Ħsieb: Joseph Henry Abela

Nedha

altMin jissikka jaqsam: ta’ żagħżugħ kont fuq it-turretta tal-bejt naqra u rajt il-ħbula tal-inxir ta’ ommi merħija u deherli li kelli nissikkahom; hekk għamilt. Xi jumejn wara smajt xegħir u għajjat: kont naf x’ġara. Tlaqt baxx baxx għal mixja u dħalt lura bil-kwiet billejl.

Ir-riħ ġibed il-ħwejjeġ u l-lożor u billi ma kellhomx imlaħlaħ inqatgħu l-ħbula u mar kollox fl-art.

Jekk il-bniedem, int u jien ma tgħallimx jaqta’ jbiddel, ikollu xorta ta’ namra jew gost jispiċċa jitkisser u jitherra. Il-ġisem biex jinbena jrid il-mistrieħ u l-moħħ biex jieħu r-ruħ, irid iderri.

Għandek jew m’għandekx fiex tedha, ġnien, qasrija, kotba, logħob, mixi, taħdit, żjarat, safar, ma tistax tibqa’ għaddej għax teħtieġ il-bidla, il-frisk u n-nifs il-ġdid, iċ-ċaqliq. Jekk dan tafu u twettqu qiegħed sew imma jekk qed issir taf bih issa tħajjar iċċaqlaq, agħmel ħidma mhux tas-soltu.

Ħafna semgħu u waslu u laħqu fejn ħaddieħor anqas biss xamm u xħin tgħarbel ħajjithom issib li kienu jafu jqassmu.

It-tqassim iġib il-ġid u s-saħħa għax il-ġid tajjeb iwaqqaf u jkabbar. Għaliex taħseb fil-qedem in-nies kellhom il-villaġġatura; minn ta’ kuljum titlaq għal tas-sajf għax b’dak iċ-ċaqliq il-bniedem ma jimradx.

Għaliex iċ-ċajt għax mis-serjeta tidħol fit-tbissim u ta’ kuljum jiġi ġdid, ħelu, gustuż u pulit. Nhedha għax tibqa’ ċass.
 

Qadim

altInt tikber minn ċkejken sa kbir tara u taħseb x’ġie qablek, x’ġie miegħek u x’ġie warajk.  Ġo moħħok jidħol il-ħsieb li dak li ġie qablek rota, sejjieħ, televiżjoni iswed u abjad, razzett, rota ta’ karettun, trepied, żinġla bieqja, buqar u dak li ġie warajk ċellulari, tagħmir tat-tagħrif, karozzi ċkejknin li jidħlu kullimkien.

Ix-xjuħ jidhru żejda, il-morda titħassarhom, min jisker, min jiżbalja u jpatti.  Tħossok mimli bil-ħajja ma jrażżnek ħadd u tibqa’ għaddej u ’l dawn f’qalbek twarrabhom.

Maż-żmien tintebaħ aktarx, għax doqt li ġie qablek, knisja, razzett, ħamrija, ġonna m’humiex daqshekk bla tifsira u bla ħajra u tibda tara s-sabiħ lil-opra, tar-rakkont tan-nanna, tax-xiħ, tal-marid, moħħok jinbidel u tibda ddaħħal fl-għamara ta’ moħħok li kollox hawn postu.

Ara teruqa ta’ qabel bl-atturi żgħażagħ u tixtarr il-ħajja tagħhom, it-tejatru ta’ qabel, it-toroq taż-żonqor, monumenti ħdejk u miegħek u għajnejk jinfetħu li l-ġrajja ilha li bdiet u qabel iżżerżaqt fid-dinja.

Fid-dinja m’hemm xejn qadim u ġdid hemm ħannieqa u int wieħed jew waħda miż-żibeġ.  Kieku ma kienux ta’ qablek m’intix int u tħoss li l-ħwienet li jbiegħu l-antik iġibu ċertu nostalġija għax donnu dak iż-żmien ta’ qablek kellu ċertu ordni li llum int għax għandek iż-żmien tixxennaq għalih.

X’int qadim jew f’ġdid, f’saħħtek jew fuq il-molol, tistrieħ fuq il-qadim għax sod.

Statwa

altF’kull belt jew raħal jew irħajjel Malti u Għawdxi ssib statwa meqjusa jew ta’ raġel jew ta’ mara. Aktarx din l-istatwa, jgħożżuha u jdawruha b’deheb u ġawhar u din l-istatwa darba f’sena, jekk ma tkunx xita, toħroġ iddur fit-toroq tal-belt jew raħal jew rħajjel.

Ikun hemm tiżjin fit-toroq, daqq ta’ baned, sparar ta’ bombi u logħob tan-nar. Mhux kulħadd jaqbel: hemm min jgħid ħela ta’ żmien, hemm min jistqarr aljenazzjoni, hemm min jgħid injuranza, oħrajn tradizzjoni, oħrajn devozzjoni u oħrajn dannazzjoni.

Hu x’inhu l-fatt issir; u jew tieħu sehem jew iddabbar rasek jew tgorr jew tipprova tifhem. Il-barrani jissaħħar b’dawn il-ġrajjiet – Jeremy Boissevain għandu l-ktieb ‘Saints and Fireworks’ li ħareġ fis-sena 1965.

Qatt ħsibt fl-artist li ħadem l-istatwa ? Qatt interessajt ruħek fin-nies ta’ qablek li ħallsu għalik bil-qalb ? Ġieli għaddielek minn moħħok kemm familji jiltaqgħu għall-festi u jġeddu l-ħbiberiji ?

U Maltin u Għawdxin li jgħixu barra minn arthom u li jiġu għall-festi jifirħu, jiltaqgħu mal-familja ħajja u jerġgħu lura f’pajjiżhom. Kemm fiha tifsira dik l-istatwa għan-nies, kemm tqanqal nies u ħwejjeġ u ekonomija, ilbies, ikel, tibjid, tisjir, dwal.

Barrani jaf jgħożż; festa minnhom hi t-8 ta’ Diċembru, Belt Bormla taraha miġbura b’saħħitha, magħquda. Mhux biex temmen imma biex tara x’isir; interessa ruħek għalinqas tkun taf daqs il-barrani fuq ġrajjiet art twelidek !
 

Nieqaf

altHawn min kelma jobżoqha u  wara jgħid x’għamilt b’ilsieni:  qed ngħix f’dinja fejn mhux kulħadd iħobbok anzi jobogħdok.  Dan ngħidu għax narah b’għajnejja.  Għalhekk qabel titkellem staqsi; tibda ħidma jew negozju trid tieqaf, tħares, taħseb u tistaqsi bejnek u bejn ruħek: dawn iriduli l-ġid, jixtiquni nirnexxi, lesti jgħinuni jew ninsab waħdi?  Kif twieġeb għal dawn il-mistoqsijiet tista’ tibda x-xogħol.

Ħafna bdew bla ma ħasbu, jew daħlu fi sħab bla ħsieb, jew fetħu għommiethom ma min xtaqilhom id-deni u ntebħu tard.

Int ġralek xi ħaġa tixxiebah?  Xħin tħares lejn l-imgħoddi tinqaras għax xi ħadd qliek?  Kemm tieqaf illum u terġa’ tieqaf għax …

Meta tieqaf tiffranka l-ħin, il-ħela tal-ħin, l-uġigħ; id-dubju, għadab u dwejjaq.  Twettaq inqas u aħjar jigħidulha ħajja bil-għaqal jew bil-qies.

Ħares madwarek u ara kemm nies ingidmu, tgerrbu, weġġgħu, indarbu għax ġrew flok imxew għax iddeffsu flok daħlu għax middew riġlejhom barra l-friex.

Taħseb kemm taħseb, tieqaf kemm tieqaf, dejjem se titgerbeb xi waħda imma għallinqas kont meqjus u bil-galbu, tħares il quddiem u terġa’ tibda.

Tieqaf ma jfissirx li teħel u ma tagħmel xejn jew ma tissugrax.  Tieqaf ifisser li taf  bla xogħfa li fil-baħar hemm il-klieb il-baħar u dawn lesti għalik; tħallihomx jikluk bla bżonn; ieqaf.

Tabib

altImħabbat bix-xogħol, imdejjaq b’ta madwarek u ma għandekx ħin għal saħħtek.  Jiġi waqt fejn kollox jinġabar ma’ kollox u tispiċċa l-isptar bl-uġigħ, taf tmut u tibqa’ kiesaħ.

