Ħsieb: Joseph Henry Abela

Farfett

altĦajjitna fiha l-għajn u l-għeluq; issib il-ħelu u l-morr. Hawn min jibda taraġ u jerġa’ jinżlu, oħrajn jitilgħu u jieqfu fit-tieni sular, il-bqija jitilgħu sal-għorfa tal-bejt.

Il-ħajja tal-farfett tibda miċ-ċokon jekk ma taqtax, tispiċċa fil-beraħ iddur ’l hemm u ’l hawn sakemm ma tintemmx ħesrem.

Ħajtek qatt qabbiltha ma’ tal-farfett, toqgħod, issir, u fl-aħħar teħles; jew qisha molla taqbeż u toqmos u ma tersaqx ’il quddiem.

Bla ġonna l-farfett jispiċċa, bla ċaqliq u ħbieb il-bniedem jitherra. Inti tispiċċa tkun karta vojta, karozza bla magna, dar bla nies. Aħseb ara jħajrekx il-farfett u agħmel bħalu. Sib min ikkabbrek !  

Ġibjun

altTieħu mingħajr ma trodd is-swar tħott.

F’ħajjitna nixtiequna hienja, dawk oħrajn li nirrendu, qisna flus li jaħilbu l-imgħax. Sikwiet jiġri għax nitqanżħu għal qies mistenni li nispiċċaw bla grazzja, nagħfsu u ma joħroġ xejn inpeċilqu u ma ngħarrfux: diska li marulha is-singi.

Irridu jew ma rridux, irridu nixorbu minn x’imkien, ktieb li jsaħħarna, persuna li tifhimna, namra li ġġenninna; jekk ma’ jkollniex, ninxfu u nobolqu, qisna għalqa bix-xewk, jew ġnien bl-għollieq.

Siġra tal-lumi ta’ kull qamar mhux dejjem ħadt ħsiebha imma tarmi sewwa u bil-gost; minn x’imkien qedha tiġbed għalkemm ma jidhirx. Kull min fommu għasli għandu ġibjun li qed isaħħu: taf fejn hu l-ġibjun tiegħek? Fil-każ tgħallem minn ħaddieħor.  

Lagħbuni

altIl-logħob għandu s-sehem tiegħu fis-saħħa, fil-moħħ u fis-soċjetà; logħob bil-kliem, iġelġel, jaqsam u jherri; l-agħar il-logħob bin-nies.

Ġieli tinzerta waħdek u jgħaddilek ħsieb: hemm lagħbuni u jibda ġej ħsieb wara ieħor, kelma ħdejn oħra, tbissima ta’ wieħed jew waħda u tgħid – ‘kif lagħbuni’ u hemm tħossok mixrub u mikdud. Minn għalik li l-vapur sejjer sewwa u ssib li ħareġ barra r-rotta.

Xogħfa bħal din il-ftit tal-ftit ma’ għandhomx u għalhekk jiżdied il-qerq, il-ħsieb ħażin u ż-żewġt uċuh; għax la għamilha lilek trid tagħmilha ’l ħaddieħor.

Jew tagħżel li tgħix il-ħajja, jew tinkedd kull siegħa li tgħaddi !  

Għanqbuta

altMa nafx għaliex l-għanqbuta ssaħħarni ! Kont iżgħar u niftakarni nara ritratt ta’ waħda bejn il-weraq u s-sbuħija u n-nisġa fihom gost.

Naħseb li r-riħa tal-bottijiet li jeqirdu d-dubbien u n-nemus iddejjaqna u l-għanqbuta taqbad id-dubbien u n-nemus bla riħa u l-brimba tikolhom. In-natura madwarna tressqilna ħafna sbuħija u reqqa ta’ xogħol u ġmiel, ward, zkuk, siġar, ħamrija, widien, ilma, għelieqi. Min għajnejh miftuħa u mhux magħluq fih innifsu jara, jilmaħ, jifli, jgħarrex u jgħożż.

Imma l-għanqbuta ta’ min jgħarbilha: x-xogħol li fiha; is-sogru tal-brimba hi u tixxengel biex tibda l-għanqbuta. Għanqbuta fir-rokna tejn biex teħilsek mid-dubbien u n-nemus u tajba, u jekk tista’ teqridhiex.

