Biex il-Kliem Ikun Sew

Martin Morana

Purfumatur / Profumatur

PURFUMATUR/PROFUMATUR   Dak il-bniedem li jiddiżinfetta l-oġġetti jew lin-nies kontra l-mard li jittieħed. Agius de Soldanis jgħid li l-pesta tal-1675-76 kienet eliminata għalkollox meta kienu ġew numru ta’ profumaturi minn Marsilja u ddiżinfettaw id-djar, il-ħwejjeġ u n-nies. Sors: Gozo – Ancient and Modern Religious and Profane, p. 148.

Pentiment

altPENTIMENT   Il-figura fantażma li tidher f’ċerti pitturi. Fil-pittura ta’ Santa Katerina, li hemm esebita fil-Mużew tal-Arti, il-Belt, il-pentiment li jidher hu marbut ma’ suġġett ta’ tema totalment differenti, li tittratta x’aktarx il-martirju ta’ San Pawl. Jidher għalhekk li l-istess tila li ntużat biex ikun impinġi dan il-qaddis reġgħet intużat biex issir ix-xena tal-martirju ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra. Għaldaqstant dan mhux pentiment, għaliex biex ikun pentiment dan irid ikun ċaqliq tad-disinn tas-suġġett impinġi, hekk kif l-artist iħoss li għandu jbiddel il-pożizzjoni tal-figuri jew parti minnhom fuq it-tila. Eżempju ta’ pentiment fil-veru sens tal-kelma jidher fix-xogħol ta’ Guido Reni li hemm fl-istess mużew. Hawn jidher ċar li l-pittur ċaqlaq id-driegħ u l-minkeb ta’ Kristu. Mit-Taljan pentimento – bil-Malti dispjaċir (u għaldaqstant korrezzjoni).

Panew

altPANEW (f’sens ta’ arkitettura) (pl. panewijiet)   Wieħed jista’ jirreferi b’dan in-nom għal xi tip ta’ dekorazzjoni fil-ġebel, ħafna drabi maħduma fis-saqaf ġo xi bini antik ta’ ċerta importanza. F’Malta hawn ħafna binjiet fejn is-saqaf hu ddekorat f’dan l-istil. Forsi l-aktar li jispikkaw huma dawk ta’ xi knejjes, inkella s-soqfa f’xi bereġ tal-Ordni. Jidher li dan l-istil dekorattiv kien beda jkun applikat f’Malta mit-tieni nofs tas-seklu sittax. Naraw dan ix-xogħol f’bosta binjiet, pereżempju fl-entratura oriġinali tal-Berġa tal-Italja, fi Triq il-Merkanti, il-Belt, kif ukoll fil-binja tal-Berġa ta’ Franza, fil-Birgu. II-kelma x’aktarx ittieħdet minn PANNELL, li tfisser ‘drapp li jitqiegħed taħt is-sarġ fuq dahar iż-żiemel’. Bl-Ingliż coffering.
 

Naspla

altNASPLA   Il-qawl ‘In-naspla saret u ċ-ċawla taret’ hu spjegat fil-ktieb ‘Ara X’Int Tgħid’.  Ma’ dak spjegat xtaqt nagħti biss xi informazzjoni oħra li għaddihieli Anton F. Attard.  Dan il qawl  hu x’aktarx mibdul mit-taqbila oriġinali. Il-qawl suppost jgħid hekk: Il-lira sfaret u ċ-ċawla taret. It-taqbila nħolqot meta fi tmiem tas-seklu dsatax kien falla l-Bank ta’ Rosa Pace, li kien imlaqqam ‘il-Bank taċ-Ċawla’. Dan il-Bank kien jinsab fi Strada San Franġisk, il-Furjana. Anki t-triq fejn kien hemm dan il-Bank spiċċat imlaqqma ‘It-Triq taċ-Ċawla’. Meta Rosa Pace bdiet tissellef il-flus tad-deheb bi mgħax għoli, falliet. Ir-riferenza għall-flus li sfaru hi għal-liri tad-deheb. Meta falla l-Bank, lil Pace tellgħuha l-Qorti iżda ħarġet illiberata u għamlet festa. Ħajr: Anton F. Attard.

Misraħ

MISRAĦ (pl. msieraħ)   Ġan Franġisk Abela (1647) jiddeskrivi l-misraħ bħala l-pjazza tar-raħal qrib il-knisja, fejn in-nies kienu jinġabru fil-jum tal-Ħadd jew f’xi festa pubblika biex iqattgħu l-ħin jitħaddtu flimkien. Fil-ktieb Place-names ta’ Godfrey Wettinger insibu aktar minn erbgħin post li fih hemm inkluż dan l-appellattiv. Biss, dawn x’aktarx kienu nħawi fejn jirgħaw il-mogħoż. Fost dawn insibu Misraħ il-Kbir, Misraħ il-Mitħna, Misraħ il-Wardija u l-Imsieraħ, li llum ħafna minnu nbena u sar il-lokalità ta’ San Ġwann.