Jekk mejjet m’intix taqra, ħajtek għixtha u bdiet oħra; la għadek ħaj u  taqra kellem lit-tabib biex tara fiex tinsab.  Sibu ħin kwiet u tkellem miegħu jew magħha u isma’ u jekk tiftakar niżżel biex ma jaqbiżlek xejn.

Il-ġisem imbagħad tal-lum mhux dejjem juri li xi ftit mhux sew jew li jeħtieġ dawra u tkun moħħok banda oħra, tibqa’ għaddej u tieqaf f’daqqa.

Il-mitt xejn qatlu ħmar u għalkem inti tidħol fil-qasam ta’ ħlejjaq tal-moħħ xorta waħda tista’ titlaq.

Il-mard tal-lumhu fin u billi hawn il-meżżi tista’ titraskura mbagħad …

Darba f’sena ara tabib.  Jagħmillek vista sħiħa ara x’jipprova jsemmilek biex inti tieħu ħsieb.  Xorta jista’ jiġrilek kollox avolja tkun għamilt li jmissek imma ghalinqas jekk ikollok tmur ma titlaqx muġugħ.

Bosta kienu dawk li marru bla ħsieb u għadd ieħor se jmur ukoll.  Ipprova tkunx wieħed minnhom:  żomm iżjed minn tabib wieħed biex meta jkun is-safar ikollok l-ieħor.

Aqra fuq is-saħħa, ara programmi televiżi, serji u kun minn ta’ quddiem f’dik li hi saħħa; tal-moħħ ukoll u tal-qalb (imħabba).  Int trid tkun it-tabib tiegħek innifsek, fittex it-tabib u tara kif ħajtek żagħżugħa jew mhix ma jkolliex tkaxkir jew telqa.

Il-ħajja hemm biex tgħixha u t-tabib qiegħed hemm biex jaqdik, fittxu, weġgħhu u qimu.  Saħħa fil waqt.

Uġigħ

altJekk qatt qattajt lejl fi sptar, ġod-dar u titqalleb min-naħa għall-oħra tistenna li jgħaddi l-lejl għax qawwi l-uġigħ kif tara din il-kelma tiksaħ, tibjad u tegħreq !

Imiss lil kulħadd, żgħar, kbar, m’hemmx ilqugħ, jidħol biex joqgħod.

Hemm l-uġigħ tal-ġisem ġewwa jew barra, jidher jew ma’ jidhirx.  Hemm tbatija tal-moħħ tixtieq in-nies jifhmuk, iserrħuk, ikunu miegħek u dan ma’ ssibux.  U tfittex u tibqa’ tfittex.

Hemm l-uġigħ tal-qalb.  Tistenna li jħobbuk, ifissduk, li jduru miegħek u dan ma ssibux u tistenna u tinfena bil-mod jew malajr.

Hemm l-uġigħ tar-ruħ fejn ta’ madwarek u tal-bogħod m’hemmx wisgħa għal Alla f’qalbhom.

Tista’ f’ġenn taż-żgħożija titħabat biex tneħħi l-uġigħ tal-oħrajn u ma jirnexxilekx u taqta’ qalbek u taqsamha u tieqaf hemm.

Tista’ twebbes qalbek u taħseb għal rasek u l-uġigħ tal-oħrajn iżżommu barra minnek.  Jiġi waqt meta ġġarrab il-madmad tal-uġigħ.

Tista’ iżda toħroġ minnek innifsek, tgħix bil-għaqal u qies u l-uġigħ f’ġismek, f’moħħok, f’qalbek u f’ruħek jibda jiċkien. Jekk ħaddieħor jara fik imħabba, hena u għożża flimkien ma’ ħbiberija, dak li kien uġigħ niffiedi, iebes, jibda jerħi u jnaqqas:  tkunx int il-kaġun tal-uġigħ tiegħek u ta’ ħaddieħor.

Niftaħ moħħi !

Ġieli jinstaddu l-katusi tar-rimi u trid u ma tridx ikollok tiftaħ għax l-irwejjaħ ma tiflaħhomx.  Jista’ jkun li jkollok tiċċaqlaq għax bniedem diskorsu jdejqek, ukoll tieħu xogħol ġdid għax tkun tlaqt l-ieħor, imma li tiftaħ moħħok mhux lakemm isseħħ.

