Nifs li Kważi Kissirni

Paperback

In stock

Description

Droga, politika, sesswalità u reliġjon jiltaqgħu f’din l-istorja ta’ tiġrib u redenzjoni. Dan huwa r-rakkont imqanqal ta’ Clifford Galea, żagħżugħ eżemplari, li jieħu nifs kokaina u l-vizzju malajr jirkbu. Fl-aqwa ta’ ħajtu, pass ħażin iwassal għal ieħor u ieħor. Il-vizzju jikber. Id-djun u l-gideb jitkattru. L-ewforija tal-ewwel nifs malajr tisfixxa mix-xejn u tieħu bixra traġika. Id-dinja tibda ddur mad-droga, ma’ kemm Clifford jiflaħ jixtri u jpejjep. Inqabad fin-nasba u ma jistax joħroġ minnha.

Clifford jirrakkonta kif ma kien jonqsu xejn fil-ħajja. Minn ċkunitu kien iħabrek fl-iskola u f’għaqdiet volontarji fin-Naxxar, ir-raħal li tant ħabb minn dejjem. Il-ħbieb u l-popolarità qatt ma naqsu. Meta kiber l-istess. Daħal l-universita’, laħaq għalliem iddedikat u appassjonat tal-kultura popolari u tradizzjonali, baqa’ attiv fil-komunita’, fil-kunsill lokali, fix-xandir u fil-Partit Laburista. Minn barra, kollox kien jidher f’postu. Fl-għajn pubblika sab l-ammirazzjoni u t-tifħir. Kulħadd itaptaplu fuq dahru. Kulħadd jara x’se jieħu minnu. U Clifford jagħmel minn kollox biex ma jiddiżappunta ‘l ħadd. L-aqwa li jintgħoġob. L-aqwa li n-nies jibqgħu jgħidu, qed tara Cliff kemm hu mill-aħjar? Din l-ewwel droga li ħa; l-applaws tan-nies. Dan l-ewwel vizzju; il-popolarita’. Akkost ta’ kollox. Akkost tal-miljazzjoni tiegħu innifsu. Min jgħola ħafna jieħu tisbita kbira. U hekk ġralu.

Fl-agħar mumenti tiegħu, narawh jagħmel dak kollu li ma qatt m’emmen fih. Narawh imur kontra kull valur li dejjem ħaddan. Jekk qabel id-droga kien leali u dedikat, issa kien sar giddieb prim li jaħseb biss fih innifsu. Sar juża’ n-nies l-aktar għeżiez biex jakkwista flus u droga bħalma sħabu, l-ivvizjati li kien iqatta’ l-iljieli magħhom, kienu qed jużaw lilu. Narawh jinnegozja x-xiri, is-self, id-djun, l-obbligi immorali li jġib miegħu vizzju bħal dan. Narawh jitlef ruħu, il-ħbieb, il-ħajja li kellu qabel. Narawh jitlef kollox. Imiss il-qiegħ.

Fil-wiċċ, din hija ġrajja ta’ vizzju, tentazzjoni u tama. Taħt il-wiċċ, pero’, hemm elf ġrajja oħra. Hemm it-tensjonijiet tal-mistħija morali u l-istigma soċjali dwar l-omosesswalità. Hemm l-intriċċi ta’ politiċi żgħar u kbar bil-wegħdiet u t-tradimenti tagħhom. Hemm tniġġis l-iprokizija. Hemm is-sejħa reliġjuża, il-fidi, il-kunvent, l-imħabba u ż-żwieġ ma raġel ieħor.

Għal sentejn sħaħ, Cliff jiġri minn post għall-ieħor madwar Malta u Għawdex ifittex l-ewforija, il-pjaċir, il-ferħ fieragħ tas-sustanza li twieżnu għal ftit waqtiet qosra. Ifittex u jfittex sakemm jirrealizza li qed jaħrab minnu nnifsu, mir-realtajiet personali tiegħu, minn dak kollu li qatt ma ħa bis-serjetà biżżejjed, dak li jtih is-saħħa u l-kunfidenza fih innifsu, dak li jilliberah mill-bżonn tat-taptipa fuq dahru, mill-bżonn tal-applaws u l-popolarità. Fid-droga jsib biss bir bla qiegħ ta’ qsim il-qalb, diżappunti u dmugħ.

Imma l-għajnuna u t-tama dejjem pass ’il bogħod. Cliff jidħol għall-programm tar-rijabilitazzjoni mal-OASI, darba, tnejn, tlieta. Jibqa’ jipprova. M’għandux għażla. Il-programm iġibu f’sensih u jtih l-għodod biex jgħix mal-marda tal-vizzju minn ġurnata għall-oħra. Illum jum ġdid. Illum ħieles.

 

Clifford huwa attivist dwar l-addiction. Hu storiku u għandu Masters fil-Baroque Studies. Huwa wkoll il-kuratur Amministrattiv tal-Casino Notabile Mdina, Viċi President tal-Banda Peace u preżentatur televiżiv speċjalment ta’ programmi kulturali. Huwa wkoll artikolist f’diversi gazzetti u rivisti Maltin.

Additional information

Weight 160 g
Dimensions 21 × 13 cm
Author ,
Cover
Publisher
Year of publication
Pages 124

Product categories and tags

SKU: NLKK Categories: