Description
“Jekk tistaqsini kif tnisslet din id-damma ta’ ġrajjiet u tifkiriet, ngħidlek li ma nafx. Qatt ma għaddieli minn moħħi li nikteb xi awtobijografija. Il-ħajja darba tgħixha, u biżżejjed, kont naħseb. Pero, daqs seba’ snin ilu – kien Jannar tas-sena 2014 – kelli ftit ħin liberu u sibt ruħi nħarbex xi aneddoti li ftakart mit-tfulija bikrija tiegħi. F’nofstanhar ħarġu mill-imgħoddi tiegħi għadd ta’ tifkiriet li, meta qrajthom u rġajt qrajthom, stagħġibt bija nnifsi kif seħħli niftakar dak kollu. Stħajjiltni qed nerġa’ ngħix mill-ġdid tfuliti, minkejja dawn is-snin kollha li għaddew minn fuqi. Hekk nista’ ngħid li twieldet l-ewwel ħolqa f’din il-katina ta’kitbiet. Warajha ġiet oħra, u oħra, u l-bqija, sakemm nibtet u bdiet timmatura fija l-idea li dawn il-kitbiet xi darba niġborhom fi ktieb.
“Kif diġa aċċennajt, din tiegħi ma nqishiex xi awtobijografija. Hija biss ġabra ta’ memorji midmumin flimkien li, minkejja li għaddew is-snin, għadhom friski f’moħħi. Huma tifkiriet ta’ episodji u persuni li magħhom intgħaġnet u ssawret ħajti, u li mal-medda tas-snin għamluni dak li jien illum.”
L-Awtur, Carmel Bezzina