Marta Bint id-Deffien tal-Pesta – Box Set

Paperback

In stock

Description

L-Ewwel Ktieb

F’maltempata qawwija fil-lejl tal-15 ta’ Frar Sidor il-baħri jiġi offrut somma flus għal biċċa xogħol u jiskopri li kellu jidfen katavru. Il-qattiel jinduna li l-mejjet ma kienx il-vittma li tassew xtaq joqtol. Sidor jibqa’ jgħix fil-biża’ li jitqies bħala kompliċi f’dan l-intriċċ.
 
Fuq l-ixprunara Enrichetta tal-Kaptan Nerik Mazara jittella’ priġunier li juri li jaf lil Sidor u minħabba fih Sidor ipatti qares, tant li jsir jobgħod lill-imgħallem tiegħu, u minn hawn jinbet ħafna inkwiet bejniethom. Marta, bint Sidor, u Luċjanu, iben Nerik, isiru jħobbu lil xulxin minkejja li l-ġenituri tagħhom jagħmlu minn kollox biex din l-imħabba tisfaxxa.
 
Ġovanna, bint Nerik, tinsab misruqa u maqfula f’sotterran fi Sqallija. Sidor isibha, iżda meta hu u missierha jmorru għaliha ma jsibuhiex hemm. Sidor jispiċċa fil-ħabs tal-Inkwiżitur, iżda bintu Marta jirnexxilha teħles lil Ġovanna u lilu. Iżda kif tispiċċa Ġovanna? U xi jsir mit-tarbija tagħha?
 
Fin-nofs jidħol dejjem Makarju, assassin u viljakk. Taħt il-figura falza tal-ġardinar tal-Ħakem jiġi Malta biex iwettaq vendetta mill-għedewwa tiegħu u jnibbet il-mibegħda f’Sidor lejn il-Kaptan Nerik u familtu. Iżda min hu fil-verità Makarju? U għaliex jaħbi l-identità proprja tiegħu?
 
It-Tieni Ktieb
 
Mal-merkanzija tan-negozjant Matteo Bonnici daħal fil-maħżen ġurdien kbir infettat, li kellu jkun il-kaġun li f’Malta tidħol il-pesta fl-1675. Fuq suġġeriment tal-imbruljun Makarju, Sidor jinkiteb bħala deffien tal-pesta biex ibaxxi l-livell tiegħu u jittanta li Luċjanu jwaqqaf l-interess tiegħu f’bintu Marta. Iżda x-xorti ma daħqitlux lil Sidor għax isib ma’ wiċċu lil Luċjanu bħala kmandant tal-pesta tal-Isla.
 
Sadanittant Luċjanu, kontra r-rieda tiegħu, jiġi mwiegħed minn missieru l-Kaptan Nerik b’għarus lil Agata, bint il-Ħakem Mompalao. Marta tinkedd, sakemm isseħħ xenata bejn iż-żewġ nisa. Minħabba f’hekk u bil-ħażen ta’ Agata, Marta tispiċċa arrestata.
 
Fil-ġrajja jidħlu Rebekka, in-neputija tal-infami Makarju, u ħuh il-Kavallier Klawdju, bniedem mill-aktar onest u maħbub minn kulħadd. Dawn it-tlieta jirsistu b’modi differenti biex jinħeles mill-ħabs l-ispiżjar, li kien akkużat bil-qtil ta’ Ġovanna minflok Makarju.
 
Sidor u Makarju jikkonġuraw bejniethom biex jidfnu lil Luċjanu ħaj biex jeħilsu minnu. Agata wkoll tiftiehem ma’ Makarju biex jeħlisha minn Luċjanu ladarba mħabbtu kien wegħidha lil Marta. Iżda l-maħbuba tiegħu Marta toħroġ bi pjan biex issalvah.
 
It-Tielet Ktieb
 
Bl-għaqal ta’ moħħha u bl-għajnuna ta’ kuġinuha Feliċ, Marta tieħu ħsieb l-għarus konvalexxenti tagħha sakemm jieħu saħħtu, filwaqt li kulħadd kien mingħalih li Luċjanu kien mejjet bil-pesta. Għal dan Marta tagħmel sagrifiċċji kbar u tispiċċa tittallab għand is-Sur Nerik, missier Luċjanu.
 
L-argużin Cirio, bla ma jaf, jixtri l-ġiżirana tal-maqtul Adolfo u jispiċċa akkużat bil-qtil tiegħu, iżda Marta tikteb ittra lill-Gran Mastru biex filwaqt li tostor lil missierha, teħles lil Cirio minn mewt żgura.
 
Wara li mingħaliha ħelset minn Luċjanu, Agata titgħarras lit-Tabib Leonardu. Iżda l-okkażjoni tagħhom tisfratta f’ċirkustanzi xejn mistennija.
 
Kif se tagħmel Marta biex turi li Luċjanu għadu ħaj u tevita li jeħel missierha Sidor talli pprova jidfnu ħaj? Makarju jirċievi ittra b’theddida iżda ma jagħtix kasha. Jibqa’ jikkonfoffa u joħloq iktar intriċċi terribbli. Huwa jittanta jiżżewweġ lil Marta, iżda t-tentattiv tiegħu jispiċċa tant ħażin li jiġġennen. Xi jsir minn Makarju?
 
Ir-Raba’ ktieb
 
Marta u Luċjanu, miżżewġin, jgħixu għal ħames snin fil-hena flimkien mal-ġenituri tagħhom u wliedhom Rokku u Vitorin… Jum fost l-oħrajn Luċjanu jirċievi ittra infami li l-konsegwenzi tagħha jkunu kbar. Marta jkollha terġa’ tibda tgħix fil-miżerja. Il-Balliju Klawdju jkollu xi jgħid ma’ Luċjanu u t-Tabib Leonardu jispiċċa fi dwell. Iżda min hu l-awtur ta’ din l-ittra li biddlet il-ħajjiet ta’ tant karattri?
 
Ibrahim u Hamid, żewġ ilsiera Torok, huma konvinti li Makarju għadu ħaj u lest biex fl-aħħar iwettaq il-vendetti tiegħu. Iżda se jirnexxilu dan l-iskop li ilu tant jaħdem għalih? U min hu dak l-eremit li mill-għar li qed jgħix fih f’Wied il-Għasel jirnexxilu jinseġ għanqbuta ta’ intriċċi mill-iktar infami?
 
Ines, li fl-imgħoddi kienet l-għarusa ttraduta tal-Konti Eustachio, tiġi Malta u tippjana biex xi darba titħallas minnu kif jixraqlu. F’dan il-pjan jgħinha l-brigant żagħżugħ Benjaminu. Iżda x’inhi r-relazzjoni ta’ Benjaminu mal-familja tal-Kaptan Nerik? Għaliex Benjaminu wkoll jobgħod tant lil Makarju u jrid jivvendika ruħu minnu?

Additional information

Weight 2385.0000 g
Publisher
Author
Year of publication
Cover
Note addattat minn Charles B. Spiteri

Product categories and tags

SKU: 9213803510596 Categories: Tags: