kienu bis-sahra dakinhar, il-ġirien kellhom jagħtu daqqa t’id lin-nanniet ħalli jiffrankaw battikata kbira minħabba l-eta`. Il-bebbux qatt ma daħal iżjed għandhom wara l-ġrajja ta’ dakinhar ma jmurx l-istorja tirrepeti ruħha minħabba xi ħadd kurjuż. U n-nannu Ġużi kellu jibqa’ bix-xewqa tal-bebbux, miskin.