Ħsieb: Joseph Henry Abela

Terturi

altMa tistax tagħmel kollox waħdek; trid l-għajnuna ta’ ħaddieħor. Tiftiehem xi trid, tiftiehem x’se jagħmlulek, jilqgħu idejhom għall-ħlas, imma x-xogħol ma jsirx sewwa u jkarkar u bosta telefonati u ċellulari u xorta ma tasalx. Tispiċċa taqta’ qalbek !
 
L-ewwel ħaġa ara x’teħtieġ, ikteb jew stampa, saqsi u ara min jista’ jagħmlu x-xogħol u kemm. Mhux min jgħidlek l-ogħla ! Ara, għarbel u aqta’, m’hemmx  paroli imma ikteb u ara x’ħin se jibda x-xogħol u meta jispiċċa.
 
Mhux kulma jleqq deheb, l-iżjed meta trid minn oħrajn, it-terturi li jtuk, tispiċċa ma sserraħ fuq ħadd. Ħajtek tiegħek u inti tmexxi bis-sabar u d-dehen. Xtarr, fittex u stenna fl-aħħar issib x’tixtieq, tistaqsix lil min ikabbarhom, imma lil min isib tarf tat-taħbil tal-ħajja.
Min irnexxa f’kotba, bini, għaqdiet; għax ħa ħsieb hu. Ġorġ Preca (1880-1962) ‘ara’ kif mexxa, għaqda bdieha u komplieha b’kulħadd kontrih. Daħal fl-irqaqat. Illum qassis, illum qaddis.
 
Mikiel Anton Vassalli  (1764-1829) waħdu mexxa, ħadem, tħabat u llum min jifhem, jogħxa bix-xogħol tiegħi.
 
Dejjem hemm it-terturi fil-ħajja; jew tirkibhom int, jew jirkbu lilek.
 
Saħħa
 
BILĦAQQ għada l-festa ta’ San Martin ta’ Tours. Nittama li l-Ħadd li għadda 8th Novembru 2015 ħsibtu għal borża ta’ San Martin għat-tfal.
 
O kemm tagħtuni terturi !
 

Ġużeppi tal-bieb

altTa’ żgħir kont immur is-Seminarju li kien il-Furjana, Malta quddiem l-isptar l-antik. Illum flok is-Seminarju hemm il-Kurja tal-Arċisqof.
 
Ta’ żgħir kont nara kollox eżatt u nistenna kollox jibqa’ l-istess. Filgħodu fil-jiem ta’ l-iskola: Ottubru sa Ġunju, konna ninġabru fuq il-bankina u joħroġ Ġużeppi jiftaħ il-bieb. Qsajjar, xagħru bajda qotna, kliem xejn u għajnejh iżiġġu. Ta’ żgħar li konna, konna nissummaw. DAQSHEKK fit-tul iżda f’moħħok kien jidher ikbar.
 
Dħalt is-Seminarju tal kbar u xorta baqa’ mal-bieb. Mhux mal-bieb tal ġenb tal-iskola iżda mal-bieb ewlieni. Kont noħroġ kemm isellimli. Filgħaxija konna nitkellmu; konna ninġiebu. Kien minn Bormla, jien ukoll. Kien iħobb il-Kunċizzjoni, jien ukoll. Kien jogħxa fuq Bormla, jien ukoll.
 
Jien kelli ħabta noħroġ bla permess mill-bini tas-Seminarju. Ma tantx kont inħabbel moħħi. Darba meta ġejt lura. Kellimni. Qalli, id-Direttur staqsieni: “Dak ta’ Bormla li ħareġ?” u jien (jiġifieri hu) wieġeb “Ma niftakarx!”
 
Dejjem fhimt iżda li hemm kelli prova kemm kien għaqli, ta’ fommu sieket u kbir. Hawn għadd ta’ nies bħal Gużeppi li jaqdu dmirhom bil-għaqal u fil-ħemda u li huma l-kolonni tas-soċjetà Maltija.
 
