Ħsieb: Joseph Henry Abela

Meta?

altKliem li jinstemgħu sikwit hu ‘Għandi x’nagħmel. Ma nafx kif se nlaħħaq’. Malajr tħoss li żejjed, fin-nofs, xkiel u jogħla lqugħ bejn persuna u oħra.
 
Meta jinqala’ funeral, il-ħsieb imur u ta’ ħasra kif ma tajtx daqqa t’għajn, kif ma’ żortx u fik ikun hemm dik l-għafsa ta’ qalb li tlift ġrajja ta’ ħajja. Meta se nitgħallmu nqassmu u nfasslu u nlaħħqu man-nies, ħbieb, qraba?
 
Jekk fil-ħajja nistrieħu fuq ix-xogħol b’mod li jsir fruntiera bejnietna u bejn ħaddieħor inkunu sirna magna u nitilfu jekk mhux aħjar tlifna li nduqu, li nsoffu, li nġarrbu l-ġmiel, is-sabiħ, il-ħelu, dak li jgħaxxaq.
 
Meta taqtagħha li tintelaq, kemm kemm tieħu r-ruħ int u ta’ madwarek u x-xogħol isir b’iżjed ħeġġa u suċċess.
 

Bdiet

altIl-ĦIN itektek u l-qamar jinbidel u b’hekk nagħrfu l-mixja sħiħa, bla waqfien tal-ħin. Bdiet ir-Rebbiegħa fil-jum 21 ta’ Marżu u kellna sħana u ħajja.
 
Neqsin mill-ilma għalkemm taf tagħmel f’daqqa. Nervi: Ikollok minnhom ħdejn is-siġra, qrib l-ilma, tħares lejn il-ħaxix, jew il-weraq tax-xtieli ?
 
Taf tħobb in-natura taf le: minnha trid u taf tieħu ħsiebha u taf le. Nibdew: kemm hemm ġonna fir-raħal tiegħek, fil-belt tiegħek, fl-irħajjel tiegħek ? Ma tafx ! Saqsi. Taf kemm-il darba mort u żort u qgħadt bilqiegħda? Aktarx mitluq ! Mur iżjed u ara u tkellem u ħaqqaqha. Dak il-ġnien, siġar, ilma, nixxiegħa hu l-għajn tas-saħħa, l-għarbiel tat-tinġis.
 
Idħol fin-natura; dak rigal għalik mingħand Alla u tistagħġeb kemm jibdillek il-burdata ! Jekk tkun taf kemm il-ġnien hemm u f’liema qagħda qiegħed u ssebbħu, tagħmel ġid lilek, u lil ta’ madwarek u lil ulied ħaddieħor. Bosta mard jonqos jekk nersqu lejn in-natura. 
 
Ir-Rebbiegħa ġiet biex nifirħu, biex nixxaħxħu, biex il-ħajja nsoffuha bil-kbir. Tgħidlix li ma jinteressakx ?
 

L-Oħra

altIl-Ħolqien ifittex bla heda l-imkien li jġibu f’sikktu u aktarx jieqaf meta jsibu.
 
Il-ġrajja donnha turi li l-mara: it-tarbija, it-tfajla, iż-żagħżugħa, ix-xiħa, l-armla tqieset żejda jew għodda wkoll bla leħen u bla ruħ.
 
Maż-żmien l-għarfien tal-mara beda ħiereġ u jingħaraf u bit-tbatija għallinqas fil-liġi. Il-LIĠI tajba u tgħin imma s-sħiħ jinsab fil-qalb.
 
Int, bħala mara kif tħossok? Int li tista’ ġġib ruħek u b’li tagħmel u tgħid u tiskot, twassal il-ħsieb tiegħek u tressaq il-bidla qrib il-likk.
 
Kemm nisa kitbu u ssemmew; kemm nisa ħarġu għall-politika u rnexxew u oħrajn fil-ħajja tas-saħħa. Nista’ insemmi l-ismijiet imma ma rridx, għax int li qed taqra, daqshom u iżjed; aqra, tħallat, isma’, qabbel u ssogra meta tħares lura tara li ftaħt triq ġdida għal ta’ warajk. Ibda.
 