Int, mlaħħaq u m’intiex, taqra jew ma taqrax, tal-Knisja jew bil-maqlub, taf li kollox tiegħek tajjeb u int biss isib it-tarf tax-xkiel ukoll jekk taħseb li tiżloq u hekk temmen għax jekk xi ħadd ifettillu juri triq, dawl, mogħdija, ħsieb, mhux bħal tiegħek, tibilgħu u tieklu.  Twerwer ukoll minn min jaħseb li hu ċkejken: ukoll jekk ikun tal-Knisja għax ma’ jkunx:  Il-ġrajja ta’ qabilna u  ta’ madwarna dan sqitulna bil-provi.

Biex tiftaħ moħħok l-ewwel ma trid tagħmel hu li trid, ukoll jekk dan ma teħtieġux; hekk taħseb.  It-tieni trid tieħu l-ħin mhux kemm tixtieq int, imma kemm jeħtieġ; smajtu l-qawl: ‘Qattusa għaġġilija frieħ għomja tagħmel’.

Fittex nies li ma jingħalqux u li tarahom barra , ersaq lejhom, tħallat magħhom, tara kemm titgħallem li tinkwieta għalxejn.  Sib mexxej tal-ħsieb u ftehim miegħu jew magħha u ara x’ilissinlek u isma’ u xtarr.

Għama jmexxi l-għama:  it-tnejn jaqaw fil-ħofra.  Moħħ miftuħ ifisser moħħ ħaj u li ħaddieħor ukoll iħossu tassew frisk u ħieles miegħek.  Moħħ miftuħ ifisser li kull persuna timxi skond waqtgħa u għalxejn tgħaġġilha għax timxi għal rasha.  Jekk qrajt dan hu xebbgħek m’għandekx għax tinħassad, moħħok mhux frisk.  Ħasra jekk ma’ ntbaħtx.

Infendi waħdi

Kemm aħjar taħseb fl-oħrajn, tieħu minn ħinek biex taqdi u tgħin !  Imma meta togħtor int, lil min se ssib?  Isir ħafna diskors fil-knejjes, fir-rivisti reliġjużi, ċivili u ta’ gruppi għal rashom:  xħin tiġi s-siegħa tal-prova tibqa’ ssaffar.

Iva:  tgħid x’tgħid, tagħmel x’tagħmel, inti waħdek!  Mhux l-istess li tħossok waħdek.  Tkun waħdek tfisser li m’għandekx nies ħdejk u miegħek imma f’qalbek taf li hemm min jgħożżok u jridlek il-ġid.

Iżda sew li żżomm f’moħħok u ċar li dak li tista’ tagħmel int, agħmlu u dak li ma tistax tagħmel agħmlu, għax se jiġi waqt li ma tkunx tista’; u tbati u tokrob u tibqa’ fejn tkun.

Jekk tiftaħ oqsma bħall-qari u kotba rqaq, jew qsari ċkejknin, jew inkella namriet bħal pittura, bizzilla, ħjata, mixjiet, żjarat fi mkejjen kulturali ssib li moħħok imqassam u frisk, jaħdem u jrid.  Mhux f’kollox issuq int, hemm dawk li jmexxi ħaddieħor; storbju, żbalji, ngombru, gideb u dawn jekk ma’ tkunx imħarreġ ikissruk u jherruk. Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu; dan jista’ jsir apposta u jista’ jsir għax il-bniedem ma’ jkunx jaf.

Jaqbillek tibda minn issa mingħajr ma tiffissa; lest it-testment jew beħsiebek tagħmlu meta moħħok ikun tar?  Ħabbatt bibien biżżejjed biex meta tiġi fil-ħtieġa ssib?  Mort f’xi dar tax-xjuħ tara kif inhuma u x’jonqoshom?  Xi darba se tispiċċa hemm, trid jew ma tridx.

Ibda għix; orqod bil-qalb, kull bl-aptit, imxi bis-saħħa, aqra kotba li ma jdoqqulekx, ipprova toroq ġodda.  Awstraljan magħruf li deher f’qabda stazzjonijiet tar-radju u  televiżjoni, li kien nieqes sew mis-saħħa stqarr fuq ir-radju Ingliż:  ‘Kont inkun iżjed ħanin u kont nimxi dejjem sew ukoll meta ma rawnix in-nies.  Nagħmel li għandi nwettaq issa; imbagħad għada min rah?

