Bdiet il-kumdità
Is-sena 1959. Bdiet dieħla l-kumdità fid-dar. Il-bieraħ mingħand Ġorġ il-Pintley, in-nanna xtrat Falks u forn.
Il-Falks qisu kaxxa rettangulari. Għoli xi żewġ piedi u nofs mill-art, b’wiċċ ta’ madwar tliet piedi tul u fond xi għaxar pulzieri u fil-ġenb, apparti din il-kaxxa għal żewġ kuċinieri tal-bott, għandu flixkun tond tal-ħġieġ b’dijametru ta’ disa’ pulzieri, li joqgħod rasu ’l isfel. Dan il-flixkun jimtela bil-pitrolju u jingħalaq b’tapp bil-kamin li għandu qisha molla fit-tarf. Meta jinqaleb wiċċu ’l isfel, il-pitrolju jgħaddi minn ġo kanna apposta, li hemm mal-Falks u jitwassal sal-ġewża tal-kuċinieri, li ma joħdux ftejjel, għax il-pitrolju jinbidel f’gass. Biex tixgħel waħda, trid iddawwar il-manku tal-kuċiniera n-naħa tal-lemin, biex jitwassal il-pitrolju sal-ġewża u tressaq lejha s-sulfarina mixgħula.
Xħin in-nanna jew iz-zija Connie jixegħluhom it-tnejn, il-kċina tisħon ġmielha u l-ikel qisu jsir aktar malajr milli fuq il-Valor. Madankollu l-Primus issajjar qablu, għax il-fjamma tagħha tagħti aktar nar, iżda kultant ikollha l-ġewża maħmuġa u tintefa. Ġieli noqgħod innaddafha jien. Imbagħad jew nixgħelha bi ftit spirtu tal-kuċinieri, ta’ lewn vjola sabiħ, jew intella’ ftit pitrolju minnha stess billi nippumjaha mill-pum fuq quddiem tagħha u nagħtih sulfarina. Xħin il-fjamma tal-ispirtu jew tal-pitrolju tkun se tintefa, nerġa’ nippumpjalha, u permezz ta’ labar apposta, li wkoll nixtrihom mingħand Ġorġ il-Pintley, noqgħod inseffdilha t-toqba f’nofs il-ġewża. U n-nar iħaġġeġ.
Il-forn li għandna hu tal-landa. Il-lewn tiegħu hu iswed u fih xi aħdar. Kbir daqs il-Fox u joqgħod sew fuqu. Il-forn ma fihx qiegħ u għalhekk kollox jissajjar bis-sħana li titla’ mill-bottijiet ta’ taħtu. Meta l-forn tal-Ħadd isir id-dar fuq din l-invenzjoni l-ġdida, niffranka mixja sa għand Ġużeppi tal-kafè u l-imbuttaturi tan-nies li jkun hemm, li lkoll ikunu jridu d-dixx tagħhom appena jaslu.
Fit-togħma l-ikel jiġi bnin ukoll. Kulma naħlu hu l-ftit pitrolju tal-flixkun, għalkemm flixkun mimli jservina aktar minn erbat ijiem. Meta jiżvojta, għalkemm qatt ma nħalluh jinxef qoxqox, nieħu gost nimlieh jien. Fil-bitħa t’isfel għandna tank apposta, li fih nixtru l-pitrolju. Allura naqbad il-lembut, inqiegħdu f’għonq il-flixkun u nimlieh sa ftit inqas mit-tapp. Imbagħad nagħlqu, nieħdu ħdejn il-Falks, u naqilbu malajr biex ma nwaqqax pitrolju fl-art.
Kull tant żmien, xorta mmur għand Ġorġ biex lin-nanna nixtrilha l-ftejjel tal-Valor. Biex nibdel waħda, naqla’ l-parti ta’ fuq, inħoll il-ħadida li żżomm il-ftila fit-tond – bħal tal-lampi tal-pitrolju – u bil-kalma nneħħi l-ftila l-qadima u nagħmel il-ġdida minflokha.
Max-xiri tal-Falks, Ġorġ tana qisha xkupilja tonda tal-landa, biex meta nwaħħlu l-ftila l-ġdida tal-Valor, indawru l-wiċċ tagħha biha. B’hekk il-fjamma tal-ftila tkun ta’ kulur blu, kif suppost.
F’Novembru, ngħin lin-nanna tagħmel il-pudini tal-Milied. Indumu ngħassdu mhux ħażin fix-xaħam, lewż, passolina, żbib u kulma mmur nixtri minn qabel mingħand Marija tal-grocer. Meta t-taħlit ikun lest, nidilkilha s-sjuni bil-marġerina u nimlewhom bl-ingredjenti mħalltin.
Il-bottijiet tal-Falks nixegħluhom it-tnejn, u fuq kull waħda nagħmlu pudina f’borma bl-ilma jagħli, li jkun iwassal sa ftit inqas mill-wiċċ tas-sjuna. Qabel, ngħattulhom il-wiċċ b’karta strazza u biċ-ċraret u norbtuhom sew bl-ispag, biex meta jagħli ma jfurx. U l-erbat itruf taċ-ċraret norbtuhom flimkien bl-għoqod ’il fuq mill-isjuni, biex meta rridu noħorġu s-sjuna mill-borma, naqbduha minnha.
Issa anki meta rridu nagħmlu kejk nistgħu nagħmluh bħal tal-ħwienet. Sa ftit ilu biex nagħmlu wieħed id-dar, ridna nużaw il-bakewell, jew borma forn u l-kejk jiġi b’tundjatura vojta fin-nofs. Ara la jkolli l-birthday u jagħmluli kejk għall-iskola, kif se jkun speċjali minn tat-tfal l-oħra! S’issa, ħafna ommijiet jieħdu l-kejkijiet tagħhom fil-fran barra minn djarhom, fil-laned tal-kunserva!
L-Imħabba fit-terrazzin
Drajt maz-ziju Dward, niġbor il-fdal tal-ikel biex nitimgħuh lill-annimali li għandna d-dar, fit-terrazzin. Iz-ziju Dward għandu sabar kbir. Jiġbor kollox fuq il-mejda ż-żgħira maġenb il-bitħa, joħroġ wiċċ ta’ landa tal-kunserva mill-kexxun tas-side-board, iqiegħed il-fdal ftit ftit fuq l-għatu, u bil-paċenzja kollha u bil-mus tiegħu joqgħod iqatta’ kollox f’biċċiet irqaq, biex ikun jista’ jiekol kulħadd – il-ħamiem, it-tiġieġ, il-flieles u l-fniek.
Naturalment, dan apparti mit-tagħsida ta’ filgħodu, fejn nagħsdu ħobż bin-nuħħala rqiqa għat-tiġieġu, ħobż bin-nuħħala ħoxna għall-fniek. Lill-ħamiem nagħtuhom il-qaraboċċ u wkoll il-qamħirrun.
Fit-terrazzin, iz-ziju Dward għandu żewġt izkuk ħoxnin tas-siġar. F’rokna dellija jintasab ipejjep il-pipa wara li jkebbisha permezz tal-lenti ħoxna u x-xemx tisreġ.
Il-bieraħ, is-Sibt xtaqni ħdejh. Meta jsejjaħli nħobb nobdih, għax dejjem jixtrili xi ħaġa meta nkun miegħu. Barra minn hekk sirt nieħu gost fil-ħemda tat-terrazzin, li tinkiser minn xi tiġieġa li tqaqi għax tbid, jew mit-tbarqim tal-ħamiem. U hu mill-ħamiem u t-terrazzin li bdejt nifhem qajl qajl x’inhi l-imħabba.
Iz-ziju Dward jagħraf u jaf il-ħamiem kollu li għandna. Kif tmiss waħda fl-art jgħidlek hix mara jew raġel. Jafhom bl-amment. U maż-żmien bdejt nagħrafhom jien ukoll.