Insellem il-Mara matul iż-żminijiet!
 

Ruħ

altIt-tfal donnhom ma jgħejjew qatt:  jaqbżu, jiġġieldu, iridu u f’xi ħin jorqdu imma malli jqumu jerġgħu jibdew b’dik il-ħajja u qilla u ħerqa.
 
Hawn tertuqa li meta tara fis-swali, tnissel fik tqanqil ġewwieni, hawn kotba li kif taqrahom ituk saħħa barranija, jew poeżiji jew nies ikollhom dik id-daqqa, dak in-nar, dak ix-xrar li fik jixgħel dwal mitfija u tħossok u tibqa’ mhux l-istess.
 
Ġieli ħarist lejn pittura int li ma tifhimx u tħossha tkellmek bl-ilwien, bix-xena, bid-dawl, bid-dell:  ikollha ruħ? Ruħ tfisser ħajja ġewwiena li tħalli timbru sħun fuq kull għemil u mġiba, kliem jew skiet. Min jekk ikellmek, jisimgħek ma jibqax l-istess għax fik hemm ġenn bħal ġibda ta’ saħħa, seħer li jpaxxi.                                   
 
Fittex x’jistgħu jagħtuk ir-ruħ, ikel, xorb, qari, mixi, għawm, ħsieb, pittura, skultura, ġnien. 
 
Min ifittex isib:  bla ruħ tkun mejjet u toqtol lill-oħrajn.
 
 

Damdim

altBiex tirnexxi trid l-aħjar ambjent:  skiet, sħana, stonku mimli, moħħ mistrieħ, min iħobbok u b’hekk dak li tixtieq, twettaq, isir. Imma l-aħjar u l-aqwa ambjent hu dak li tinsab fih issa: storbju, paroli, nies li jfixklu u jagħmlulek il-ħsara.
 
Meta kiteb Carmelo Psaila Mons (Dun Karm) (1871-1961) Malta kellha taqlib politiku fit-tmexxija u ħareġ l-aqwa kitba. Meta kiteb Aleksandr Solzhenitsyn (1918-2008) kien mjassar, b’għassa fuqu fiċ-ċlampu u dlik u sirda u ċaflis, kiteb The Gulag Archipelago, 1918-1956: An Experiment in Literary Investigation, Books I-II.
 
Meta kiteb Erin Serracino Inglott (1904-1983) ġol-kenn fil-blat, bil-bombi neżlin. Meta ġie Sawlu, mgħammed Pawlu, fil-gżira fid-DAMDIM; baħar imqalleb li waddab lilu u l-ġifen tiegħu lejna u ħallielna l-wirt : it-twemmin! 
altX’inhu d-damdim tiegħek? Ġo moħħok, ġo qalbek, ġo qrabatek, fil-familja, fir-raħal, belt jew irħajjel fejn tgħix, jew teħel fih, jew taħdem ġo fih.
 
Damdim ilbieraħ, damdim għada, damdim illum, dejjem se jkun hemm, trid tagħraf kif tasal fid-daħla tal-mistrieħ fil-kenn tal-qalb.
 
Ġarrabna fit-13 ta’ Jannar 2016 terremot f’ħafna oqsma fil-gżira, u ħajjitna terremot,  u xorta rridu nidħlulu u nirnexxu.
 

Iqattar

altGħalkemm jekk tkun bħal ħaddieħor tkun tixtieq li kollox ikun sħiħ u bla mittiefes, jista’ jkun li jkollok għalfejn tħobb ħwejjeġ, jew ħidma nofs xogħol.
 
Iżda meta l-ħaġa tkun magħmula u ma jonqosha xejn, twassal iżjed mistrieħ fil-moħħ u l-ġisem. Biss issib min li x-xogħol, il-ħidma jħalliha nieqsa:  aħna ngħidulu jqattar; jiġifieri idum biex ilesti ħaġa.
 