Ilsien in-nies

L-Ilsien bla għadam u jaqsam il-blat.  Kull min qed jaqra għandu xi jgħid fuq ilsien in-nies u kemm jagħmel ħsara.

Aħna qisna landa battala li trid timtela’ u aktarx timtela’ bl-għajdut tan-nies fuqna u ninħarrqu u ninkwew.  Irridu nagħtu r-risposta u nuruli aħna mhux ta’ min jidħaq bina.

L-ewwel ħaġa aħna min aħna , u min jgħid li aħna nies biż-żebgħa, kisja ġir jekk dan inħalluh jidħol ġewwa jispiċċaw li jmexxuna, jekk iżda nilqawlha ma jmissu xejn.

Mhux darba jew tnejn nidħlu f’ħanut tat-tè u jkun hemm nies li aħna nintebħu li qed jgħidu fuqna mingħajr ma jafuna u nkompli magħhom ngħaffġu l-borma u f’qalbna nidħku b’dak li jħarrfu u jaqilhu.

U tgħid kemm ma ngħarblux u nlabalbu u nfaqqgħu qisna għandna l-aqwa taħriġ u nsenslu ħrafa daqs li kieku nafuha.

F’pajjiż fil-Mediterran żagħżugħ spiċċa l-Qorti u l-ħabs għax deher li kien hemm prova li seraq għalkemm stqarr fuq li stqarr li bla ħtija; min jaf x’qalu n-nies.

Ftit wara nstab ieħor li stqarr li hu kien il-ħati u tela l-Qorti u weħħel bis-sentenza.  L-ieħor wara talba tal-pulizija ħareġ għax deher li kien bla ħtija.

X’qalu n-nies fuq ta’ l-ewwel?  X’qalu n-nies fuq it-tieni?  X’qalu n-nies  fuq kollox?  Int nies ukoll u bħal ħaddieħor xi daqsxejn tkellimt u ħriġt il-verdett tiegħek.  Mhux aħjar fuq in-nies ma żżidx xejn bl-ilsien hu,  u wara kollox l-ieħor ma naqasx iżda xorta tnigges minn ilsien in-nies.

Tabilħaqq

Il-moħħ mhux dejjem jixgħel il-ħin kollu.  Hemm waqtiet meta xi kantunieri ma jarahomx u b’hekk issir ħabta:  ħabta tal-moħħ jiġifieri jew ikun nesa jew qabeż xi mġiba jew kliem.

Tiġri li tgħaddi minn triq bosta drabi u xi ħadd isemmilek li hemm lapida jew mafkar u int maħsub tifhem li qatt ma rajtu qabel qribek, ħdejk, taħtek u ma lmaħtux.

Kull tant żmien il-moħħ irid rifda,jeħtieġ għajnuna biex iżomm ġdid, fuq ruħu, ċar.

Dawn ikunu kitbiet ċkejkna ’l hemm u ’l hawn.  Għajnuniet ta’ ħwejjeġ differenti, ilwien, daqs ħoss biex ma jgħaddix iż-żmien u l-ġrajja għal qalbek ma’ sseħħx.

Għaliex għandna kemm il-mafkar Malta u Għawdex?  Biex ikollna ċar x’ġara u bis-saħħa ta’ min seħħ.

Ukoll il-bnedmin qrib tagħna għidulhom għeżież jekk tridu jew maħbubin jekk jaqbel, jew qraba jekk jgħid id-demm. Dawn ikunu ħdejna u ma nintebħux, inħarsu u ma narawx.  U dan għax m’aħniex naraw tagħna biss; inħossu tagħna biss; nifirħu b’tagħna biss; nibku b’tagħna biss.

Jinqala’ l-għawġ, jintemmu ħbiberiji għax kulħadd għal riħu u TABILĦAQQ ma ntebaħx .

Qum minn nagħas u l-ħedla:  taf x’inhu jsir madwarek?  Qed tonqos lil xi ħadd li għandu jeddgħal ħinek; għall-għożża tiegħek; għall għajnuna; għall-flus li għandek tagħtih?

Moħħok hemm xħin tgħid il-kelma ‘tabilħaqq’ jista’ jkun li dak li ġara ġara u ma tistax iġġibu sew. Aħseb issa biex fis-siegħa tal-prova ma toħroġx tellief.

Kultant, lil moħħok agħtih tiġbida ta’ mħabba!