Għanqbuta fil-moħħ ma tridhiex. Min għandu l-għanqbut f’moħħu mhux lakemm tfiehmu, mhux malajr jisma, mhux ħafif biex jaqtagħha. U għalhekk jista’ jew tista’ ġġib tbatija u wġiegħ lil ta’ madwaru. Dejjem kien hemm it-tingis – l-uġigħ imma meta ma jifhmukx tinkedd, meta tipprova tidħol f’moħħ u ssib ix-xtiebi, bibien magħluqa, msakkrin u ssiġġilati, taqta’ nifsek !

Min jaqra ktieb ma jkollux għanqbut għax jaħseb, min jitħallat, rexti, tertuqa, laqgħat, briju, moħħu jkollu l-wisgħa biex jerħi, jidħaq, jifraħ; ma jibqax mhux imfarfar. Moħħok għandu bżonn tfarfira mill-għanqbut. Aktarx li le jekk qrajt dan il-ktieb sa l-aħħar tikka.  

Niċċa

altMin jimxi u jħares ’l fuq jilmaħ fil-kantunieri tat-toroq, niċċa, jew mixgħula jew mitfija. Tista’ tkun f’sura u qagħda mill-aqwa; jekk xi ħadd jieħu ħsiebha u tista’ tkun mitluqa.

Il-kotba u l-qari f’Malta u f’Għawdex fil-qedem, ma kienx daqstant mifrux u għalhekk biex tfittex bniedem jew familja, ridt iddum sakemm ma joħdokx xi ħadd.

Bis-saħħa tan-niċċa fil-kantuniera, fl-għoli, min jgħammar hemm seta’ jgħidlek fejn noqgħod fi TRIQ TA’ SANT ANDRIJA jew TRIQ IL-QALBA. B’hekk jaf jew ma jafx jikteb inti stajt issibu u għalhekk kienu n-niċċeċ u l-istatwi biex nsib fejn int u fejn sejjer: qisu t-tagħmir li ssib fil-karozza li jwasslek li jgħidlek min fejn tgħaddi u fejn tasal.

In-niċċa hemm tibqa’; ma tiċċaqlaqx; jew jieħdu ħsiebha jew titiekel bit-temp jew xi bravu jkissirha.

Qatt ħsibt li inti tista’ tkun bħan-niċċa biex tidher, biex tagħti fil-għajn mingħajr ma toħroġx minn triqtek jew mid-drawwa li trabbejt fiha. “Il-għada (drawwa) li titrabba fiha il-kifen biss ineħħiha.

Idħol għal dak li hu ġdid, duq minn dak li ma jħajrekx, dawra s’Għawdex, żjara lil Kemmuna. Idħol fil-Bibjoteka l-Belt Valletta u tara ringieli fuq ringieli ta’ kotba. Oħroġ għall-Karnival, żur Sptar Pawlu Boffa – Floriana, San Vinċenz, Ħal-Luqa, Mater Dei – San Ġwann. Dak li ma jħajrekx illum tista’ tinħtieġu ’l quddiem. Tibqax f’niċċa għax il-ħajja taħrab u tibqa’ xott u niexef minn ġewwa.  

Dejjaq

alt“Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet.”

Mhux il-ħsieb tiegħi li nfisser il-kelma t’Alla imma li nuri t-tifsira ta’ dejjaq.

Tempora mutantur et nos mutamur cum illis.” “Iż-żminijiet jinbidlu u aħna ninbidlu magħhom.”

Iċ-ċagħaq jgħin f’kollox, iġġorr minn imkien għall ieħor tisma’ bil-qalb: toħroġ mid-djuq ta’ moħħok meta ġġarrab. Saqsi l-imġarrab !

Min qatt ma ħareġ mill-fostqa ta’ ħajtu, ħsiebu, ġismu, ġrajjietu qatt ma kiber, qatt ma nħejja, baqa dejjaq.

Mikiel Anton Vassalli (1764-1829ċaqlaq kullimkien bil-ġiri f’ħajtu, bis-safar fiż-żmien, bit-tħabrik u l-għaqdiet ċaqlaq kemm seta’ u weġġa’. Illum insoffu l-ħidma tiegħu fil-kitba u ġrajja.

Ebda bniedem dejjaq ma jista’ jagħti sehem imkien, għax ħarstu tieqaf xiber ’l bogħod minn għajnejh.

Jekk ma tafx ilsienek sew, inti dejjaq ! Jekk ma taqrax b’ilsienek ukoll, u jekk ma taħsibx iżjed u iżjed. Il-marid li ma jafx li hu marid ma jistax ifieq. Bniedem li f’daru għandu ġnien u ma jżurux u ma jidħolx fih, għaddej bin-nieqes ukoll. Issib li għandek ilsien bħal dan: IL-MALTI u ma tħaldx fih !

Ħobb jekk jaqbilek l-ilsna barranija, iżda le tbarri dak li hu ta’ ġewwa. (Dun Karm)  

Monti

altIL-ĠIMGĦA fiha sebat ijiem. Kull jum tal-ġimgħa f’xi raħal jew xi belt f’Malta issib li hemm il-Monti: bejjiegħa li jarmaw kmieni filgħodu u jbigħu u jaqilgħu u wara tant sigħat iżarmaw u jdabbru rashom.

Ikun hemm gost tiġri ’l hemm u ’l hawn u wkoll jekk ma tixtrix, tifraħ tara oġġetti tal-logħob, ta’ ħtieġa, ta’ gost. Tqabbel il-prezzijiet, mhux bilfors ikunu l-irħas, imma jekk togħġbok u teħtieġ, tixtri u aktarx titlaq bla niket.

Jekk ma tkunx midħla tas-suq u ma tafx il-jiem bl-amment, tkun taf wara li jispiċċa mit-tilqit tal-karti u kartun u żibel ieħor. Jekk aħna ġens nadif u l-mara Maltija kburija li darha xummiema, għaliex wara s-suq ikun hemm iż-żibel ?

Int li tixtri, ħu ħsieb armi f’laned xierqa u mhux fl-art, u int li tbigħ ħu ħsieb li r-roqgħa tiegħek, li tħares b’tant ħeġġa, żżomma nadifa . Xi tgħid kieku flokok issib lill-ħaddieħor ibigħ, ara kemm taqla’ paroli u kustjonijiet. Qis li jkollok borża u r-rimi fit-taqsima tiegħek imur kollu hemm.

Wara kull Monti tara kenniesa jnaddfu u jiġbru kemm fis-sħana u kemm fil-kesħa; x-xogħol isir dejjem. Sew li kull Sindku u Kunsilliera tal-post jagħtu daqqa t’għajn u jaraw li jkun hemm l-indafa.

Int li qed taqra u ma tersaqx lejn suq, ma jfissirx li ma tieħux ħsieb li beltek, raħlek tkun bla ħmieġ. Min ma jagħtix każ id-deni f’ġaru jiġi f’daru.

Monti tajjeb, suq nadif !  

Waħx

altInti u jien u oħrajn nidraw; ġrajjiet jieħdu sura, xebħ u maż-żmien jintesew jew il-moħħ jibda jerħi jew jidħlu tibdiliet f’qalbna u kollox joqgħod, nies imutu, oħrajn jitwieldu, uħud jiżżewġu, l-ħafna jinfirdu u dawn huma l-aħbarijiet miktubin jew mtennin. Iżda ġrajja li tmiss lilna u ġġelġilna hu l-waħx; vojt; battal li jaħkimna u jiżmaga l-ġogi ta’ moħħna.

Hawn min jibża’ mill-wirdien, oħrajn mill-ġrieden, oħrajn mil-lejl, oħrajn mil-ċimiterji, uħud mill-eżamijiet, mill-mewt, mill-isptar, mix-xjuħija, mill-qerq jew li jibdlek: ma jibqax iħobb lilek jew li tispiċċa bla flus jew f’ilsien in-nies. Il-waħx jaqbdek mingħajr ma taf kif u m’għandekx ħakma fuqu.

L-ewwel ma trid tagħmel hu li tibda tidħol bil-mod il mod fit-taħbila ta’ qalbek u tara bil-għajnuna ta’ mħarreġ x’tostor il-moħba ta’ qalbek: ħolm it-tfulija, tiġrib ta’ tbatija, uġigħ mistur.