Xi ħlew. Ħamiema mara ċċeklem fl-art tnaqqar. Ħamiema raġel ittir għal ħdejha. Ma jimpurtahomx li jien u zijuwi qed narawhom u nissindikawlhom il-mod ta’mħabbithom. M’hemmx ittri bejniethom. Sempliċiment ir-raġel jibda jbarqam. Għonqu jikber u l-ħawsla wkoll. Denbu jinfetaħ bħal imrewħa, jiknes it-trabijiet tal-art. Jekk il-ħamiema ma tiħux grazzja mar-raġel, ittir. Jekk taqbel għall-imħabba, tibda ddur bla ma tinqata’ mill-art. Fl-aħħar ir-raġel jirfsilha denbha u jitla’ fuq daharha.
B’munqaru joqgħod itektkilha fuq rasha. Meta jtiru, jtiru flimkien u jibqgħu qishom jitbewsu fuq xi ċint jew passiġġiera għal ħin twil. Imbagħad, ġieli tinżel xi ħamiema raġel ieħor u jitlewwem ma’ dak li jkun qed jinnamra. Kos hux!
Il-ħamiem jaffaxxinani. Tara ’l-ħamiema fil-guva mal-bċieċen. Dejjem iżżoqq u ssaħħanhom. Ir-raġel ma jonqosx minn ħidmietu lanqas. Qabel ma’ l-ħamiema tbid il-bajd, hu għors tarah lir-raġel għaddej b’kull oġġett possibbli f’munqaru, biex jibni l-bejta jew imramma tagħhom.
L-istess imħabba fir-relazzjoni bejn l-omm u l-ulied naraha fil-fniek. Tgeddishom magħha u tgħożżhom. Filli qishom ġrieden tal-imramma u filli tarahom ħerġin mill-bejta qishom teddy bears tal-logħob. Il-pil tagħhom hu meravilja u jekk ma jkunux lewn wieħed; iktar u iktar.
Il-bieraħ, xħin iz-ziju Dward daħal ġewwa, fettilli naqbad u niftaħ il-gallinar fejn inżommu ’l-fniek. Sibt fenka nieqsa. Dort min-naħa l-oħra biex nara hix fil-kaxxa fejn iwelldu, iżda appena għamilt hekk, dik l-imgħarrqa ta’ fenka qisha taret għal wiċċi. Bżajt u għalaqtilha niġri.
Tgħidx x’rabja nibtet fija għal dik il-fenka ‘selvaġġa’. Meta l-għada z-ziju Dward mar għand Ċikku tat-titotla, stennejt lill-fenka toħroġlu lgħabtilha daqqtejn sew bil-lasta tal-ixkupa. Kważi għattibtha. Ħassejt ċertu serħan għal li kienet għamlitli l-jum ta’ qabel. Pattejthielha bil-kif u żgur li ma terġax taħsadni, kif għamlet!
Iżda dan il-gost jisfuma fix-xejn, l-aktar meta llum iz-ziju Dward qam jistagħġeb kif il-fenka qatlet boton fniek ta’ sebgħa! Mur għidlu, x’kont għamiltilha!
It-tiġieġ qisu bla mħabba, apparti mill-qrejjaq. Il-bqija jdejjaqni xħin nara li jkun kiel kollox u jibda jnaqqar il-ħitan imbajda li jdawru t-terrazzin. Iz-ziju Dward spiss jgħidli li dawk jagħmlu hekk għall-ġir, li hu meħtieġ għal saħħithom u għall-qoxra tal-bajd li jbidu.
Il-preċett u l-parrukkier
Il-preċett riesaq mgħaġġel. Il-libsa l-bajda – qalziet twil u ġlekk abjad pariġġ,lesti, għax se nieħu li libes ħija s-sena l-oħra. Irrid noqgħod attent li ma nħammiġhiex, għax warajja jerġa’ jilbisha hu għall-Griżma tal-Isqof din is-sena stess. Imbagħad sena oħra, ta’ seba’ snin, nerġa’ nilbisha jien biex insir ukoll ‘Suldat ta’Kristu’.
