Biex il-Kliem Ikun Sew

Martin Morana

Karettun tal-Bolrejs

altKARETTUN TAL-BOLREJS   Dan kien ikun tista’ tgħid meqjus bħala l-ġugarell tal-avventuri tat-tfal. Kien ikun magħmul minn injama, x’aktarx tavla żgħira ta’ madwar 40 ċm x 30 ċm, ċatta imma soda, li tkun tiflaħ tifel li joqgħod bilqiegħda fuqha. Minn taħtha jgħaddu żewġ injamiet bħal kurrenti kull naħa tat-truf fil-wisa’ biex mat-truf tagħhom jintrabtu l-bolrejs biex dawn jintużaw bħala roti żgħar li jkunu b’saħħithom. Imbagħad kienet titwaħħal, minn taħt din it-tavla jew twavel, injama żgħira u dejqa fin-nofs minn taħt, u bi skorfina tifforma maqbad li jiċċaqlaq u b’hekk idur skont id-direzzjoni kif jinġibed mill-ħabel irqiq jew lenza, kif ikun hemm bżonn, minn dak li jirkeb il-karettun. Ir-roti ta’ dan il-karettun kienu dejjem ikunu tal-bolrejs (ball bearing races). Dawn il-ball races kienu jkunu meħuda minn xi spare parts ta’ xi ger tal-karozza jew tal-ajruplani li jkunu ġew skrappjati.alt Dawn x’aktarx kienu jinxtraw mingħand xi regettier tal-iskrapp. Bi tlieta jew b’erbgħa minn dawn ir-roti tal-ball bearing imwaħħlin waħda ma’ kull tarf tal-kurrenti, u ġieli oħra fin-nofs taħt il-maqbad forma ta’ salib, dawn il-karettuni kont toqgħod bilqiegħeda fuqhom u tiġri fit-toroq, naturalment fejn it-triq tkun lixxa, u l-aħjar fejn it-triq tagħti għan-niżla. Dan il-karettun żgħir kien ipaxxi lit-tfal għax kienu qishom qegħdin isuqu xi karozza ta’ veru. Ir-roti tal-ball races iħokku mal-art kienu jagħmlu ħoss tremend, u minħabba f’hekk malajr kont tara xi ġirien ħerġin għal dawn it-tfal biex ifittxu jmorru band’oħra. (Informazzjoni miġbura kemm mill-esperjenza tal-awtur innifsu kif ukoll minn oħrajn li kitbu fuq Facebook, eż. Guido Michael Tabone u Lawrence Fenech.)

Karrakka

altKARRAKKA   Dwar il-paragrafu li jidher f’Bejn Kliem u Storja, fejn hi deskritta l-karrakka tal-Ordni, u l-analoġija ma’ xi karozza antika, hi ħaġa stramba li Mikiel Anton Vassalli ma jagħti l-ebda referenza għall-karrakki tal-Ordni ta’ San Ġwann. Hu jiddeskrivi l-karrakka bħala dak il-bastiment li xogħlu kien li jħammel qiegħ il-baħar. Minflok, Vassalli jgħid li din kienet kelma li tirreferi għal dik il-qoxra tal-baħar li kienet tnaddaf il-qiegħ tal-baħar mill-ħama (stromento con cui si purgano i porti. Donna grossa e grassa). Din tal-aħħar hi metafora li tikkorrispondi mal-kliem dispreġġattiv li jingħad meta xi ħadd jiddeskrivi xi mara qawwija.

Karfusu

KARFUSU   Wieħed mill-ismijiet mogħtija lix-xitan. Dan hu wkoll l-isem ta’ logħba tat-tfal. F’din il-logħba jintgħażlu tlitt itfal. Tifel jew tifla j/tagħmilha ta’ Ġesù, tifel jew tifla oħra j/tagħmilha tal-anġlu u tifel ieħor jew tifla oħra j/tagħmilha ta’ Karfusu, jiġifieri tax-xitan. Dik il-persuna li tagħmilha ta’ Ġesù, b’vuċi baxxa biex ma jisimgħuhiex ‘l-anġlu’ jew ‘Karfusu’, tagħti isem ta’ kulur lil kull wieħed u waħda mit-tfal li jkun hemm madwarha. Imbagħad jersqu lejha l-anġlu u Karfusu u jsaqsuha x’tip ta’ kuluri hi tat lit-tfal. Fil-fatt din il-mistoqsija jsaqsuhielha bit-Taljan: ‘Che colore?’ L-anġlu u Karfusu jibdew jissuġġerulha kulur wieħed wara l-ieħor, kif imisshom skont it-tokk. Kull darba li ż-żewġ karattri jaqtgħu l-kulur tat-tfal, dawn it-tfal ikollhom imorru ħdejn dak li jkun qata’ l-kuluri. Fl-aħħar jingħaddu kemm-il tifel jew tifla hemm mal-‘anġlu’ u ma’ ‘Karfusu’, u jirbaħ dak li jkun qata’ l-akbar numru ta’ kuluri u għaldaqstant ġabar l-aktar tfal miegħu. Sors prinċipali: Logħob, Taqbil u Ġugarelli ta’ Guido Lanfranco, Wise Owl Publications, p. 35.

