Arturo Caruana

MIN KIEN ARTURO CARUANA?

BDL Books - Arturo Caruana

Jingħad li skont reġistru tad-dfin fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata u fl-att tal-mewt tar-Reġistru pubbliku, Arturo Caruana twieled fil-Kajr, l-Eġittu, waqt li fl-att taż-żwieġ tiegħu u fl-att tat-twelid tat-tfal – twieled f’Lixandra. Mid-daħla tal-ktieb tiegħu L-Ilsiera, jgħid li twieled fl-1877 waqt li awturi li tkellmu fuqu, jagħtu dati differenti. Iżda kollox jindika li twieled f’Lixandra.
Ħutu Alberto u Ernesto twieldu f’Lixandra, fil-parroċċa Santa Katarina; u ċertifikat tat-twelid mis-sorijiet f’Lixandra juri li Arturo twieled fit-3 ta’ April 1876 u tgħammed fit-23 ta’ Mejju. Dan juri li anki Arturo ma kienx jaf sew id-data tat-twelid tiegħu.
Kien bin Carmelo (bin Antonio u Graziani Borg) u Giovanna Barbara (bint Ġovanni u Marija Brincat). Huma żżewġu fit-8 ta’ Settembru 1863 fil-knisja tal-Kunċizzjoni, l-Imsida.
Minn dak li jirriżulta, apparti minn Arturo, Carmelo u Giovanna kellhom mill-inqas sitt itfal oħra. Tnejn kienu Giovanni u Vincenza, reġistrati fit-twelid f’Birkirkara u l-Imsida, billi l-Imsida sal-1867 kienet ma’ Birkirkara. Ta’ erbgħa oħra: Antonia, Lucrezia, Ernesto u Arturo – Tony Mercieca sab id-data tal-mewt kif reġistrata fil-parroċċa tal-Imsida. Ta’ Alberto ma nstab xejn ħlief ismu fid-dokument tal-militar u fin-nota ta’ ringrazzjament li bagħat għan-nom ta’ familtu, lil dawk li għenuhom u ħadu sehem fil-funeral ta’ ħuh Arturo.
Hu fatt li Arturo ġie Malta ta’ xi sitt snin u jidher li l-ħajja ma tantx daħqitlu, għax ta’ madwar 14-il sena (1890) safa ltim mill-ġenituri tiegħu.
Insemmu wkoll li l-ewwel skola primarja tal-gvern fl-Imsida nfetħet għas-subien fl-1856, b’Achille Ferris bħala surmast u Arturo ħa l-ewwel studju tiegħu f’din l-iskola. L-attendenza dak iż-żmien ma kinitx obbligatorja u fl-istess żmien seħħet it-taqliba fil-kotba tal-iskejjel. Fil-fatt fl-1882 daħlu l-kotba tal-Qari bil-Malti fis-sistema tax-Xirka Xemija, b’alfabett fonetiku minflok tas-Società Filologica Maltese, b’alfabett imfassal fuq dak Taljan. Sitt snin wara, fuq parir tas-Senat tal-Università, l-alfabett tax-Xirka Xemija tneħħa u minfloku reġa’ ddaħħal tas-Società Filologica, magħrufa wkoll bħala l-Accademia Filologica.
Arturo beda jikteb bil-Malti fl-1897 u fl-1903 fil-Malta Tagħna tal-31 ta’ Ottubru, wera li kien ilu jikteb il-kotba sitt snin u nofs. Ftit ġranet wara, fl-istess ġurnali, insibu f’reklam ieħor miktub minnu li sa dakinhar kien ġa kiteb ‘għoxrin ktieb oriġinali’.
Madankollu, l-ewwel xhieda li hu kellu l-istamperija tiegħu tidher fl-1902 bil-ktieb Marija Bint is-Sajjied Malti, ippubblikat mill-aħwa Caruana.
Arturo kien ukoll suldat fil-Milizja u għalkemm ta’ età żgħira, ingħata l-grad ta’ surġent u dam ħames snin. Ingħata din il-kariġa għax għal dawk iż-żminijiet kien jaf l-iskola. Biżżejjed jingħad li fis-sena 1901, mill-abitanti kollha tal-Imsida, 648 biss kienu jafu jaqraw il-Malti waqt li 1,907 kienu ilitterati fl-Ingliż u 1,848 fit-Taljan.
Arturo żżewweġ fit-22 ta’ Frar 1898, fil-knisja ta’ San Ġużepp, l-Imsida. Ħa b’martu lil Annetta Deidun, bint Franġisku u Carmel Pulo. Skont l-att taż-żwieġ, hu kellu 20 sena u Annetta 18. Ħafna minn uliedhom mietu, peress li dak iż-żmien ma kienx hawn kuri. Fost is-sebgħa aħwa li kellu aħwa, Ermelinda u Carmelo għexu u żżewġu u kellhom it-tfal. Maria Assumpta, Joseph u l-aħħar tlieta: Franceso, Maria u Arturo, kollha mietu f’inqas minn sena.
Mir-rekords tat-twelid jidher li Arturo kien joqgħod fi Triq Molo Misida jew ix-Xatt tal-Imsida. L-istamperija wkoll kienet fl-istess triq sal-1910. Wara ma tibqax issir riferenza għaliha. Lejn l-aħħar ta’ ħajtu, fil-Malta Tagħna tal-25 ta’ Jannar, 1919 f’paġna 3 hu kiteb biex “Min irid ikompli sat-tmiem l-istorja ta’ ‘Ermelinda’, jibgħat l-indirizz tiegħu lill-awtur u stampatur tagħha Arturo Caruana f’166, Molo Misida, u l-istess għal dawk li riedu jassoċjaw fir-rakkont Indrì s-Sajjied Malti.”
Kotba li ħareġ: L-Għerien tal-Katavri; Ix-Xebba ta’ Wied Żnuber u Il-Memorabbli Assedju ta’ Malta tal-1565.
Bħala ħlas tar-rakkont li kien jikteb, il-prezz għall-abbonati kien ikun ta’ sold kull faxxiklu ta’ tmien paġni u 2d meta jkun ta’ 12-il paġna. Ġeneralment kien joħroġ faxxiklu kull ġimgħa.
Caruana kien letterat kemm fl-Ingliż kif ukoll fit-Taljan. Ix-xogħlijiet u r-rumanzi tiegħu kienu mfaħħrin minn ħafna kittieba kontemporanji, li sa ddedikawlu xi xogħol minn tagħhom. Fost dawn insibu lil Giuseppe Cumbo (1884–1948), Emilio Lombardi (1881–1956) u lil Alfredo Eduardo Borg, li ddedikalu l-kotba L-Ave Marija jew l-Imħabba ta’ Omm u La Divina Commedia.
Tul il-karriera tiegħu bħal awtur, Caruana sab tfixkil ukoll, tant li fl-għeluq tar-rakkont L-Għerien tal-Katavri (1912) jindirizza lill-qarrejja:
“Jien naħseb li għadkom tiftakru fit-terribbli gwerra li kontra tiegħi u ta’ dan il-famuż rumanz kienu qanqlu l-għedewwa li fiha, biex jeqirduh żgur, marru saħansitra xandru bil-fomm u bl-istampar li dan sejjer ikun ktieb misħut u pprojbit mill-Knisja, għax ta’ Guerrazzi. Fost din it-tempesta ta’ gideb u kalunji, fis-16 ta’ Marzu 1912, deher fl-idejn tagħkom l-ewwel numru… għaddew tliet snin u qrib l-għaxar xhur u l-ktieb, għall-grazzja t’Alla spiċċa… Nirringrazzja anki lil min fittex u għad forsi jfittex li jagħmilli l-ħsara, l-għaliex mhux biss li dan ma jirnexxilux, iżda dejjem serva bħala riklam biex kabbar u żied il-fama tajba.”
Arturo miet bla mistenni, fit-23 ta’ Ottubru 1919, fejn ħalla lil martu u liż-żewġ uliedu. Skont ir-reġistru tal-mewt, l-awtur miet fid-dar tiegħu f’166, Molo Misida, fit-3.30 am u ġie midfun l-għada 24, fid-9.00 am f’Diviżjoni Lvant Sezzjoni CA, Kompartiment D, Numru 10, fil-lok tat-Terzjarji Franġiskani tal-Imsida.
Sal-lum ma tantx kien ċar x’età kellu l-awtur meta miet, minħabba l-informazzjoni li kellna nieqsa dwar is-sena tat-twelid tiegħu. Fil-fatt, Emilio Lombardi jgħid li Caruana miet ta’ 43 sena, kif hemm miktub fis-santa tal-mewt teigħu u fl-att tal-mewt tar-Reġistru Pubbliku. Il-kunjatu tiegħu C. Calafato jirrimarka li Arturo kellu 44 u fir-reġistru tal-mewt tal-Imsida u dak taċ-Ċimiterju nsibu li kellu 45. Minkejja dawn l-etajiet differenti, illum nistgħu ngħidu li kellu 43 sena.