Il-papà ma jridx iħallili xagħri bin-nokkli għall-preċett. In-nanna ma tixtieqx li naqtgħu. Drat tagħmilli l-karti tal-gazzetta rrumblati u magħhom iddawwarli xagħri u torbothomli b’biċċa spaga jew wire irqiq. Iżda la l-papà jrid hekk, hekk isir; għax jien it-tifel tiegħu.
Quddiemna, in-naħa tal-Ħamrun, xi erba’ bibien ’il fuq mir-Radio City Opera House hemm ħanut fil-kantuniera. Dan il-ħanut ċkejken hu ta’ Ġeraldu l-parrukkier. Soltu, n-nannu jagħmilli l-flus f’muniti f’borża tal-grossa tas-sigaretti, jaqsamli u jibgħatni nixtrilu aktar grosos. Għax Ġeraldu jbigħ is-sigaretti wkoll. Speċi ta’ aġent, nisma’ lin-nannu jgħid.
Fil-ħanut, Ġeraldu għandu gaġġa kbira u fiha hemm pappagall aħdar sabiħ. Jaf jitkellem u jwieġeb għal dak li jgħidulu. Anki t-talb jaf jgħid.
Il-lum m’jienix sejjer għand Ġeraldu biex nixtri s-sigaretti iżda biex naqta’xagħri l-ewwel darba. Wara li nistennieh ilesti qtugħta’xagħar u l-leħja ta’raġel, qed isejjaħli, jagħmilli kaxxa tal-injam fuq pultruna kbira tal-injam tal-kewba, iqegħidli qisu favalor kbir abjad ma’għonqi u bl-imqass qed itajjarli n-nokkli kollha. Il-pappagall qisu qed jidħak bija u jsejjaħ isem Ġeraldu u isem xi ħaddiema tat-trakkijiet li kollha jsorġu għandu. Minkejja li l-ħanut mhux kbir, qisu xi każin tal-paroli.
In-nanna kważi qed jagħtiha l-biki xħin qed tarali xagħri maqtugħ. L-istess iz-zijiet. Iżda kollox lest għall-Preċett.
Il-jum il-Ħadd. Qisni buqar tal-fjuri bajdan. Iz-zija Connie tilbes ukoll u żżanżan żarbun biex twassalni l-knisja. Imma x-xitan ma jaħmilx. Kif qed taqbad it-taraġ għal isfel, tiżloq b’mod li kejlitu kollu. Biex tqum fuq saqajha trid parank. U agħar, issib li t-takkuna minn taż-żarbun il-ġdid inqalgħetilha. Ikollha tilbes żarbun ieħor milli għandha. Bi dwejjaq fuq wiċċha u bil-geddum sal-art, xorta telgħin il-knisja.
Hawn ħafna tfal oħra, subien u bniet lebsin għall-okkażjoni. Kulħadd bl-abjad. B’xemgħa f’id waħda u bl-ingwanti bojod, fl-oħra. Wara l-quddiesa sejrin sad-dar tal-mamà, biex jarawni. Ħuti qed iduru miegħi – l-artist tal-ġurnata. Xi rigali żgħar mingħand min jafna u jiġi minna ma jonqsux, l-aktar kuruni f’kaxxi żgħar apposta, kotba ċkejknin tal-quddiesa bil-Latin jew bl-Ingliż, jew xi nkwatru reliġjuż. Jien inqassam is-santi b’talba fuq naħa u n-naħa l-oħra ritratt ta’ tifel jirċievi l-Ostja. Tifel, li ma jixbaħni xejn! Iżda kulħadd jiggustani. Mill-kartiera tiegħu, iz-ziju Fred qed jagħtini karta ġdida fjamanta ta’ lira.
Lil Ġeraldu għamluhielu. Ma fetaħx il-ħanut bħas-soltu. Quddiem il-bieb għandu pulizija twil ħafna. Qed tiġri x-xniegħa li serquh. Mhux lilu serqu, iżda l-ħafna sigaretti li minnhom, soltu jbigħ lin-nannu u li qegħdin f’qatgħa bl-ixkafef wara purtiera taċ-ċarruta.
Maz-zija Connie ngħaddu minn ħdejn il-ħanut biex naraw u nisimgħu sew x’ġara. Ġeraldu jinsab fil-ħanut. Miegħu hemm pulizija ieħor. Qishom qed jgħoddu. Il-pappagall jiddieħak, isaffar u jwerżaq.
Fi żmien jumejn qed jingħad li nqabad il-ħalliel. Ma jinqabadx mill-pulizija li qishom kolonni u jbeżżgħuni narahom għaddejjin fit-tard, iżda għax kixifhom il-pappagall. Tah jirrepeti isem ta’ bniedem, li spiss ikun ma’ tat-trakkijiet, u li ilu xi żmien ma jidher fil-kumpanija tagħhom. Il-Pulizija tibgħat għalih, tinterrogah u ssib li l-pappagall lagħabha ta’ spija.
Issa kull darba li mmur naqta’ xagħri mill-ġdid u noqgħod nistenna wara min imissni, nilgħab mal-pappagall. Jien ngħidlu “Pappagall trid kafè?” u hu jweġibni “Jew te’!” Il-Kredu, is-Sliema u l-Qaddisa jafhom ukoll, iżda meta jkun se jibda, Ġeraldu jsikktu u joqgħod kwiet. Jaqbadlu parlata oħra.
Il-maginetta tal-idejn li tagħmel ix-xahar fuq l-għonq qisu rizza, tweġġagħni ftit, iżda meta Ġeraldu joqgħod iniżżilli xagħri bil-moxt, ħelu ħelu, jagħtini n-nagħas u nibda nxengel rasi sa xħin inxomm it-terra li jtajjarli minn wara widnejja permezz ta’flixkun tal-lastiku.
Il-personalità tat-triq
Bħal kull ħaddieħor, ta’ tfal nimpressjona ruħi b’xi persunaġġ li jissemma l-aktar fit-triq. Hawnhekk, fil-Blata l-Bajda, hawn numru ta’ nies li jistgħu jitqiesu bħala personalitajiet; fosthom is-Sur Ġużè Schembri li jieħu ħsieb il-bini tal-kappella tal-Museum. Iżda dan l-aħħar nibet ieħor, li għandu arja ta’ fiduċja fih innifsu. Għadu ġuvni b’xahar innukklat, bl-isem ta’ Guido de Marco. Nismagħhom jgħidu li qed jistudja għal avukat.
Joqgħod f’appartament quddiemna. Il-mamà tiegħu, is-Sinjura Giovanna hi tal-istess età tan-nanna tiegħi u tgħidx kemm tħobbni. Hekk kif noħorġu mill-quddiesa tkellem daqsxejn lin-nanna u tmellisli xagħri. Nannti tgħidli li ilhom ħbieb minn ħafna qabel ma twelidt jien. Tirrakkuntali li fil-gwerra kienu fl-istess xelter u Guido, li hu tampar ommi u z-zija Connie, kien iħobb jistudja ħafna. Kien jinżel fix-xelter bil-kotba miegħu u joqgħod jistudja fid-dawl tax-xema’. Meta jixba’ kien jieqaf ftit u jintasab idoqq il-kitarra.
Il-papà tiegħu, Emanuele, qisu Churchill. Narah jixbħu ħafna. Il-ħarsa tiegħu tinfed. Lili jitbissimli, waqt li jbaxxi ftit għajnejh u jagħfas xufftejh ma’ xulxin. Iżda minkejja dan, meta narah nitrekken man-nanna u nipprova ma nħarisx lejh.
Maż-żmien, u sewwasew issa, fl-1955, Guido laħaq avukat. Il-mamà tiegħu se tagħmillu festin għal għarrieda. In-nanna mistiedna u qaltli li se toħodni magħha. Kemm naqsmu t-triq u nitilgħu ftit taraġ tal-appartamenti, fejn toqgħod il-familja de Marco. Iz-zija Connie libbsitni pulit u għandi ftit ordnijiet għat-thank you u no thank you. Ukoll kieku ma jgħidulix, naf x’irrid nagħmel, għax Guido issa laħaq. Mil-lum Doctor.
Fl-appartament fejn joqgħod, diġà nġbarna numru mdaqqas ta’nies. Kulħadd jgħid tiegħu. F’salt wieħed, qed jaqa’ kwiet taqtgħu b’sikkina. Jinstama’ ħoss ta’ karozza. Hu Guido l-avukat, li ġie bil-karozza tiegħu tal-marka Dauphine. Jipparkjaha u tiela’ t-taraġ bla ma jaf x’hemm jistennieh. Tlett irġiel, tnejn minnhom l-aħwa Saliba, ħut Violet, l-għarusa tiegħu, lesti għalih biex jagħtuh is-sorpriża u hekk kif jasal ħdejn il-bieb arahom ħerġin u jerfgħuh fuq spallejhom. Qishom ma ntebħux li l-bieb ma jiħux it-tul ta’ persuna u nofs bilwieqfa. Għalhekk daqsxejn ta’ storbju u kommozzjoni, għax lil Guido se jħabbtulu rasu mal-blata tal-bieb. Daqshekk damet is-sorpriża li damet żmien titħejja.
Ferħan se jtir, Guido qed idur u jifraħ b’dawk kollha preżenti. Kulħadd jitbissimlu u joħodlu b’idejh. Dalwaqt se jasal ħdejja. Ma nafx x’se naqbad ngħidlu. Żgur li mhux thank you jew no thank you! Jasal, qed jitbaxxa kokka u jgħaddili jdejh mgħaġġla minn fuq xagħri. Nidħaqlu. Issa qed jgħannaq lin-nanna.
Is-Sinjura Giovanna miexja warajh tkellem hi wkoll lin-nies bid-dmugħ f’għajnejha u bil-ferħ jiddi f’għajnejha. Avukati ma jilħqux sikwit u lanqas kull sena! U meta jilħqu jkunu f’numru żgħir. Għalhekk, okkażjoni bħal din hi xi ħaġa rari.
Għaddej l-ikel u x-xorb. L-atmosfera hi ferrieħa għall-aħħar. Min jaf qalb Guido xi tħabbat, issa li laħaq avukat wara tant snin jistudja. Anki l-għarusa tiegħu tidher ferħana daqsu. Wara ftit sigħat, li għaddew bħal minuti, kulħadd jirringrazzja lill-familja de Marco u qed jieħdu mill-ġdid b’id l-avukat.
F’widnejja qed nisma’ mistoqsija ta’ xi ħadd itwal minni fuq il-futur tal-avukat. U s-Sinjura Giovanna qed twieġeb li x-xewqa tagħha hi li tarah Imħallef.
Żmien aktar tard, għadni fl-iskola primarja, l-avukat de Marco ħiereġ għall-elezzjoni. Qed ningħata salt ritratti tiegħu bil-kitba fuqhom ħalli n-nies jivvutaw lilu u jagħtuh in-numru wieħed, u jien u nieżel id-dar mill-iskola qed inqassamhom flok pustier, taħt il-bibien tad-djar tan-nies.
Disgħa min-nies f’garaxx
Hi ħajja differenti li fis-sajf ikollok post ħdejn il-baħar. U bħalissa hekk qed nagħmlu. Qed noqogħdu Buġibba għas-sajf. Il-papà jibqa’ ġewwa, għax ix-xemx u l-baħar ma jħobbhomx u jien u ħuti, mal-mamà u n-nanna ninżlu ħdejn il-baħar.
Qed noqogħdu f’garaxx li z-ziju Willie kera xhur ilu mingħand wieħed furnar mir-Rabat, magħruf bħala l-Bloqq. Jien mort miegħu meta krieh. Jidhirli Lm12 fis-sena. U qabel ma tlaqna mill-forn, il-Bloqq żerżaqli borża qagħaq f’idejja.
Maż-żmien, iz-ziju Willie rranġa l-garaxx mill-aħjar li seta’. Qasam il-fond fi tnejn, b’ħajt diviżorju tal-injam, b’bieb fin-nofs u żewġ twieqi fil-ġnieb.
Il-parti ta’ barra sservi bħala salott u kamra għall-ikel u fuq ġewwa għal xi sodod. F’rokna n-naħa ta’ ġewwa nett ħalla qatgħa għall-kċina u n-naħa l-oħra għalaq parti għal sedil tal-injam li jeħel mal-ħajt fuq barmil.
Iż-żminijiet għadhom bikrin. Fil-fetħa fejn hawn dan il-garaxx, jinsabu oħrajn, kollha bħalu. F’tarf tal-fetħa hawn sqaq li jagħti għal Triq ….. u fil-genb tiegħu hawn kamra ċkejkna mgħammra b’WC wieħed, komuni għal kulħadd u vit tal-ilma wieħed, li minnu nimlew l-ilma għall-bżonnijiet kollha ta’ matul ix-xhur li nqattgħu hemm. Anki għad-dawl għandna ftit problema. Ħadd ma għandu provista elettrika. Allura kulħadd bix-xema’ jew bil-lampi tal-pitrolju. Fil-garaxx tana għandna mantel light, li tagħti aktar dawl. Iżda kultant hu gost tidħol fil-garaxx u tara d-dell tiegħek stess jiżfen skont it-tbandila tal-ilsien tan-nar jew il-fjamma.
Moħħ iz-ziju Willie jaħdem mhux ħażin. Minħabba f’dawn il-problemi naturali ħaseb għal speċi ta’ WC privat li kull xħin xi ħadd jużah imur ibattlu. Naturalment l-aktar li jaqa’ dan ix-xogħol ikun fuqi, fuq ħija Paul u forsi tnejn oħra li mhumiex ċkejknin wisq.
Ħaġa oħra li ħaseb sew iz-ziju Willie hi speċi ta’ kaxxa kwadra li qegħidha fuq is-saqaf ta’ din il-kamra tad-WC, u nistgħu nimluha bl-ilma, li jinżel minn kanna għal vit fil-kċina. Ta’ kuljum, nistenbħu u mmorru noqogħdu fil-kju għall-ilma. In-nies l-oħra joħduh biex jinqdew bih dak il-ħin, u aħna biex dejjem inżidu l-provista fit-tank li għandna fuq is-sink tal-kċina.
Issa li z-ziju Willie jislifna dan il-post, hu l-għors tagħna t-tfal, li niltaqgħu ma’ tfal oħra u noqogħdu nilagħbu s-sajf kollu. Mill-istess inħawi qed nagħmlu ħafna ħbieb tamparna. Fosthom jiġu John u Manol, it-tfal tal-Avukat Buttigieg mill-Ħamrun. Noqogħdu nilagħbu b’kulma jiġi f’idejna. Xi mindaqqiet in-noli ma tonqosx għalkemm qisna f’bitħa tal-ġenna fejn lanqas karozzi ma tara. In-naħa l-oħra tal-isqaq għandna ċint b’veduta ta’ għelieqi li twassal sal-lukanda Canberra, fil-bidu ta’ San Pawl il-Baħar. Tassew ġenna tal-art għal nannti, ommi u missieri, li ta’ kull filgħaxija, wara li x-xemx iċċedi postha għall-qamar ta’ dawl dgħajjef, nintasbu fuq siġġu ħdejn iċ-ċint għar-rużarju u wara li nidħlu nieklu xi ħaġa, nerġgħu noħorġu u ninġemgħu mar-residenti kollha tal-garaxxijiet, inpaċpċu sa ma jagħmel bina n-nagħas.