Għażżiela

altGĦAŻŻIELA   Apparti ż-żewġ spjegazzjonijiet li din il-kelma ngħatat f’żewġ volumi differenti, hemm tifsira oħra. L-għażżiela hi wkoll bħal qagħqa magħmula minn għaġina ċatta u ddisinjata b’disinn attraenti u pjuttost elaborat. Tixbah xi ftit fid-disinn l-ostja l-kbira li s-saċerdot jikkonsagra waqt il-quddies, biss fiha forma u disinn, qisha maħduma bl-arkett. L-għaġina kienet tkun imħallta b’diversi ħwawar. Fis-seklu sbatax l-għażżiela kienet tissajjar biex tingħata lill-foqra. Kien hemm legati li kienu jinkludu ikliet magħmula mill-għażżiela, li kienu jitqassmu fil-festi. L-għażżiela kienu jdendluha fid-dar biex tipproteġi lilha u lil min jgħix fiha kontra s-sajjetti.

Ħakkieka

altĦAKKIEKA   Oġġett li wieħed jista’ juża biex iħakkek bih, eż. 1. ĦAKKIEKA TAL-ĠOBON (ngħidulha ‘mħakka’) – strument normalment tal-metall b’ħafna toqob ippuntati ’l barra, li wieħed juża biex fuqhom iħokk il-ġobon jew ikel ieħor, biex dan jitfarrak jew jitqaxxar fi frak żgħir ħafna.  

ĦAKKIEKA TAL-ĦASIL   Oġġett li jintuża biex wieħed ikun jista’ jogħrok dawk il-partijiet tal-ġisem li huma diffiċli biex jintlaħqu. Din it-tip ta’ ħakkieka tkun magħmula mill-għadam ta’ xi annimal maħdum apposta, jew materjal ieħor. Normalment ikollha manku twil biex wieħed ikun jista’ jżommha. Ara ĦAFFIEFA. Ħakkieka oħra hi dik taċ-ċarruta, li tintuża biex tnaddaf il-ħġieġ jew l-għamara.

2. Figurattiv appellattiv li jintuża għal xi mara li tagħmilha mal-irġiel biex takkwista dak li trid mingħandhom. 3. U ma rridx ninsa nsemmi l-aktar ħakkieka importanti: il-ħakkieka tal-krikk! Il-krikk huwa l-brejk tal-karettun li jkollu ħadida sura ta’ ċoff vertikali li jross maċ-ċirku tar-rota biex irażżanha. Il-krikk jintuża l-aktar fit-toroq li jagħtu għan-niżla. Meta xi ħadd ngħidulu “ħakkieka tal-krikk” ikun ifisser li għandu lsienu ħażin u li jobrox, għax ikun iħobb jibbottja u jinsulenta lin-nies bil-botti.

Ġunta Djoċesana

ĠUNTA DJOĊESANA Fis-snin ħamsin il-Ġunta Djoċesana kienet komposta minn dawn l-għaqdiet reliġjużi: l-Azzjoni Kattolika, tal-Mużew (jiġifieri, s-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija), il-Legion of Mary, iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, il-Kongregazzjonijiet Marjani, il-Catholic Women’s League, il-University Students’ Catholic Guild, in-Knights of St Columbia, ix-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla, l-Appostolat tat-Talb, l-Opri Pontifiċji Missjunarji u l-Unjoni Kattolika San Ġużepp.  Din hi informazzjoni miżjuda ma’ dik diġà mogħtija fil-ktieb Ara X’Int Tgħid.

