Biex il-Kliem Ikun Sew

Martin Morana

Bezzun/ Buzzun

altBEZZUN / BUZZUN   Kontenitur li fih fl-antik kien jinżamm il-ġelat f’temperatura kiesħa biex dan ma jinħallx.   ĠELAT TAL-BEZZUN   Dan hu dak il-ġelat, l-aktar granita, li jisserva wara li jittella’ bil-kuċċarun jew mgħarfa minn dan il-kontenitur. Il-bezzun tal-ġelati kien jintuża biex jinħadem il-ġelat fih. Kien jgħaqqad il-ħalib, il-krema, iz-zokkor u l-essenza biex isiru ġelat. Il-ġelat kien jitqiegħed ġol-frak tas-silġ miżjud bil-melħ. Il-melħ iniżżel it-temperatura minn 0 ċentigradi għal-4, u b’hekk jgħaqqad il-ġelat. Barra minn hekk xi ħadd kien fl-istess ħin joqgħod idawwar il-bezzun fis-silġ biex il-ġelat ikun jista’ jagħqad. Mingħajr id-dawrien it-taħlita tal-ħalib ma kinetx tkun tista’ tagħqad. Il-ġelat jibqa’ fil-bezzun sakemm dan jitqassam. alt

2. Nefħa fil-ġisem, li normalment titla’ meta wieħed jaqla’ xi daqqa. Etimoloġija mill-Isqalli bozzone; bil-Malti nefħa, bozza, oġġett minfuħ.

3. Għamla ta’ ħobż (fancy bread) li normalment jittiekel bħala snekk, id-dar jew fuq ix-xogħol, mill-ħaddiem jew waqt xi ħarġa fil-kampanja. Dan jinqasam bis-sikkina biex jiddellek bil-butir eċċ. u fih jitqiegħdu perżut, ġobon u affarijiet bħal dawn. Etimoloġija mill-Isqalli pizzuoni; mit-Taljan pezzo.

Fabiżonjo

FABIŻONJO   Terminu li fl-antik kien jintuża ħafna min-nies tal-palk. Din il-kelma tirreferi għall-oġġetti li jkun hemm bżonn jintużaw mill-atturi waqt ir-rappreżentazzjoni u l-interpretazzjoni tal-karattri tagħhom fid-dramm. Il-kelma spiċċat tirreferi wkoll għal dak il-bniedem li jkun dejjem wara l-kwinti biex hekk kif ikun se joħroġ l-attur inewwillu jew ifakkru biex joħroġ miegħu dak l-oġġett li għandu bżonn iżomm, eż. ktieb, sikkina, maktur u affarijiet simili li jkun se juża waqt l-interpretazzjoni tiegħu. Tal. fa bisogno.

Anzac

altANZAC   Wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb Ara x’Int Tgħid, li fih din il-kelma kienet imfissra, kien inawgurat mafkar fl-Argotti biex jikkommemora lil dawk is-suldati Awstraljani u New Zealandiżi li mietu f’Gallipoli. Dan il-monument maħdum minn Ġanni Bonnici kien inawgurat fit-23 ta’ Mejju tal-2013.

Daħla

altWara li f’dawn l-aħħar ħames snin jien ippubblikajt tliet kotba, kollha relatati ma’ kliem antik Malti u s-sinifikat tiegħu matul iż-żmien, jien kont ikkonkludejt li dak il-kliem kollu li kelli nispjega lill-qarrejja issa kien lest kollu kemm hu. It-tliet kotba huma Bejn Kliem u Storja, Ara x’Int Tgħid u l-aħħar ktieb Biex il-Kliem Ikun Sew. Dawn it-tliet kotba għadhom jistgħu jinxtraw mingħand il-BDL.
 
Ħeqq, sewwa jgħid il-Malti, li ‘fid-dinja kulħadd jista’ jiżbalja’, u hekk ġrali jien. Dan għaliex wara li bdejt nitpaxxa b’dak li rnexxieli nippubblika, u nara l-impatt li dawn il-kotba ħallew fuq dawk li qrawhom, xorta għadni, minn żmien għal ieħor, insib xi kelma jew oħra ’l hawn u ’l hinn li jien s’issa ma kontx naf biha. Kultant kelma niltaqa’ magħha jiena u naqra xi ktieb antik, kultant meta nkun qiegħed nitkellem ma’ xi ħadd u dan isemmili xi kelma li kienet tingħad u li jien qatt ma bsart li teżisti.
 
Imbagħad kien hemm min ikkuntrarjani dwar dak li jien spjegajt u pprova jikkonvinċini li l-kelma kif spjegajtha jien mhux biss tfisser hekk imma tista’ wkoll ikollha tifsiriet oħra. Ħa ngħidu kollox, ġieli kellhom raġun. L-Ingliżi jgħidu, ‘Never say never again.’ U jien ser ikolli nobdi dan il-qawl Ingliż, anki jekk il-kotba ma ktibthomx bl-Ingliż, ħeqq!
 
Nittama li dak li se taqraw hawn jagħmel sens ta’ kontinwazzjoni ma’ dak li diġà deher u allura nqara minn bosta. Dan qiegħed ngħidu biex il-kliem ikun sew. 
 
Martin Morana
Jannar 2016
 

Andar

Din ir-rokna tinkludi kliem meħud mill-kotba ta’ Martin Morana, Bejn Kliem u Storja, Ara x’Int Tgħid u Biex il-Kliem Ikun Sew. Se nibdew nagħtukom kelma fil-ġimgħa b’tifsira interessanti u aktarx ġdida jew aġġornata.

altANDAR Ġużè Aquilina u Erin Serracino Inglott iqabblu dan mal-qiegħa (bl-Ing. threshing floor). Anton F. Attard, li hu studjuż Għawdxi tal-folklor, jagħmel distinzjoni bejn il-qiegħa u l-andar, għax tal-ewwel hi l-art fejn jindires il-qamħ waqt li l-andar hu l-ambjent tal-madwar, fejn ix-xogħol ikun organizzat. Fuq l-andar ikun hemm il-ħalel (imniezel) taż-żara’ (qamħ u xgħir), it-tiben wara li jindires, il-karfa, il-karrettun u l-għodod tal-qiegħa: il-minġel, il-midra, il-luħ, l-għeriebel eċċ. L-espressjoni ‘għamel andar’ tfisser l-istess bħal meta wieħed jgħid ‘għamel mandra sħiħa’. Il-qiegħa hi dik il-parti tal-andar fejn isir id-dris tal-qamħ proprju. Ħajr: Anton F. Attard.alt