Għall-Kirjanza
Kemm hawn min jaf jitkellem u togħxa tisimgħu u l-kliem li jingħad idoqq kordi ħelwin ġo qalbek u toħroġ b’għajnejk jgħumu fil-fehma u qalbek tintelaq tistrieħ. Iżda l-miżien jurik jekk il-kliem li nstema’ kienx mill-qalb jew mill-fomm.
Mhux darba tnejn, tlieta’, erbgħa. Kemm nixtieq nistiednek id-dar u nitkellmu. Kemm xtaqt inżurek l-isptar. Kemm nieħu pjaċir niltaqa’ ma’ ommok u missierek. Bik ħdejja d-dinja tħossha teħfief.
Għidut bħal dan intqal u billi tkun fl-uġigħ temmnu u maż-żmien tintebaħ bid-daqqiet f’qalbek li min qalu semma bil-ħsieb li jaqlik, li jżommok biered u kwiet u hu jibqa’ għaddej bi ħsiebu.
Tista’ tħajjar int ukoll u diskorsok ikun biex jimla, biex ikompli, biex isebbaħ. Maż-żmien jinduna u bil-mod il-bniedem jibda jżomm ’il bogħod. Iżommok ta’ li int u jħallik taqta’ għal rasek. Minn ġewwa tibda tħoss il-kruha ta’ waħdek: mhux li tkun waħdek, imma li tħossok waħdek. U din il-ġrajja tkun ħloqtha int.
La bniedem dħaqt bih għax tajtu tamiet fiergħa, għax wasaltlu xbihat mistħajla,mhux se ssibu jersaq lejk, għax tkun għamiltlu ġerħa. Dak li tiżra’ taħsad u l-kliem ma jmurx mar-riħ iżda jibqa’ jgħum fil-moħħ u fil-qalb. Aħjar fomm sieket milli paroli. Aħjar fomm mitbuq milli ħsejjes bla fejda. Bostaħakkiema wiegħdu, għadd ta’ għemejjel.Taw ħoss ta’ kelma. Is-snin ta’ wara wrew li kollox kien duħħan.
Aħseb: ħabib jgħidlekk ‘ok niġi’ u ma jiġix u negozjant jgħidlek naqdik u ma tarahx. Dan darba jkun hu minn fuq; darb’oħra tkun int. Kelma jew tifhimha u għedtha, inkella żommha midfuna.
Għeluq
“Kemm nixtieq ngħix ġo toqba fejn la nara u lanqas nisma’.” Id-daqqiet tal-ħajja jġagħluk taħseb u tfittex il-kenn, toqgħod qrib min taf, u tiltaqa’ ma’ min jogħġob lilek. Tkun qisek brimba tgħix fuq l-għanqbuta tiegħek.
Iżda b’hekk qatt ma tinfetaħ u tgħix il-ħajja tiegħek għax ikollok kollox maħsub u komdu. Jien ġieli tlajt Għawdex bil-vapur u bil-mixi u tieqaf fl-ewwel ħanut li ssib miftuħ u titrejjaq? Ġieli qrajt xi ktieb b’ilsien li taf u li qatt ma tħajjart taqra? Ġieli mort dawra sal-isptar u tara qraba deħlin u ħerġin? Ġieli jekk tista’, rsaqt biex tagħti d-demm? Ġieli ppruvajt tagħmel ħbieb ġodda f’librerija, f’każin? Ġieli tħajjart tmur tara logħba ballun Ta’Qali, l-Mosta u tara x’inhu jiġri? Ġieli dħalt f’xi kappella mwarrba għal xi ħames minuti u tiftakar fil-bdiewa li kienu jżuruhażminijiet ilu?
Mid-dehra dan ma’ jidħolx fil-mudullun ta’ moħħok u għalhekk qisek ferrovija għaddejja fuq l-istess linja ’l hemm u ’l hawn: tmur biss fejn hu maħsub. Biex tiffriska bħala karattru; biex kliemek ikun interessanti trid tiddakkar mill-ward bħalma jagħmlu n-naħal għall-għasel.
Scrooge kien iħobb id-dlam; id-dlam kien irħis. Inti tista’ tkun xħiħmiegħekinnifsek u tgħix ħajtek fil-qamel tal-ħsieb. Tista’ tkun qalbek kbira u tbexxaq il-bieb ta’ qalbek u jkollok moħħok persjana li minnha tgħaddi ż-żiffa u l-frisk.
Bil-kavallieri f’Malta nftaħna. Ara xi ġmiel għandna mhux għax il-Malti ma’ batiex.
Int tista’ tagħżel li toħroġ mit-tinda ta’ ħajtek, taqsam id-deżert tad-dwejjaq u dduq il-benna tal-għejxien.
Hena
Aktarx titbissem u tlissen f’qalbek li hawn min baqa’ joħlom, hekk kif tinstema’ l-kelma u jitfisser il-ħsieb li bniedem jista’ jġarrab il-milja tal-qalb.
Jista’ jkun li fiż-żgħorija jkollna għax moħħna jtir bla lgiem, u fiż-żgħożija nduquha għax qalbna timraħ. Iżda meta nidħlu fż-żmien u naraw li dak li għażilna sar suf, allura naqtgħu qalbna nintefgħu ġo toqba tal-moħħ u nitmermru hemm.
Fil-fatt dan m’għandux ikun hekk. Jekk minn kelma ta’ ħaddieħor, jew imġiba, jew għemil ħażin, aħna nisiltu ħsieb, malajr ix-xejra mdejqa u kiebja tagħna titmermer u flokha titlissen ħlewwa u ferħ, sliem u faraġ.
Timxi bl-arloġġ? Tagħmel kollox fil-ħin? U bil-ħin? Ukoll uġigħ f’qalbek jiġik fil-ħin u jaf iħallik taħtu; agħżel jum fejn tista’ tkun merħi, sib siegħa li tqattagħha fil-ġnien, aqbad ktejjeb minn ġo librerija jew jekk moħħok jagħtik, ixtri wieħed!
Tintebaħ kemm kont qed tgħix fir-rassa ta’ moħħok, fil-gaġġa ta’ lsien in-nies, fis-sikkatura li trid iġġib ruħek skont ma’ taħseb li hu l-aħjar.
John Milton, kittieb, għandu dan l-għajdut; ‘Il-moħħ f’sikktu jista’ l-infern iġibu ġenna, u l-ġenna jġibha nfern.’
Qatt ħsibt f’dan? Ieqaf kemm kemm, ixrob tazza ilma kiesħa bil-mod, ħu n-nifs u tħossok qed tgħix, u ħares madwarek u għożż dak li qed tara. Bil-mod tibda ssoff dak li ħaddieħor ilu jsoff u kien barrani għalik: il-ferħ.
Jekk dil-kitba tħallik fejn kont, sinjal li l-kisja madwar qalbek hi ħoxna; jekk le, sibt il-mogħdija għall-ġnien ġewwien.