Insellem lil ĠUŻEPPI u lil nies bħalu għal kemm jagħmlu ġid fejn ikunu.
 
ĠUŻEPPI ħalliena nhar l-14 ta’ Jannar, 1987.
 
GRAZZI ĠUŻEPPI:  bqajt f’qalbi.
 
 
 
 
 
Tagħrif inkiseb bil-qalb tajba ta’ Charles Farrugia, neputih
 
ˣ ĠUŻEPPI CASSAR
 
ˣ fuq jidher iċ-ċertifikat tal-mewt tas-Sur Ġużeppi Cassar: ftakru fih fix-xahar li jmiss
 

Nista’

altTħares madwarek u taqra l-aħbarijiet u tilmaħ li nies li taf, għandhom il-flus, irnexxew.

Għamlu dak li xtaqu biex nitkellmu hekk, waslu. X’għamlu iżjed minni ? Ippruvaw ħa jaraw x’jistgħu jagħmlu u biċċa minn hawn u biċċa minn hemm waslu.

Bosta artisti ta’ ġieħ bdew mill-għaks u negozjanti raw il-qiegħ, imma baqgħu. Jiġini f’moħħi minnufih Erin Serracino Inglott (L-Isla, 16 ta’ Ottubru 1904 – 22 ta’ Awissu 1983) bl-opra tiegħu, ‘Il-Miklem’.

Inti tista’: għalhekk ipprova !

Namra:  drawwa li togħġbok u tferrħek. Għandek: Taf li tista’ ma’ tkunx taf li għandek ! Għaliex it-tfal jirnexxu ? Għaliex iridu jidhlu f’kollox u xi ħaġa tinteressahom u jidħlu għaliha ? Xi xtaqt tagħmel u ma’ stajtx fit-tfulija, jew minħabba flus, żmien, u għajnuna?

Issa li kbirt idħlilha u tintebaħ li issa tħossok tinqala’, issir qalbek sħiħa u ruħek ferrieħa u tara d-dinja b’lenti oħra.

X’se tagħmel ?

Ma jgħajjatx lili!

altIl-Malti sabiħ: ġmiel ta’ kobor, seħer ta’ gost, ġenn tal-ħsieb. Meta ħaġa, bini, kotba, għamara, ilbies, ġieħ ma jkunx tiegħek il-kliem hu ‘Ma jgħajjatx lili’

Ġieli fuq il-pultruna fil-frisk taħseb fuq dak li tara madwarek u tintebaħ li dik ta’ quddiemek iselliftha u baqgħet għandek; għodda, ktieb, drapp, gaġġa u wkoll flus li jmissu lil ħaddieħor qegħdin għandek.

Kemm toqmos jekk xi ħadd ikollu jagħtik xi ħaġa u tibqa’ mingħajrha. Dak li mhux tiegħek toħdux u n-nuqqas ta’ sew iġib il-qilla u l-qerda.

Ħares lejn l-istorja tad-dinja, ħakkiema ta’ artijiet jidħlu bis-saħħa f’artijiet mhux tagħhom, jaħkmu bil-ħruxija. Fil-qalb tal-bniedem maħkum tibqa’ r-rieda li jeħles mill-ħakkiem. Tibqa’ dejjem dik it-taqbida u ċ-ċaqlembuta daqqa titla’ u daqqa tinżel u jiġri d-demm, l-ebusija u l-ħruxija. Ħaddieħor għandu jedd daqsek li jgħix fil-hena u jekk tipprova ċċekknu jew twarrbu taf tmur minn taħt int.

Fl-ambjent tiegħek imxi sew “Min jixtieq id-deni lil ġaru, jiġi f’daru”.

Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu

altB’qalbi maqsuma u b’uġigħ, nikteb dan il-ħsieb. Mindu kont ċkejken sirt nafu dan il-qawl, u fittixt u qallibt fil-ħajja biex nara u nsib li mhux minnu!

Imma għarrixt, għarbilt u stennejt u t-tagħrif li ħareġ hu li fl-aqwa mħabba hemm il-jien: kemm jogħġob lili, kemm nieħu pjaċir jien: il-bqija nieqaf: “Ta’ żgħira taħsibha mod ieħor” kliem imżejjen biex juri l-egoiżmu fl-aqwa tiegħu: Ħobb u agħti, imma ħobb lilek innifsek ukoll; “il-qmis eqreb miċ-ċeppun.” *

Issa jew tmur mal-kurrent, jew inkella ssuq int. Jew tkun bħal ħawt, li jistenna biex jimtela, jew tkun bħal nixxiegħa, ħierġa l-ħin kollu.

L-imħabba tridha minn xi mkien, għax ħadd ma jagħti minn dak li m’għandux inkella tfittex, tixxennaq u tibqa’ bin-nieqes.

Min mela qalbu, qatt ma naqas li jmexxi s-sewwa u jiftaħ toroq ġodda għal oħrajn. B’hekk xorta mar minn fuq, għax il-ġid iġib il-ġid.

Saħħa.

*‘kowt’ jaqbel mal-Ingliz ‘Charity begins at home’

Nuqqas ta’ bruda

altFil-wieħed u għoxrin ta’Ġunju jibda s-Sajf. Is-sħana tkun bdiet qabel u ħafna jibdew iqaċċtu u jikxfu.
 
Tajjeb li min jikxef jilqa’ għax-xemx għax hawn għajta u mid-dehra hi minnha li l-mard tal-ġilda bla ħarsien kiber: moħħkom hemm l-iżjed għaċ-ċkejknin, nħarssuhom mill-qilla tax-xemx.
 
Hemm sħana oħra, tal-qalb u tal-moħħ. Is-sħana tal-qalb: meta xi ħadd iħobbna, nibżgħu għaliha, ma nittraskurawhiex b’xogħol, aljenazzjoni, bruda, għax kull għasfur ifittex bejta oħra jekk isib tiegħu magħluqa. Qalbek ħu ħsiebha għax jekk tinqasamlek bi traskuraġni tkun dħalt għaliha int u min jikriha joqgħod għaliha.
 
Is-sħana tal-moħħ tiġi bil-qari tal-ktieb f’idejk, tqalleb il-folji. Inqeda bil-mezzi moderni, imma taqra ktieb bil-qiegħda f’pultruna għad-dell ilek ma tagħmilha? Saqsi f’qalbek: kemm il-ktieb qrajt fis-sħana tas sajf ħeqq !
 

Briju

alt

Il-ħajja ta’ kuljum tindera u ssir qisha rota bla kisra, bla heda, bla ferħ, bla gost, bla ħajra.

Għalhekk aħna nfittxu l-ġdid, il-ħoss, il-pjaċir, ix-xorb, il-briju. Briju jagħmel il-ħajja ferrieħa, siewja, iġennek. Ikliet, daqq, żfin, sparar tal-festi, baned.  Imma jekk ma noqogħdux attenti malajr naqbżu l-qies. Il-ħaġa, l-għemil, l-imġiba jitlef il-gost tiegħu għax jibda jdejjaq, ikidd, imarrad, jinnervja.

Jekk ikun l-għaqal, minnek, minni, minna, ikollna ċertu ġieħ għal xulxin u jkun hawn wisa’ għal kulħadd. Jekk le, tikber it-tensjoni, id-dwejjaq u l-inkwiet.

Ta’ kuljum iweġġa’ r-ras u jekk ma tilqgħux issa, tista’ ssir straġi li ma tistenniex.

Kliem u Paroli

altIl-Malti jgħid: Asħaħ kelmet il-Malti minn kelmet is-sultan u kieku kull min għandu daqna raġel kieku l-bodbod missier l-irġiel.
 
Fihom x’ taħseb u fl-istess waqt iserrħulek rasek li fid-dinja ssib minn kollox. Tkun żgħir: temmen u toħlom u tibla’ wkoll. Maż-żgħożija tibda tnaqqi u tara min iwiegħed u ma jasalx, u min fommu sieket u ssibu miegħek.
 