Matriċi

MATRIĊI   Biex tkun vera Matriċi, il-knisja omm trid taddotta lill-parroċċa bint, u l-isqof jistabbilixxi għeliem kif il-parroċċa bint (li tissejjaħ ‘il-filjali’) għandha turi r-rispett lill-parroċċa omm. Pereżempju: Meta Ta’ Sannat, ix-Xagħra, in-Nadur u ż-Żebbuġ saru parroċċi, l-isqof semma x’kienu ngħataw bħala dota. Biss, kien ukoll ordna lill-kappillani l-ġodda biex jagħtu xemgħa ta’ libbra lill-arċipriet tal-Matriċi ta’ Santa Marija, waqt il-quddiesa solenni ta’ nhar il-festa titulari fil-15 ta’ Awwissu, lebsin bl-ispellizza u bl-istola, bħala għelm ta’ suġġestjoni lejh. Ħajr: Anton F. Attard.

Laċertu / Luċertu

altLUĊERTU/LAĊERTU   Muskolu li jinżel mal-koxxa ta’ wara tal-barri jew baqra meta dan jinqatel u jitqatta’ għall-ikel. Biċċa laħam li tinqata’ għat-tisjir min-naħa tal-wirk (il-ġenb warrani) tal-istess annimal. Bħala laħam din mhix l-ifjen parti biex tittiekel, anzi hi kkunsidrata bħala ta’ kwalità inferjuri, għax meta tissajjar din tibqa’ pjuttost xierfa biex tikolha. Minkejja dan, bosta jordnawha bil-ħsieb li jitfgħuha fil-borma ħalli tagħti togħma ’l-brodu, u hekk, xħin iddub bit-togħlija, tittiekel f’biċċiet żgħar. Il-luċertu jista’ jissajjar ukoll f’dixx fil-forn b’ħafna meraq. Mit-Taljan lacerto. Bl-Ingliż salmon cut of silverside jew rump roast.

Labrè

altLABRÈ   Skont l-għajdut tal-folklor Malti, San Benedittu Ġużeppi Labrè kien żar Malta u Għawdex. Skont it-tradizzjoni, matul din il-miġja l-qaddis kien żar is-Santwarju tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla u dak tal-Mellieħa, u kien jitlob fuq it-taraġ ta’ San Ġakbu, fi Triq il-Merkanti. F’Għawdex żar il-Kunċizzjoni tal-Qala, il-Matriċi ta’ Santa Marija (illum il-Katidral), is-Santwarju tal-Grazzja u l-Kapuċċini, u kien ukoll jitlob fuq iz-zuntier ta’ San Ġorġ, ir-Rabat. Fl-istess belt hemm kappella fi Triq Fortunato Mizzi, qrib fejn kien hemm il-Kamra tal-Lampa, li jgħidu li kien jorqod fiha. Hawn illum hemm statwa ta’ dan il-qaddis. Sors: Anton F. Attard. Ara aktar fil-ktieb Bejn Kliem u Storja.

Kus

altKUS   Mikiel Anton Vassalli (1828) jagħti dan il-qawl: ‘La ddendilx kusek f’bieb l-imgħallaq.’ Skont l-ispjega ta’ M.A.V. l-kus kien kontenitur bħal bieqja biex fiha jkun merfugħ iż-żejt. Vassalli jispjega li n-nies tal-

alt

kampanja kienu jdendlu l-kus mal-bieb biex jiskansaw li jilħquh in-nemel. M.A.V. jgħid li l-analoġija tal-kus u l-imgħallaq qiegħda hemm biex twissi li mhux ta’ min wieħed idendel il-kus mal-bieb ta’ dawk li jiġu mill-imgħallaq, għax dawn jistgħu jistħajlu li din hi mossa magħmula apposta biex tniggiżhom (il-kus jissimbolizza l-imgħallaq imdendel). 

Din l-analoġija, skont M.A.V., isservi biex tgħallem li mossa innoċenti, jekk issir ma’ xi ħadd li mhux suppost, tista’ tkun interpretata b’mod suspettuż. Inħoss li din l-analoġija mhix b’saħħitha u ċara biżżejjed. Nissuspetta li ‘mgħallaq’ hi korruzzjoni ta’ ‘magħlaq’, post magħluq, eż. bħal armarju li fih jitqiegħdu l-affarijiet bżonjużi, u għalhekk jagħmel aktar sens meta wieħed iwiddeb li l-kus ma għandux jiddendel mal-bieb tal-magħlaq, biex ikun evitat li dan il-kus jinkiser f’qasir żmien, billi l-magħlaq jinfetaħ u jingħalaq ta’ spiss. Fi kliem ieħor mhux ta’ min wieħed jissogra f’xi ħaġa li mhix soda jew ma’ xi ħadd li ma tistax tafdah.

Koċċ

KOĊĊ   Il-plural ta’ ‘koċċ’ hu ‘kċuċ’. Min jiżra’ bil-kċuċ ikun qiegħed jitfa’ ftit żerriegħa fil-ħofra (jew kif jgħidu n-nies tal-biedja, fil-bejta). Għalhekk filwaqt li ‘koċċ’ tfisser ‘ħafna’, f’Għawdex ukoll ‘kċuċ’ kienet tfisser ‘ftitijiet’! Sors: Anton F. Attard.