Ħsieb: Joseph Henry Abela

Qattajt il-karti

altTrid jew ma tridx tieħu grazzja ma’ xi ħadd tfittex li tkun miegħu jew magħha u tiftaħ qalbek ukoll, u tibni fis-sod.

Jiġri iżda illi kelma, mġiba, ħsieb, kumment jagħti xaqliba oħra tal-għamla tal-għaqda li jkun hemm u jispiċċa kollox. Tkun qattajt il-karti.

F’ħajjitna jinqalgħu ntoppi; xkiel; dubju; se jheżżu, issa tista’ tieħu għalik għax dritt għax ħadd ma jagħmillek bżieq fuq mnieħrek u tista’ tara kif iddur magħhom.

Fil-ħajja tiltaqa’ ma’ kollox. Ma tridx tħalli kollox jinfluwenzak, imma l-anqas ittajjar ħbiberija ta’ tul ta’ snin għax moħħok ma tħaddmux.

Kien hemm bosta li qatgħu ħesrem bla ma xtaru u talbu parir. Illum qalbhom maqsuma; biex tibni ddum; biex tħott ma trid xejn.

Ħbiberija hi bħal bizzilla, fiha x-xogħol, imma meta tħares lejha, tpaxxik bis-sbuħija u l-irqaqat.  

Bum Bum

altIl-Ħajja qisha l-istess: tqum, tinħasel, tiekol, toħroġ, taħdem, terġa’ lura, tiekol u torqod; qoffa ġejja u oħra sejra.

Bidla taf togħġob: bidla għal aħjar ngħidulha festa. Festa fejn ikun hemm libsa ġdida, purtieri, tiżjin, ikel, stedin u wkoll sparar.

Bosta huma dawk li jiġġennu bil-bombi u tarahom jinġabru u jogħxew bil-kulur u t-tifsil u dwal, u oħrajn l-bombi jġennuhom u ma jħalluhomx jorqdu, ibeżżgħuhom u jagħmlulhom il-ħsara, theżżiż u ċaqliq.

Min hu dilettant mhux dejjem jista jagħmel il-kalkoli, jifraħ, jogħxa u jinsa. Min-naħa l-oħra min jitwerwer, jiftakar u jkun jixtieq li l-ħin jgħaddi malajr.

Studju li jista’ jsir fuq il-widna jista’ juri kemm hu l-ħoss li t-tanbur tal-widna ma’ jagħmilux ħsara u min hemm tibda l-ħidma jew ix-xogħol tan-nar.

B’qari, tertuqa u għarfien jista’ jkollhu ’l Bum Bum li ma jdejjaqx, ma jagħmilx ħsara li jagħti gost u jiġbed iżjed nies. Aħseb kemm kemm jekk jinġabru l-ħinijiet tal-ħruq tan-nar kif ukoll irjien u ikun hemm kalendarju tal-jiem u l-ħin tan-nar u fejn, u wkoll is-saħħa tiegħu.

B’hekk dak li jista’ jdejjaq, jirfina u jagħti pjaċir. Mhux saħħa għal BUM BUM imma IRFINAR biex nar u ħoss jitgawdew aħjar.  

Il-Kappillan ta’ Malta

altSant’ Iermu wieqaf sabiħ fil-bidu tal-Belt Malta jilqa’,  jħares u jsebbaħ il-madwar:  ġmielu issa qed joħroġ aħjar.

Kittieb barrani Nicholas Monserrat, li fost ir-rumanżi magħrufa tiegħu nsibu ‘The Kappillan of Malta’ jiġbor ġrajjiet Malta u Għawdex u r-rabta tagħhom mal-qassis.  Hawn min il-qassissin ma jġarraħhomx fi żmien meta kien hawn Kotra, kien hemm min jsejjaħ lil Malta, Gżira Kunvent. Aktarx kien Dwardu Ellul.

Illum jingħad li hawn in-nieqes, kollox ma’ kollox f’Sant’ Iermu l-Belt Malta kien hemm reċta tal-Kappillan ta’ Malta.  Jidher ċar u b’saħħtu l-irbit li hemm bejn il-qassis u l-Malti.

Fit-taħbit tal-gwerra, fil-kenn ta’ taħt l-art, il-qassis kien il-ħolqa fil-kenn u r-rifda tal-Maltin fil-ħbit mill-ajru.  Ix-xenarju flimkien ma’ l-atturi ħarġu bil-qilla u bil-ħlewwa ċ-ċaqliq kollu taħt l-art, kif ukoll iċ-ċaqliq politiku u tal-Knisja. Il-ġid u t-tajjeb jintesa’ u jitlaq u jeħħel biss ma’ mħuħ ta’ persuni profondi.

Nicholas Monserrat hu li ra’ dan u Mario Azzopardi qallu biex il-Maltin b-ilsienhom jgħożżu u r-rabta li għandhu ir-ragħaj mal-bniedem. Togħxa tahra l-imħabba tal-qassis minkejja ix-xkiel min daru u mill-Knisja u jibqa’ jaqdi dmiru. U ttarrfu biex ma’ jkomplix jagħmel il-ġid.

Min ra u fehem jaf x’qed ngħid, min ma’ rahx jekk jarah japprezzawh aħjar.

Grazzi Mario Azzopardi, atturi Maltin miċ-ċkejknin sal-kbar li tajtu sehemkom u ruħħkom biex twasslu l-imħabba dejjiema ta’ Alla mal-kotra bis-saħħa tal-qassis.

Rexta qaddisa li tagħmlilna ġieħ !

Ħanut tat-Tè

altIl-Belt Malta miexi nħaffef, kelli xi xogħol u ġbidt fi triq dejqa biex inserraħ f’ħanut ċkejken tat-tè, biex naqra l-gazzetti u nieħu torta tal-laħam, u sibt kollox maqlugħ u se jsir tibdil, u se jsir ħanut tal-fwieħa. Qsamt qalbi.

Mhux għax se jsir ħanut ġdid, imma għax it-tifkiriet, il-ġrajjiet, il-ħbiberiji mietu u kull darba li ngħaddi nxomm il-fwieħa niftakar fid-diqa tat-telfa.

Aħna nies li niċċaqalqu, niltaqgħu, nitkellmu u l-ħanut tat-tè għandu t-twelid tiegħu, il-ħajja tiegħu. Fih iseħħu l-ġrajjiet , jinfetħu l-qlub u sar ftehim.

Ġewwa l-Belt ta’ Bormla, kien hemm ħanut tat-tè msejjaħ “iż-Żiemel”. Kien jiftaħ min kmieni u jiġbor in-nies ta’ kull razza u ġens, u jaqdhuk mill-qalb u tara nkwatri ta’ żwiemel rebbieħa jew artisti magħrufa.

Tgħaddi, tpoġġi fuq banketta u tieħu tè tajjeb kannella, bil-ħalib u jinżel bil-mod b’xi kisra ħobż tal-franċiż bit-tadam u l-bajda iebsa u l-perżut u mustarda, u tistrieħ u tħossok timtela u tieħu r-ruħ.

Ukoll tkun tistenna l-vapur ta’ Għawdex, qabel tkun tistenna il-Marfa u tidħol fil-ħanut kenni ‘Solemar’, u jilqagħlek ir-riħ u l-kesħa u terġa’ tiġi f’tiegħek.

Ħelwin il-ħwienet tat-tè ċkejknin, żgħar li tidħol fihom biex tinġabar u wara tkompli l-ħajja bit-taħbit u l-ħelu tagħha.

Saħħa ħanut tat-tè li sibtek u ħjejtni u llum ngħaddi u niftakar fil-ħin li qattajt hemm u ħriġt minn hemm raġel ġdid.

