Sensiela Juann Mamo

Paperback

In stock

Description

Ir-rumanz, il-personaġġi u l-poeżiji ta’ awtur ikoniku injorat għal nofs seklu għax irrakkonta l-gżira tal-mogħoż u t-tlaleb bil-passjoni u l-onestà ta’ esploratur bla sabar tal-kelma.

Adrian Grima

  • ‘ulied in-nanna venut fl-amerka’ – juann jamo

Grupp ta’ Maltin bla skola fil-bidu tas-snin għoxrin jiddeċiedu li jemigraw lejn l-Amerika biex jagħmlu l-flus u jerġgħu lura Maltin sinjuri.  Minn hawn u minn hem jirnexxilhom, kollha ħlief wieħed, isibu l-flus għall-passaġġ, u jaslu New York, f’art ix-xogħol u l-fortuna, għajnhom mimlija li se jsibu d-dollari mal-art qed jistennewhom biex jiġbruhom.  Imma bejn għax l-affarijiet imorru żmerċ u bejn għax mhux kulħadd f’Art il-Gżażeb huwa kuntent li wlied in-Nanna Venut jinsabu f’Art-il-Flus, l-istorja tieħu rotta mhux mistennija.

Rumanz sabiħ u satiriku:  jigdem bis-sħiħ iż-żminijiet tagħna.

 Fih issib il-kliem, ix-xbihat, id-drawwiet l-aktar imqaxxra, u

f’kelma waħda l-poplu mpinġi bi ġrajjiet l-aktar komiċi; tad-

daħq.  Qisuh id-Dun Kixott għal Malta.  Ma nkitibx ieħor sabiħ

bħalu s’issa bil-Malti.  Magħmul għal idejn kulħadd; sabiħ kemm

jista’ jkun; taqrah u trid terġa’ taqrah.

(Il-Bidwi 1930)

  • ‘personaggi f’ulied in-nanna venut fl-amerka’ – ta’ juann mamo kitba u riċerka ta’ anton cassar, olivia borg, adrian grima

Ir-rumanz ikoniku ta’ Juann Mamo Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka jsemmi għadd kbir ta’ personaġġi Maltin u barranin ta’ kull xeħta u ta’ kull għamla.  Sikwit jirreferi għal persuni mill-ħajja pubbliku żgħira u kbira tal-bidu tas-seklu 20, minn Mastru Indrì u Mastru Ħawwad sal-Ħembet u Satarjan, personaġġi li aktarx ma jfissru xejn għal udjenza tas-seklu 21 imma li għandhom sehem mid-dinja kemm storika u kemm letterarja li jinseġ b’ħila liema bħalha l-awtur. Anton Cassar joffri laqta personali unika fid-deskrizzjoni tiegħu ta’ dawk il-personalitajiet li kien jafhom mill-qrib.  Fl-istess ħin jagħti ħjiel tad-dinja li għex u kiteb fiha Juann Mamo.  Ix-xogħol ta’ Cassar huwa kkumplimentat minn bijografija essenzjali ta’ Mamo u mir-riċerka ta’ Olivia Borg u Adrian Grima dwar għadd ta’ personaġġi magħrufa u inqas magħrufa, minn Gaudenzio Ebejer sa Ernst Haeckel, minn Sylvia Sidney sa Safiya Zaghlul, minn Sticklen sal-Gross.  Dan il-ktieb huwa l-ewwel pass biex il-qarrejja jibdew jiskopru l-personaġġi memorabbli li jsibu ruħhom f’idejn Juann Mamo.

  • ‘Tħeġġiġa lill-Kittibin’ il-poeżiji ta’ juann mamo

Din il-ġabra tal-poeżiji ta’ Juann Mamo, xogħol Annalise Vassallo, turi aspetti oħrajn tal-personalità kumplessa ta’ awtur li hu wild il-kultura popolari Maltija u fl-istess ħin għadu dikjarat u kultant feroċi tagħha.  F’dawn il-versi hemm tliet rakkonti divertenti marbutin mal-wirt għani tat-tradizzjoni popolari li Mamo xandar fi tliet pubblikazzjonijiet separati fl-1913.  Imma hemm ukoll innijiet mimlijin ħeġġa lill-ħolqien, lill-kotra tal-Maltin, u lill-qaddis patrun, u sejħa mqanqla tal-awtur lill-kittieba Maltin.  Fi “Tħeġġiġa lill-Kittibin” Juann Mamo jħeġġeġ lill-awturi l-ġodda, ħerġin minn wara s-sħab imdallam tal-kultura Maltija ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija, biex idawlu l-imħuħ tal-Maltin.  Annalise Vassallo tistħarreġ dawn il-poeżiji għas-siwi intrinsiku u għas-sehem tagħhom fil-proċess dejjem għaddej tar-rikostruzzjoni tal-personalità umana u letterarja ta’ Mamo, u tad-dinja ta’ żmienu.

Additional information

Weight 1280.0000 g
Dimensions 20.0 × 13.0 cm
Publisher
Cover
Year of publication
Note Boxed set of three books

Product categories and tags

SKU: SJM Categories: Tags:

You may also like…