Ħares lejn it-toroq u l-bankini, lejn djar, lejn karozzi, lejn kitba jew tiswija, ilbies, għelieqi, bandli. Donnu hawn telqa; mhux qed ngħid għal ġensna, għalkemm ukoll lanqas għall-Knisja, għalkemm ukoll imma għad-dinja: ħares lejn il-Katidral f’Barcellona, Spanja Basílica i Temple Expiatori de la Sagrada Família, għadu mhux lest: issa xogħol, mewt, flus: iqattar. 
altF’dak li għandna x’naqsmu aħna kemm inqattru ? Nieħdu x-xogħol bil-mod il-mod, tistenna u fl-aħħar titherra.
 
F’qalbi ngħozz il-kittieba ta’ qabilna li minkejja kollox kontrihom Knisja, Gvern, flus, qraba, taparsi ħbieb, xorta ħasbu, ħadmu, kitbu, stampaw u xandru biex illum għandna l-ħsieb letterarju u min irid ipaxxi moħħu u qalbu għandu fejn jimraħ.
 
Tqattarx: aħseb mitt darba u aqta’ darba. Jekk xejn li bdejt, temmu u ma taqsam qalb ħadd ħlief li rnexxejt!
 

Jiena (h)u ħaġa

altPatri Malti li kien jaħdem Toronto, il-Kanada bejn l-1987 u l-1997 kellu qalbu tajba u jgħin b’ferħ liema bħalu. Darba, hu u jitkellem ma’ ommu qalilha, “Ma, in-nies tgħidx kemm iħobbuni,” u hi, bi ħlewwa ta’ omm u dehen li kiber biż-żmien, wieġbet, “Mhux lilek iħobbu ibni imma x-xogħol li tagħtihom.”
 
Fil-ħajja hemm min iħobb u hemm min iħobb iżjed. Xi drabi tant tkun imxennaq għall-imħabba u għożża, li kull ċaqliqa ta’ għarfien u għemil ta’ gost taħsbu li għandek xi niċċa speċjali fil-qalb ta’ xi ħadd.
 
Mal-mogħdija taż-żmien tintebaħ li dan ma kien minnu xejn u jew taqtagħha li taqta’ jew tissokta t-taparsi: skont kif qalbek tkun weġġgħet.
 
altMin huma dawk li jħobbuk tassew? Dawk li jibqgħu jfittxuk meta m’għandekx x’toffri u dawk li jgħożżuk għax int!
 
Għalhekk bosta fil-għabex ta’ ħajjithom isibu ruħhom weħidhom għax dejjem iqisuhom ħaġa u mhux ħolqien ħaj. 
 
Min għandna fil-ħajja tagħna li jimlielna qalbna mhux għax jaqdina imma għax aħna għeżież għalih bħala bnedmin ħajjin li nħossu u nifirħu?
 
Xemx li ma ssaħħanx aħjar il-bard minnha. U min ma jħobbnix għax jien, aħjar idabbar rasu.
 
GRAZZI
 

Tmiem

alt

Hemm drawwa li meta joqrob nofsillejl ta’ tmiem is-sena, ħbieb miġburin flimkien għad-divertiment jibdew jgħoddu; qisu l-għadd se jħaffef iż-żmien. Resqu lejn it-tmiem u xorta ż-żmien għaddej għalkemm ma ntebħux.
 
Nibdew is-sena b’ħeġġa u ħerqa u iżjed ma jgħaddi ż-żmien inbattu. Hekk maħluq il-bniedem. Jekk nitolbu l-għajnuna jew nersqu fejn nistgħu nitkebbsu, allura nibqgħu mimlija bir-rieda u s-saħħa.
 
Meta l-ħaġa tkun tridha int, tixtieq kollox malajr u sewwa, meta jridha ħaddieħor tieħu ż-żmien.

alt U meta ma tiflaħx, tagħmel l-almu sħiħ biex tnaqqas l-uġigħ u tibla’ l-pilloli. Ħeqq imma meta jkun il-każ ta’ ħaddieħor teħodha bil-lajma. Jiġifieri sikwit it-tmiem jiġi qabel: qalbek tkun nixfet, ma baqgħetx tħoss u tfittex bla waqfien u kollox kif ġie ġie basta għal ħaddieħor.
 
