Logħba tal-biċċiet

Ħajjitna tiġbor ħolm, stħajjil, ħsibijiet, xewqat, kilbiet, ħlewwiet, imrar, dieqa, hena u stennija – kollha stampi żgħar li jgħaqqdu xbieha kbira.
Jista’ jkollna qrusa għax ma rnexxejniex f’li xtaqna u ninsabu ssikkati meta kieku konna ferħana.
Il-kokka ’l uliedha tara l-isbaħ, u fil-ħajja moħħok jgħinek iżżid jew ifixklek. Tħallix lil moħħok jgħasrek imma ntelaq u ħadmu moħħok. Jekk għadek ma fhimtx, fittex kemm kemm lil EPICURUS (Twieled 341 BC u miet 270 BC), filosofu li jagħtik tagħrif li jista jkun ta’ siwi.
Ħajtek tifhimha meta aktarx tħares lura. Bħalissa madwarek tara ċaflis maż-żmien joqgħod kollox, u tibda tara li rnexxejt int ukoll mhux kif ħsibt imma aħjar!
Kaxxi Sofor
minn Joseph Henry Abela, Qassis
It-toroq iżjed ma jkunu meħlusin minn gandotti, karozzi weqfin, inċidenti, protesti, u bejjiegħa weqfin f’kantuniera iżjed in-nies jiltaqgħu.
Inqas nervi, għadab u ġenn u l-kotra tas-sewwieqa jkunu f’sikkithom. Imma f’moħħna jrid ikollna li hemm sewwieqa oħrajn. Hemm sewwieq iżomm max-xellug u l-ieħor li ġej bil-maqlub jagħmel l-istess, jista’ jkun hemm wisgħa f’nofs it-triq biex tgħaddi, ambulanza jew karozza tal-pulizija jew ħaddieħor li jrid jasal l-isptar.
Jekk ma taħsibx minn qabel tista’ teħel. Hemm żebgħa fl-art fit-triq biex ma tieqafx fuqha, kaxxa safra waħda minnhom, oħrajn il-faxxi bojod tal-passiġieri jew kaxxa safra merfugħa għal min għandu diżabilita. Il-mitt xejn qatlu ħmar.
Forsi wasal il-waqt li tagħlim u t-tagħrif fuq il-karozza, fuq sewqan bil-karozza jibda jsir minn għaxar snin sa ħmistax-il sena. B’hekk regoli u mġieba jkunu daħlu żgur fil-moħħ u nħarsu bosta ħajjiet ta’ sewwieqa u passiġieri.
Passiġġier

F’Malta u Għawdex m’aħniex imxaqilbin fuq il-mixi jew is-sewqan tar-roti; għalkemm hawn ġibda u xewqa u ħajra għaċ-ċaqliq tal-ġisem: tlielaq, roti. Maratona li seħħet fit-22 ta’ Frar 2015. Hemm waqtiet fejn ikollna nħallu l-karozza u nimxu: il-mixi hu sagrosant, bih ngħixu, bih niltaqgħu, tajjeb li niftakru u nwettqu mġiba ta’ ħarsien.
Int u miexi ħares ’l hemm u ’l hawn. Ara fejn miexi ħaddieħor, tiqafx titkellem taħt il-bankini; hemm jgħaddu l-karozzi suppost jarawk u jevitawk. Imma mhux kull sewwieq ta’ karozza jagħmel hekk.
Ara daqsxejn il-gazzetti, isma’ r-radju jew televizjoni u tintebaħ kemm tfal, żgħażagħ, mdaħħlin fiż-żmien ħallew ħajjithom jew huma u jaqsmu fuq il-faxxi bojod tat-traffiku jew fuq bankini jistennew tal-linja u dak li qabel kien ġisem sabiħ u b’saħħtu jew jgħaddi, issa jinsab mkisser jew bla ħajja.
Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu u anqas fit-toroq u fuq il-bankini. Ħu ħsieb saħħtek, ilbes ħwejjeġ jixegħlu bil-lejl fejn tagħti fil-għajn u tidher: b’hekk sewwieqa ta’ karozza u roti jarawk. Taqsamx bl-addoċċ! Ieqaf u ħares u erġa’ ħares. Aħjar uff milli ahh. Saħħtek tiswa: ħarisha u ħalliha sħiħa.
Is-Saħħa t-tajba !
Nistrieħ fuq ħaddieħor
Weħidna l-ħajja bla ħajra! Flimkien inħossuna aħjar u niksbu iżjed saħħa u qawwa. Jiġri minħabba f’hekk li nieħdu s-saħħa u nitħabbtu jekk insibu rifda, għajnuna u sehem min ħaddieħor. Għalkemm dan ta’ minn ifaħħru jista’ jtaqqalna u jbikkimna.
Il-ħajja dderrina nqumu fuq saqajna u nibqgħu għaddejjin meta sħabna jħalluna: mewt, mard, jew jaqilbuhielna jew jgħiru għalina. Wisq nintelqu għax inħossu l-weġgħa u nintebħu li għamlulna l-ħsara u daħku bina. Din ma tiswa ta’ ebda ġid. Iżda nibqgħu għaddejjin! Din mhux ta kemm tgħidha għax iebsa bil-bosta.
Imma jekk naħsbu għaliha u jekk nsaqsu fuqha nkunu nistgħu nidħlula. Se tiġi żgur għax l-istorja tad-dinja turina dan minn żmien għal żmien. Tkunx dawl mitfi, tknunx għadira la ilma , imma fawwara li tarmi l-ħsibijiet: għalik !
Ħajta
Ilsienna fih ħlewwa fir-reqqa. F’idejn l-imgħallmin joħloq xibka ta’ ħsieb u salott ta’ ġenn. Min jisma’ u min jaqra jitpaxxa u jithenna bil-ġenna ta’ ħsieb.
Nieħdu l-kelma ‘ħajta’.
Għandi ħajta deni.
Bla ħajta f’ilsieni
B’ħajta ma lħaqthiex
Hemm ġibda fil-bniedem li jibda u ma jkomplix, jitħajjar u jieqaf fin-nofs, jiġġennen u mbagħad jibred. Dil biċċa xogħol tagħmel bniedem bandla, ċaqlembuta, qabel ikellmek se tgħid: Isma’ dan se jasal, dan kliemu ċirasa u għemilu xott, dan iwegħdek il-ġenna u jdaħħlek fil-purgatorju? Naf għadd ġmielu ta’ min hu hekk. Imma qabel ngħaġġel, nista naħseb, jekk jien inhiex hekk ?
Għal ħajta nħalli l-ħidma nieqsa, mhix mitmuma, tixxejjer mar-riħ?
Hi n-naqra li timla, li ttemm, li tagħmel sħiħ, jekk tkun fost dawk li tibda tispiċċa taqbel mal-qawl “Kull mibdi, mitmum”. Hawn bosta li joħolqu uġigħ, għax jinqagħtalhom il-ħabel: tkunx wieħed minnhom!
Sena quddiemna
Għalqet is-sena u bdiet oħra. Mingħajr ma rridu nħarsu u niftakru, jew ninsew x’għamilna jew xi xtaqna nwettqu. Insibu li ħarbulna xi ġrajjiet, ħidmiet li ma għamilnihomx is-sena ta’ qabel u ta’ qabel, nixxennqu u nixtiequ u nibqgħu fl-istess ilma.
Meta ndaħħlu f’rasna li jekk niktbu u nagħtu ħin insibu li nlaħħqu u jibqgħalna ħafna ħin: ġrajja lanqas biss titwemmen. Dak li tagħmel sew u bir-reqqa m’għandekx għaliex terġa’ ddurru, għax wettaqtu sew u mill-ewwel.
Hekk ħu ħsieb saħħtek: tibżax mit-tabib, idħollu l-mixi. Xi darba se tmut, xi darba timrad, imma tistedinhomx b’idejk. Żur il-ħbieb u l-qraba, siefer, kul, għożż li għandek madwarek biex xħin tkun marbut ġo sodda jew mifxul min moħħok, dak li kellek tagħmel għamiltu u sew, u s-sena il-ġdida ma’ ġġiblekx uġigħ tal-qalb, imma tressaqlek ħidmiet ġodda.
Is-Sena t-Tajba.
Ġulbiena
Fil-ħajja ta’ ġiri u ġenn, infiq u tberbiq, titkaxkar iżjed biex tixtri u jkollok milli tagħmel inti.
Kumpanija, kliem, xorb, tbissim, tgħanniq biex tkompli ttajjar xorta jħalluk kif kont: xott, iebes, imdejjaq u mħawwad. Aktarx jekk ħarstek teħel ma’ xi bambin taf tara l-ġulbiena ħdejh. X’inhi l-ġulbiena? Żerriegħa skura li xxarrabha jumejn, tqegħidha f’bieqja u żżommha fid-dlam u ssaqqiha. Din tkun qiegħdha f’ħamrija jew tajjar sakemm tikber u wara toħroġha biex iżżejjen.
Taf tagħmilha? Ma waqgħetx id-dinja jekk le; imma jekk taf tagħmel xi ħaġa sempliċi teħodlok il-ħin, tħaddimlek moħħok b’mod li sserrħu, tħossok tiġġedded.
Il-ħin li qatt ma kellek issibu u ssib iktar u iżjed ukoll, għax mhux kustjoni ta’ ħin, imma kif iġġib ruħek bli jidħol f’moħħok. Għandek bżonn ġulbiena aħseb!
Il-Kittieb
Aħna rridu nibqgħu hawn. Ma rridux ninqalgħu ukoll jekk għemilna bla ħsieb iqarribna lejn il-mewt. Aħna bħal vapur irridu l-ankra biex insorġu, nieqfu, inkunu marbutin għax nafu li rridu nparpru. Għalhekk inħallu tifkiriet.
Il-kittieb jaħseb u jaħseb fuq li jaħseb u jnaqqas u jiġbor u jlaqqam u joħroġ fi ktieb dak li jaħseb jew dak li ma jaħsibx skont il-qarrejja xi jkunu jistennew. Bis-saħħa tal-kittieb għandna tifkiriet u ġrajjiet li kieku ntesew u marru mar-riħ.
Il-kittieb ibati, jgħeja, jitħabat, iħabbat wiċċu ma’ bosta saram biex fl-aħħar joħroġ il-ktieb li fl-aħħar ma jinxtarax mhux għax ma jkunx tajjeb imma għax min jixtiequ, il-but tiegħu ma jasalx.
Grazzi kittieb ta’ dejjem li tħabbatt u ġbart ħsibijiet u kitbiet li bis-saħħa tagħhom aħna aħjar.
Aqra l-kitttieba Griegi, Rumani, Taljani, Ingliżi, Franċiżi, Spanjoli, Russi u ssoff id-dehen mistur u miġbur fil-karti li jferrħu lilek u lili.
Ilbieraħt lura

Dejjem nimxu ’l quddiem, inkunu f’pajjiżi differenti u ’l bogħod minn xulxin u nitkellmu u naraw lil xulxin bla tbatija; ġenn tat-teknoloġija. Illum qisu naħtfu kollox taħt idejna u qrib. Ta’ qabilna ma kellhomx dal-ġenn tal-moħħ u ħwejjeġ kbar.
Fi żmien Neruni Imperatur kienu joħolqu taqtiegħat kbar bl-iġfna u dan f’imkien li ma jkunx hemm ilma. Kienu jġibu l-ilma minn kanali apposta u jimlew u jinqdew sewwa.
Inbnew djar bis-sengħa li jaħsbu għas-sħana u għal-kesħa u tgħidx x’moħħ kellhom. Il-piramidi, l-kejl tas-smewwiet, l-għarfien ta’ l-arloġġ ukoll bl-injam.
Tal-bieraħt lura mhux bilfors kienu lura aktarx kienu ’l quddiem u aħna ngħożżu s-sejbiet u s-seħer ta’ ħajjithom.
Kemm hu sew inħarsu madwarna u qabel nordmu u neqirdu, nsaqsu u ngħożżu biex ta’ warajna jgħidu grazzi li ħallejnilhom bla mittiefes, dak li kien fil-bidu ħaj u frisk.
Tmermir
Il-ħlewwa tiġbdek u l-gost ipaxxik u għalhekk minn barra jidher li kollox b’saħħtu. Trid tara ġewwa x’hemm. Meta bniedem tal-affari tiegħu jixtri dar, ifittex perit biex jgħarbel jekk id-dar fihiex nuqqasijiet moħbija u b’hekk ikollu rasu mistrieħa li daru soda.
F’dak kollu li tagħmel, li tfittex, li jseħħ f’ħajtek, ħares ‘il quddiem u għid għaxar snin oħra kif se nkun, u kif inħossni mhux biex tkun issikkat f’ħajtek, iżda jkollok inqas dispjaċir ‘il quddiem u inqas kobob li ma tistax tħoll. Ħafna kienu dawk li fetħu toroq u daħlu fi sqaqin għax ma xtarrux għażilthom qabel. Idħol fil-qalba, ara x’hemm b’hekk biss ma jkollokx kollox immermer mingħajr ma taf.
Għax mhux kull ma jleqq deheb u dak li jsaħħar issa jista’ jbikki bil-qawwa wara tul ta’snin.
Din id-drawwa li ninqdew u narmu, li nbiddlu dak li ma jogħġobniex tista’ tagħmilna bnedmin tal-qoxra u li naqtgħu mingħajr ma’ naħsbu.
Min jaqta mingħajr ma jqis, minn mitt jarda ma’ joħroġx qmis! Aħseb u erġa’ aħseb jaqbel lilek.