Waqfiet

altBilqiegħda taħseb u tfassal, taqtagħha li tibda tonfoq, tinvesti, tidħol bi sħab.

Tiġi l-mewt ma’ wiċċek ta’ ħabib, jew mard, jew dejn, jew nfiq għal għarrieda u jkollok taqleb, iddawwar, tinsa u tibda xi ħaġa oħra.

Kieku kellna nibqgħu għaddejjin bil-ħsibijiet tagħna, konna naħsbu li konna nkunu aħjar. Imma meta noqogħdu naħsbu u nixtarru, nsibu li dawk il-waqfiet li rajniehom xkiel u dwejjaq u taħbit, kienu dawk li fetħulna moħħna u qalbna.

Kemm-il tfajla ħabbejt u wrietek il ġenna, u telqitek, u sabbtitlek il-bieb ta’ qalbha, u rajt id-dinja ddur u xrobt biex tinsa, u wara sibt oħra aħjar u aqwa, li għadha timlielek qalbek.

Kemm-il raġel iggustajt, u nġbidt lejh, u wiegħdek il-bqija ta’ ħajtu, u sibt li dan ma kienx minnu, u daż-żmien iltqajt ma’ dak li riedek u għaraft li t-tnejn tiftiehmu u tinġiebu.

Kull waqfa li jkollok bit-taħwid jew tieħu tkaxkira, jew tkun bandla li terfgħek.

Kemm-il pasiġġier ġera u ħaffef biex jilħaq it-titjira u ma laħaqx, u wara l-ajruplan iġġarraf; hu baqa’ jgħożż ħajtu.

Bi ftit ħsieb u għaqal iddur ma’ kull kantuniera, u toħroġ minn kull rokna, mhux għax hemm tarf għal kollox, imma ħajtek għandek tqisha bħal għażla ċkejkna, kull jum li jserrep u tagħqad sa ma tasal fejn tixtieq qalbek !  

Btala

Joseph Henry Abela, Qassis

Neħodha jew ma noħodhiex, inġemma’ jew inqanċeċ, nistenna jew inħaffef. Meta t-tabib jgħidlek tieħu btala, aktarx tkun iddawwart u l-moħħ u l-ġisem mhux se jinqdew bil-waqfien tax-xogħol tas-soltu.

Meta tkun b’saħħtek tagħraf tieqaf u  wara terġa’ lura għall-ħidma b’saħħtek u frisk.

Il-mistrieħ mhux talli mhux żmien moħli, iżda hu l-mutur tal-ħajja. Min ma jagħrafx dan ir-ritmu ħa falza stikka u wara ħidma bla ħniena spiċċa b’pilloli żejda, nervi u burdati tal-waħx.

Il-ġisem bħal lastku, ma tistax tisforza żżejjed għax kollox ifaqqa’. Bil-mistrieħ, btala, jidħlu ddejat ġodda, truf, ħbiberiji u filwaqt li ħaddieħor jċedi mat-triq, inti tibqa’ sejjer. Ara min irnexxa kif ġab ruħu, ħadem, ħabrek u straħħ.

Xogħol bla waqfien iġġennina u ma jħalliniex nirraġġunaw. Ħu l-btala u għatija lil ħaddieħor. Jekk min jaħdem miegħek ma jieħux il-mistrieh ma jistgħax jagħti l-aħjar imma jċeddi.  Minħabba fih ikollok tpatti għalih int għal xogħlu.  Issa li naqqas, il-ħidma tiegħu rrid jagħmlu ħaddieħor.28. BTALA

Neħodha jew ma noħodhiex, nġemma jew nqanċeċ, nistenna jew nħaffef. Meta t-tabib jgħidlek tiegħu btala, aktarx tkun iddawwart u l-moħħ u l-ġisem mhux se jinqdew bil-waqfien tax-xogħol tas-soltu.

Meta tkun b’saħħtek tagħraf tieqaf u wara terġa’ lura għal ħidma b’saħħtek u frisk.
Il-mistrieħ mhux talli mhux żmien moħli, imma hu l-mutur tal-ħajja. Min ma jgħarafx dan ir-ritmu ħa falza stikka u wara ħidmu bla ħniena spiċċa b’pilloli żejda, nervi u burdati tal-waħx.

Il-ġisem bħal lastku, ma tistax tisforza żżejjed għax kollox ifaqqa’. Bil-mistrieħ, btala, jidħlu ddejat ġodda, truf, ħbiberiji u filwaqt li ħaddieħor jċedi mat-triq, inti tibqa’ sejjer. Ara min irnexxa kif ġab ruħu, ħadem, ħabrek u straħħ.

Xogħol bla waqfien iġġennina u ma jħalliniex nirraġġunaw. Ħu l-btala u għatija lil ħaddieħor. Jekk min jaħdem miegħek ma jieħux il-mistrieh ma jistgħax jagħti l-aħjar imma jċeddi. Minħabba fih ikollok tpatti għalih int għal xogħlu. Issa li naqqas, il-ħidma tiegħu rrid jagħmlu ħaddieħor.  

Vireg

altRota ta’ rota iddur b’vireg irqaq qrib xulxin u b’saħħithom. Tapit ta’ taraġ iżomm bil-vireg, bla vireg fit-tapit tiżloq u titfixkel. Bil-vireg sar is-swat ta’ Kristu; tawh bihom. Il-virga tkun tal-kanonku fil-purċissjoni: turi s-setta.

Kull ħaġa fil-ħajja hi bħal virga, tinqeda biha jew għall-ġid jew għad-denni. Ilsienek, mġiebtek, sewqan, żjarat, xiri ta’ art u fejn, kitba, għajdut u xnigħat.  Jekk il-moħħ ma jkunx f’siktu u jġarrab ħsara u tkun għada ma għaditx, allura l-għemil immur żmerċ: bħal virga tixxejjer bla galbu.

Sbieħ il-vireg f’posthom; għandhom użu,  żgħar u b’saħħithom. Il-bniedem l-istess waħdu ċkejken imma flimkien ma’ oħrajn jikber u jissaħħah.

Darba gvernatur ta’ Malta wara t-tieni gwerra dinjija kien hemm munzell daqshiex ta’ ġebel mkisser. Qal lin-nies li jaħdmu miegħu ġewwa Sant Anġlu “Jekk kull darba li jgħaddu minn hemm jaqbdu ġebla u jressquha band’ oħra, dan il-ġebel kollu jitwarrab bil-mod u bla tbatija.”

Jekk tħares lejn il-ħidma f’daqqa waħda tegħja u taqta’ qalbek. Jekk tqasama bil-mod tirnexxi.

Inti Virga? – u jekk virga tagħti sehmek biex ir-rota tal-ħajja iddur.  Agħti daqqa ta’ għajn u ara intix virga mkissra, għax inkella ma treġġix. Element ċkejken u b’ saħħtu jarmi s-saħħa flimkien imma waħdu jew mkisser ibati. Heqq!

Sħana

altTkun mejjet għalija, meta mirżuh u kiesaħ. Is-sħana sserrħek u tagħtik saħħtek.

Imma meta tkun is-sħana u m’għandekx xi jpattilek, tindanna, tinħaraq, tinkedd. Hemm is-sħana tax-xemx: tridha, imma meqjusa; u hemm is-sħana u saħna tal-għadab li tagħmillek bosta ħsara u hemm; is-sħana tal-imħabba li tneħħilek kull moffa ta’ dwejjaq u niket.

Is-sħana tpaċiha bl-ilma frisk u nagħnieħ fih. Iġibek tirraġuna aħjar. Trid ukoll ikollok siġar qrib, jew inkella xtieli.

Jekk ma taħsibx int għal dall-ambjent tinqered. Il-ġebla Maltija fiha nfisha tarmi s-sħana u ma tkunx tiflaħ tissaporti ġewwa.