 

Exiles

alt

EXILES   Hawn min jgħid li l-inħawi tal-Exiles, li hemm Tas-Sliema, qrib fejn hemm Ġnien l-Indipendenza u taħt it-Torri ta’ De Redin, kienu ħadu isimhom mill-fatt li hemm kienu jinżlu regolarment ir-refuġjati Russi li kienu ħarbu mir-Russja waqt ir-rivoluzzjoni li seħħet fis-sena 1917. Oħrajn isostnu li l-bajja ħadet isimha mill-fatt li f’dawk l-inħawi, mill-bidu tas-seklu għoxrin ’il quddiem, kien fetaħ ‘The Exiles Club’, li kien speċi ta’ klabb tal-isports fejn dawk l-impjegati tal-Eastern Telegraph Company (li wara bdiet tissejjaħ Cable and Wireless Ltd), kienu jiltaqgħu biex jissoċjalizzaw. Billi dawn l-impjegati kienu jservu f’Malta għal bosta snin, kien ikun hemm fergħa ta’ dawn il-klabbs f’kull stazzjon ta’ dan is-servizz. L-Eastern Telegraph Company oriġinarjament kellha l-uffiċċju prinċipali tat-telegrafija fil-Belt. Biss, fil-bidu tas-seklu għoxrin dan l-uffiċċju ttieħed lejn il-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan.
altKonsegwentament, l-impjegati ta’ din il-kumpanija, li bosta minnhom kienu Ingliżi, ngħataw post bħala residenza f’Tas-Sliema. Ix-xatt tal-Exiles kien il-post fejn kienu jħobbu jiltaqgħu. Tgħid kienu dawn l-impjegati stess li laqqmu l-klabb ‘Exiles’, ħalli b’mod umoristiku jipparagunaw lilhom infushom bħala eżiljati mill-Belt?

minn Biex il-Kliem ikun Sew

Filjali

FILJALI   Parroċċa filjali hi dik il-parroċċa li tibqa’ tagħraf lill-parroċċa l-oħra minn fejn tkun ħarġet bħala l-matriċi tagħha. Pereżempju fir-Rabat, Għawdex, kien hemm tliet parroċċi filjali: Savina, San Ġakbu u San Ġorġ. Fihom kienu jsiru s-sagramenti kollha ħlief il-magħmudija, li kienet prerogattiva tal-matriċi. Il-filjali huma wkoll dawk il-knejjes żgħar li jinsabu fil-qrib tal-parroċċa. Dawn jissejħu wkoll ‘sukkursali’ – jiġifieri fergħat tal-parroċċa. Biex nagħtu eżempju ieħor, Ħaż-Żabbar ħareġ bħala parroċċa filjali mill-parroċċa taż-Żejtun fl-1616. Għaldaqstant, mela, il-parroċċa taż-Żejtun baqgħet il-parroċċa matriċi (jiġifieri bħala omm) għal dik ta’ Ħaż-Żabbar. Ħajr: Anton F. Attard.

Ċmajra

ĊMAJRA   Riħ li wieħed jieħu meta dak li jkun joqgħod imperreċ, jiġifieri mhux liebes sew, b’mod li jżomm ruħu sħun, jew meta jintasab bejn żewġt irjieħ. Riħ fl-għadam, bħal rewmatiżmu eċċ. Mikiel Anton Vassalli fid-dizzjunarju tiegħu (Lexicon, li kien ippubblika fl-1796), jgħid li ‘ċmajra’ tfisser marda li taħkem lill-bhejjem meta dawn tiksħilhom rashom. Mit-Taljan cimurro – Malti: il-likwidu li jqattar mill-imnieħer meta wieħed ikollu l-flissjoni. Qawl: Tagħti l-pesta u tieħu ċmajra. Dan il-qawl jingħad meta xi ħadd ikun għamel xi ħaġa ħażina u dan imbagħad jirċievi lura azzjoni ħażina oħra bħala tpattija.  

2. TIFEL ĊMAJRA – Tifel imqareb ħafna.

Belliegħa

altBELLIEGĦA   Fil-folkor din kienet speċi ta’ mostru li jgħix u jgħasses fil-bir; imma tista’ tkun ukoll dik il-qawwa tal-baħar li titla’ l-art qisha tsunami, biex tibla’ n-nies. Skont il-leġġenda, jew aħjar l-istorja folkloristika, il-belliegħa belgħet is-seba’ tfajliet sbieħ ta’ Selika. Din hi storja li kienet irrakkuntata fl-antik u miġbura minn Patri Manwel Magri. Il-Belliegħa hi wkoll l-isem ta’ post li jinsab fil-limiti tar-Rabat, Għawdex. Sors: Anton F. Attard.