Wara l-mewt tiegħu u biex martu tkun tista’ tmantni lil uliedha, iddeċidiet li tbigħ xi proprjetà ta’ xi kotba lil Giuseppe Cumbo. Bħala xhieda ta’ dan għandna n-nota li ħalla Cumbo stess fil-bidu tal-ktieb ta’ Caruana Il-Misteri tal-Wardija, fejn qal li dan ir-rakkont ġie mibjugħ direttament lilu “mis-Sinjura tiegħu, l-armla Annetta Caruana fl-10 ta’ Novembru 1919,” jiġifieri inqas minn xahar wara l-mewt ta’ żewġha, “bis-somma ta’ erba’ xelini (48ċ tal-ewro) għal kull faxxiklu (ħlas tal-kitba). Dan it-tagħrif ġie ppubblikat biex skont Cumbo, il-pretendenti eredi jiftakru “li dan ir-rakkont ma baqax aktar proprjetà ta’ Arturo Caruana.”
Minbarra din l-istqarrija, wieħed isib ukoll diversi kotba oħra tal-awtur, li reġgħu ġew stampati wara mewtu minn Cumbo, aktarx b’kundizzjonijiet simili u f’ħafna minnhom insibu t-timbru tiegħu ‘G. Cumbo, Editur’. Xi rumanzi oħra ta’ Caruana reġgħu dehru għand il-qarrejja, maħruġa mill-istamperija Lombardi wkoll.
Giuseppe Cumbo kompla Indrì, is-Sajjied Malti mill-faxxiklu 97 sal-aħħar wieħed li kien in-numru 130 u Emilio Lombardi għamel il-konklużjoni tar-rakkont L-Għerien tal-Katavri (it-tieni volum). Dan il-fatt ta’ Lombardi hu kurjuż għall-aħħar, għax Caruana kien temm dan ir-rakkont fl-1912 u ħalla nota li “għaddew tliet snin u qrib l-għaxar xhur u l-ktieb, għall-grazzja ta’ Alla, spiċċa.”
L-għeluq ta’ Lombardi, fil-fatt hu differenti minn dak ta’ Caruana, l-edizzjoni tal-ktieb hi t-tielet u mhux l-ewwel u għal daqstant mhu ċar xejn kif lejn tmiem ir-rakkont inħareġ dan l-avviż:
“Navżaw li billi l-awtur ta’ dan il-ktieb miet qabel laħaq spiċċa t-tmiem, il-konklużjoni ta’ kollox għamilha Emilio Lombardi.”
Intant id-dedikazzjoni tal-edituri għal din l-edizzjoni hi indirizzata proprju lil Arturo Caruana bħala sinjal ta’ mħabba u qima lejh wara mewtu.
Interessanti l-fatt li l-awtur, biex iżomm lis-soċji tiegħu abbonati fix-xogħlijiet li joħroġ u b’dan l-iskop hu kien jinforma lill-qarrejja li r-rakkont għadu ma ntemmx bis-segwitu tiegħu. Hekk ġara darbtejn: l-ewwel bil-kollezzjoni Il-Misteri tal-Wardija u s-segwitu Dolores jew il-Misteru tas-Saħħar u t-tieni bit-triloġija ta’ Indrì s-Sajjied Malti, meta dan kellu jinqara qabel it-tnejn l-oħra. Madankollu, l-apoloġija tal-awtur tiġġustifika dan il-fatt u tindika li n-nisel tar-rakkont hu reali aktar milli mistħajjel, meħud minn delitt jew każ misterjuż li seħħ fil-passat.
“… dawn il-ġranet, għand nobbli sinjur sibt ġabra ta’ manuskritti li flimkien jiffurmaw mhux biss l-istorja kollha tal-għolja ta’ Ta’ Xbiex, iżda fuq kollox il-bidu u t-tmiem tal-istorja ta’ Indrì s-Sajjied Malti. Meta stampajt l-istorja ta’ Marija ġrali bħal min irodd is-salib ħażin, jiġifieri flok ma bdejt mill-missier bdejt minn bintu. Iżda dan m’għamiltux b’kapriċċ u lanqas apposta, għax 16-il sena ilu ma kellix f’idejja dak li llum ikkupjajt fuq il-ħajja ta’ Indri.”
Illum, meta ssemmi lil Arturo Caruana, qisek qed taqla’ bniedem minsi minn qablu, għax ftit jafu dwaru u dwar il-kontribut letterarju tiegħu.
Meħuda mit-tezi ta’ Tony Mercieca – “”Arturo Caruana: Rumanzier, Traduttur u Versifikatur Popolari”.
Addattatament: Charles B. Spiteri.