It-tmiem ikun dak li tgħix qabel l-aħħar tas-sena u iżjed ma jgerbeb iż-żmien int timmoffa għax ma tfittex xejn ġdid. Aħseb, tella’ x-xogħol, gost u ħidmiet. Għalik għalxejn idoqqu l-qniepen għax ma tintebaħx, idoqqu l-mużika għax moħħok ma jkunx hemm. Tħallix it-tmiem jirkbek għax tgħix ġo gandott magħluq u midfun.
 
Is-sena t-tajba!
 
 

Twieqi Miftuħa

altIl-bniedem minnu nnifsu jħobb jintelaq; mhux bilfors jirnexxilu imma jipprova. It-tfal minnhom infushom, bil-logħob: min karti, min lapes, min bott, min ġebla, min dudu, joħolqu dinja ta’ ftehim, ta’ mistrieħ u dak li għalihom hu ferħ għalina l-kbar jew xjuħ hu ġenn.
 
Ħu ż-żgħażagħ: storbju, diski, inkejja, xorb, namrar, tertuqa; il-mod tagħhom kif ifendu ’l quddiem. Hemm minn żgħar, żgħażagħ, kbar, xjuħ ifittxu l-festa. Sparar, purċissjoni, grokkijiet, laqgħat mal-ħbieb, faċċati tal-knisja mixgħula, vara ħierġa, vara dieħla, marċi. Togħġbok jew ma togħġbokx il-festa fiha tifsira kbira.
 
Tista’ tħares lejha bħala aljenazzjoni jew ħela ta’ flus. Imma jibqa’ L-fatt li ddawwar lira u tiġbed in-nies tal-gżejjer minn barra xtutna. Illum hija l-festa ta’ Marija mnissla bla tebgħa: it-8 ta’ Diċembru. 
 
Bħalissa int u taqra nies fil-Belt ta’ Bormla, Malta jifirħu u jġeddu t-tifkiriet u jogħxew għax fl-eqqel tax-xitwa ssir il-festa, għax jekk it-temp ikun aħrax, il-festa ma ssirx u għalhekk ikun hemm uġigħ il-qalb.
 
X’inhi l-festa tiegħi ? Btala, ġrajja, ħidma, persuna li tferrħek fil-ħajja tiegħek. Jekk kbirt u m’għadekx temmen ma jimpurtax. Imma jrid ikollok festa li temmen fiha nkella tobloq.
 
Il-Festa t-tajba lill-Bormliżi kollha ta’ MALTA u barra
 

Kif u Għaliex?

alt

Minn xogħol għal xogħol, minn ħidma għal ħidma, minn taħbit għal ieħor. Iżda trid jew ma tridx, taħseb u tħammem għaliex weġġgħuni, għaliex qabżuni, għaliex qed jgħidu fuqi. Tieħu l-ħin issib tarf jew ieħor:  imma jaqbel ?
 
Aħjar taħseb ’il quddiem u tara x’jimlilek qalbek, xi jpaxxi lil ruħek u kif tista’ filgħaxija tidħol timtedd fil-kwiet.
 
Bosta, minkejja li kienu  mgħaffġa u lemħu kull mogħdija, tfarfru, inħaslu, ippruvaw u b’għaġeb għalihom irnexxew u stagħġbu kemm telqu d-dlam u issa qed jgħixu fil-quċċata tal-hena.
 
Il-ħajja ta’ kull maħluq fiha tbenġilha jew tnejn, ġerħa jew diqa: mhux qed ngħid tkun tiflaħ għaliha. Nissogra nlissen li tipprova l-iżjed li l-inkwiet tarah kullimkien u ssib min iżidu, iżda ħarstek twaddabha fejn trid int !
 
Dan mhux ħolm jew stħajjil fieragħ iżda ġrajja mimlija ta’ min stabat mal-qiegħ, ħares ’il fuq u reġa’ tela’.
 
X’nista’ ngħidlek, ipprova u tara li dak li seħħ f’ħaddieħor iseħħ fik ukoll.