Jekk ikollok ħbiberija aħħarija bniedem, bniedma li tista’ tferra’ miegħu jew magħha, tintebaħ li int u ssensel ħsibijietek jibdew itiru d-dellijiet u li iħirsu tibda ssaffa il-qalb u dak il-waħx li kien jitilfek minn sensieq issa dab, ma’ baqax. Għax waħx hu meta ma tafx fejn se taqbad tagħti rasek, meta ċ-ċappetti ta’ ħajtek, flus, imħabba, ħsieb, saħħa, kumdità jibdew iċedu. Imma jekk tbiddel ħajtek minn ġewwa kuljum ebda waħx ma jaħkmek.  

Arloġġ

Joseph Henry Abela, Qassis

alt

Sabiħ itektek għaddej bil-waqt magħdud. Qatt ma jieqaf, qatt ma jxellef bħal moħriet jiftaħ il-qlub. Jekk qatt taħseb li tirbaħlu jew tmejlu u tbattih, ħażin jgħarralek għax saħħtu ma tmur qatt.

Int torqod u tqum, taħdem u tistrieħ, tiekol, tlablab, titlewwem u tgħaddi ż-żmien sabiħ imma hu bla nifs itektek jiġbor kull sekonda bla ma jieqaf, bla jistrieħ. Xi darba għalik jieqaf meta inti ma tibqax imma għall-oħrajn jibqa’ jaqdef fuq ħalel minn dawk il-kbar.

Mhux aħjar titgħallem tqassam u tifraħ li hemm il-ħin, mhux aħjar iżżur il-ġonna u tqatta’ l-ħin mal-maħbubin. Għax għad tħares barra u tgħid kemm stajt għext aħjar, ħabbejt lil min ħabni u ħallejt id-dinja aħjar.

Bil-għaġla u bil-fixla ibda ħidma ma toħroġ sew. Aħjar bil-mod u sewwa u tasal fejn tixtieq qawwi u sħiħ. Jekk titgħallem tiekol tajjeb u ttiegħem bil-galbu u sew ikollok is-saħħa u l-mard ibewweġ tassew.

Tħallix l-arloġġ imexxi; se jibqa’ jdur, agħraf kif tgħix ħajtek ta’ kuljum, strieħ, aħdem, ħobb kif tista’ biex meta l-aħħar tokk idoqq, int tgħid għall-erwieħ kollox għamilt, issa nista’ mmur bil-kwiet. Saħħa arloġġ; għext ħajti !

Mafkar

altFil-gżejjer Maltin: Malta, Għawdex, Kemmuna, Kemmunetta, Filfla u l-Gżira ta’ Manwel issibhom ’l hemm u ’l hawn fit-toroq, fil-ġnub, fil-kantunieri, mal-ħitan tal-knisja jew każini, monumenti ta’ ġrajjiet u nies kollha b’xi kitba. Għall-bidu jkun hemm il-ħerqa, l-ħeġġa, l-ġbir tal-flus, it-twaqqif tal-monument, xi fjuri u mbagħad maż-żmien kollox jindera u jintesa jekk ukoll ma jsirx it-tiġrif.

Kull mafkar għandu storja u għalhekk sar hemm għal xi raġuni. Jekk Sindku ma jinteressax ruħu u jiġbor fil-kitba l-monumenti bir-ritratt u l-kitba tibqa’ l-ġebla u tispiċċa r-ruħ tal-ħidma tal-ġrajja.

Jekk is-Sindki jingħaqdu u jinġabru t-tifkiriet tal-monumenti u l-kitbiet tagħhom, il-qarrej jista’ jaqrahom fil-kwiet ta’ daru u jfittixhom u jsibhom u japprezzahom.

Jekk ma jkunx hemm nisġa ta’ ħsieb u kitba, l-ġrajja tar-raħal u belt tintilef u n-nies li ħadmu u stinkaw biex taw ġieħ il-ġens jibqgħu jindifnu fil-mixja taż-żmien.

Tkun żgħir u żagħżugħ mhux lakemm jinteressawk ta’ qablek. Meta jidħol iż-żmien taħsibha mod ieħor, ħerba mhux biss meta jinqerdu d-djar bil-bombi u jmutu nies bl-għargħar; ħerba hi wkoll meta timxi bla ruħ qalb nies qalbiena ta qablek li ħasbu għalik biex tgħix ħieles, u hekk għallinqas kun af bihom. Jekk is-Sindku mħabbat -ibda x-xogħol int !