Description
Ġorġ, li kien bniedem rgħib għall-flus, ħalla lil missieru u siefer lejn l-Amerika. Hemm sab min iħobbu, Victoria, bint min kien iħaddmu. Iżda r-regħba tiegħu ma ħallitux bi kwietu u baqa’ sakemm seraq flus martu u meta xeba’ minnha telaqha weħidha u siefer mill-ġdid lejn pajjiżu. Hawn ma kienx kuntent jgħix b’dak li seraq lil Victoria, imma ried jiret lil zijuh li kien sar miljunarju, billi jiżżewweġ lil bintu, Ester, li ma riditux għax ġa kienet wiegħdet imħabbitha lil Carlo, ġuvni nobbli li kien iħobbha b’imħabba sinċiera. Ġorġ jagħmel f’rasu li jivvendika ruħu minn Ester.
Aqra dan ir-rakkont u tara fejn wasslitu r-regħba lil Ġorġ u x’wasal biex jagħmel.
X’qal min qara r-rumanzi ta’ Emilio Lombardi:
Nixtieq ngħidlek prosit tar-rumanzi kollha ta’ Emilio Lombardi. Veru sbieħ, meta tibda taqrahom ma tkunx tista’ tieqaf. Jiena nixtri kull ktieb li joħrog ta’ Emilio Lombardi u nġemmagħhom għaliex għalija daqs teżor ngħożżhom. Kompli ippubblika kotba bħal dawn għax tassew fihom mogħdija taż-żmien u titgħallem minnhom. Gladys Farrugia – Luqa
Sur Editur prosit ħafna tar-rumanzi ta’ Emilio Lombardi. Jiena għandi 18-il sena u ili naqra dawn ir-rumanzi għal dawn l-aħħar ħames snin. Ma tixbax taqrahom u fihom ħafna tagħlim importanti. Nixtieqek li tkompli tagħtina aktar minn dawn il-kotba sbieħ. Grazzi ħafna. Kristy Agius – Xagħra, Għawdex