Hemm nies li tismagħhom u tifraħ għax kliemhom balzmu u tassew tħossok il-ġenna magħhom u tfittex tkun qribhom u ħdejhom. Oħrajn ipinġu bi kliemhom u jfasslu u milli għedna ma hemm xejn. Dawn ikunu nies tal-paroli.
 
Ġorġ Preca il-qaddis Malti kien jgħid ‘Għandna paroli’. Fil-ħajja trid tagħraf tagħżel, tkompli ma’ kulħadd u min hu paroli iżżomu talli hu. L-oħrajn mexxi magħhom (in-nies tal-kelma) kemm tista’.
 
Dejjem tista’ tiżloq u tiżgarra, imma ma tkunx  waqgħet id-dinja. Tagħmilx plejtu: uża moħħok u dawwar ir-rotta; il-kliem (dak li tgħid u temmen) tridu, il-paroli evitaħ.
 
Saħħa !
 

Frans Sammut

altKulħadd jaħseb li x-xemx telgħet miegħu ukoll jekk ma jgħidhiex. Wara li jiltaqa’ ġo moħħu ma’ ħsibijiet friski jsib li kien hemm qablu li ħasbuhom u kitbuhom.
 
Għalhekk jaqbel li tiftaħ il-maħżen tal-letteratura Maltija biex ikollok quddiemek u ħdejk u miegħek, ħsieb maħdum lest li jixprunak għal ċaqliq fuq ruħu li bih moħħok jitpaxxa u jogħxa.
 
Frans Sammut wild Malti, nisel Żebbuġi, kittieb, ħassieb, fittiexi, li sebaq fi żmienu u wkoll wara żmienu l-qafas tal-ħsieb Malti. Wera b’rieda sħiħa u ħabrieka li l-ilsien Malti u l-karattru Malti jaqdef fuq quddiem ma’ letteraturi barranin.
 
Il-kitba tiegħu tifrex minn twemmin: Da Vinċi Code – bilingual (2006), Dun Ġorġ il-bniedem tal-poplu (2001); sa moħħ Il-Gaġġa (1971), Samuraj (1974); u għożża lejn art twelidu L-Ħolma Maltija (1994). Kiteb oħrajn li jiena nafhom u qrajthom. Il-ħsieb tiegħi hu: mafkar mhux f’postu? Xi opra xierqa għal min ħadem u għereq bix-xogħol biex jifrex tapit ta’ għerf , dehen u tgħarbil tal-moħħ?
 
Min jaf; ġnien għall ittri ta’ l-alfabett Malti u mafkar wieħed wara l-ieħor għal-kittieba Maltin u Għawdxin.
 
Siġar, xtieli, bankijiet, dell u monument għoli ta’ bniedem b’tagħrif siewi fuq il-kittieb: b’hekk min iżur jitgħallem u jifraħ.
 
Tajjeb li xogħol bħal dan jinbeda u jitlesta maż-żmien.  Nittamaw u naraw !
 

 

Ħalli f’idejja

altAħna min aħna neħtieġu lil ħaddieħor, jew parir, jew xogħol, jew ħidma, jew għajnuna, jew ħdejna. Xi drabi nersqu bil-ħerqa għall-għajnuna u jkollok nies li bil ħlewwa jgħidulek “ħalli f’idejja”.

Ibża’, twerwer, iksaħ għax aktarx tibqa’ fejn kont għax fil-fatt ikun: milli għedna m’hemm xejn.

Int trid tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Int trid taqdef, int trid tisħaq u tinsisti. Dak li temmen fih int mhux bilfors jgħożżu ħaddieħor u dak li tixtieq int mhux bilfors iridu ħaddieħor daqsek.

Ilqa’ u ħares lilek innifsek, staqsi, ipprova dur, għarbel, erġa’ agħti daqqa t’għajn għax ħafna straħu fuq ħaddieħor u baqgħu b’xejn. Idejk qegħdin hemm, użahom. Ipprova biċċa u tasal, u uġigħ tal-qalb ikollok mill-inqas u xejn.