Ilwien, friski jgħinu u nuqqas ta’ dawl elettriku jgħati sehmu wkoll. Jekk ma nitgħallmux ngħixu bis-sħana u fis-sħana, jinqala’ ħafna tilwim fis-sewqan, fid-dar, fix-xogħol. Li tissika fis-sħana, ma jagħmilx ġid għax issiru l-iżbalji u l-korrimenti.

Is-sħana irriduha, il-kesħa wkoll; it-tnejn neħtiġuhom, imma rridu noħolqu ambjent fid-dar fejn nistgħu nitgħenew mit-tnejn. Nar, fuklar, u lwien jgħajtu għas-sħana. Ward, xtieli, purtieri, lwien mtaffija jgħinu għal-frisk.

Aħseb u ħu ħsieb u tibda ssib li t-temp arma li tista’ tinqeda bih b’risqek.  

Qlugħ

altFi żmien il-qedem, mhux daqstant ilu, kont tilmaħ fil-portijiet Maltin u Għawdxin dgħajjes tal-qlugħ. Tarahom mimlija riħ għaddejja iniżżlu jew itellgħu, inaqqsu jew iżidu, sakemm jaslu bejn wieħed u ieħor qawwijin u sħaħ.

Illum ma tarax daqstant, għax ukoll fuq il-baħar, it-trasport nbidel. Naħseb ukoll li nbidlet l-imġiba u għalhekk naħsbu li buttuna, pillola, telefonata se ssaffi t-taqlib u jinġieb is-sliem.

Il-ħajja bħal qlugħ tad-dgħajsa, trid ir-riħ, trid iddawwar, tnaqqas, iżżid il-bqija tbatija. X’inhu l-qlugħ tal-bniedem; dak li jmexxih il-quddiem, dak li qalbu jimligħa, dak li jiġbdu mill-għeruq ta’ qalbu?

Jista’ jkun is-skiet, ħbiberija, ktieb, żjara, diskussjoni, radju, tbissima jew tislima.

Jekk taħseb ftit, issib il-qlugħ ta’ qalbek u fi żmien l-inkwiet taf tfittex u tużah. Jekk l-għarbil ma tagħmlux issa qajla jirnexxielek tasal fejn tixtieq. Bla ħsieb tbati; bla riħ tinfixxel: il-fatt li qed taqra dan, turi li qed tfittex, allura tinsab fi triq tajba. Bla qlugħ titfarrak u tinstabbat, titkisser u tintemm.

Bil-qlugħ: Għajnuniet filwaqt tasal fejn irid il-moħħ u tkun ta’ hena għalik u ta’ madwarek.  

Ħofor

altAjruplan nieżel fil-mitjar. Irid isib il-beraħ u l-art watja; jekk le, aktarx jeħel u jkun hemm il-konsegwenzi. Trid il-lixx ħalli tasal fis-sliem.

Mhux it-toroq kollha jkunu bla ħofor u lanqas il-bankini għalkemm mixjin ’il quddiem. L-istess il-ħajja tagħna jkollha l-ħofor, toqob li taf bihom u oħrajn li ma tafx; xi wħud tista’ ssoddhom, oħrajn le.

Tkun rawwimt ħbiberija, għażliet, safriet, negozji u jinbidlu; mhux b’rajk imma b’riedet ħaddieħor, bil-qerq u dak li kien ċar jiċċallas u moħħok ma baqax jaħdem l-istess, jaħbat jisboxxla, għax ma stennejthiex !

Jekk tħaffer fil-ħajja ta’ kull bniedem tal-lum u tal-bieraħ issib il-ħofor. X’għamel? Baqa’ għaddej il-ġlied fil-gwerra f’Malta. Tgħid ma kellhomx ħofor; imma baqgħu għaddejjin.

Ħajtek mhux il-ħofor, imma kif tħares lejhom !