Kontra l-Blata l-Bajda, il-ħwienet jinsabu ftit ’il bogħod. Għalhekk meta niġu biex nixtru, immorru jien u Paul. Meta tkun se tixtri n-nanna nkun irrid inħallas jien biex inżomm xi ħaġa żgħira għaz-zija Connie, li tibqa’ warajna ddur bin-nannu u z-ziju Fred, li ma jiġux magħna.
Iżda lanqas kieku jridu ma hemm fejn joqogħdu, għax għal disgħa min-nies, il-garaxx bilkemm mhux ċkejken. Għalhekk, għax inħoss għaz-zija Connie, nfaddlilha xi sold ħalli jkollha biex tixtri s-sigaretti.
Dan l-aħħar Paul induna u kżani. Għalhekk m’hemmx aktar flus għas-sigaretti. Dawk jagħmlu ħażin għas-saħħa!
Nixtieq li dan is-sajf ma jgħaddix. Għalkemm f’dan il-garaxx, ta’ forsi 22 pied b’għaxra, ninsabu l-mamà il-papà, in-nanna u sitt itfal, xorta nħoss li għandna ferħ akbar minn dak li toffri d-dar tal-Blata l-Bajda. U l-irqad fuq il-kutri fl-art flimkien ma’ ħuti, hi esperjenza ġdida.
Għall-Films tar-Radio City
Għandi ħbieb ġodda. Maġenbna ġiet familja kbira, ta’ Baldacchino. Il-missier għandu t-teatru Radio City f’idejh u hemm jintwerew films sbieħ. Meta jkun hemm xi film tassew tajjeb ġieli mmur man-nanna jew maz-zija Connie. Niftakar sew Marcellino… pane e vino u ieħor tal-biża’ ta’ Dracula, fejn xi xbejbiet li ġew jarawh, ħarġu għax beżgħu u dħakt bihom.
Fil-familja Baldacchino hawn żewġ subien tad-daqs tiegħi fl-età. Wieħed jismu Herbert u l-ieħor Dennis. Filgħaxija joħorġu jilagħbu magħna wkoll fuq il-bankina.
Huma għandhom gallarija waħda. Aħna għandna tnejn u waħda minnhom tiġi maġenb tagħhom. Nhar ta’ Sibt filgħodu, għax ma jkollniex skola, ma nitħallewx noħorġu nilagħbu barra, minħabba li jkunu jridu jgħaddu n-nies mix-xiri. Għalhekk niftħu t-twieqi tal-ġenb tal-gallariji, noħorġu kartuna doppja minn tieqa għall-oħra u noqogħdu nilagħbu ludo, snakes and ladders u kultant xi logħba draughts.
Ġieli, kemm Herbert kif ukoll Dennis, jiġu d-dar tagħna biex nilagħbu ġewwa flimkien. Dejjem nispiċċaw niġġieldu xi ftit. Jekk mhux jien magħhom — huma bejniethom. Iżda din il-ħbiberija qed tissarrafli f’wiri ta’ films tal-cowboys, indjani u tas-suldati, bla ma nħallas. Nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar, Herbert jiġi għalija fis-2 p.m., xi ħadd jaqsmilna u flimkien immorru r-Radio City naraw il-film li jkun hemm. Tas-2 p.m. dejjem ikun tajjeb għat-tfal.
El Cid hu l-iktar film li għoġobni u li rajt flimkien ma’ Herbert. Meta nilgħab bis-suldati dejjem nagħżel storja fuq il-karattri tal-films li nara. Tant, li għandi s-suldati tal-lastiku li minn wiċċhom tinduna li huma l-kattivi, waqt li oħrajn dejjem huma l-eroj.
Wara kull film, jien u Herbert noħorġu niġru u naqbżu, taparsi aħna s-suldati li nkunu għadna kif rajna fuq il-liżar il-kbir. Fit-teatru niltaqa’ wkoll ma’ ħbieb tiegħi fl-iskola, li wkoll jispiċċaw l-artisti wara l-film. U l-effett tant ikun qawwi, li bħal għada, fil-ħin tar-rikreazzjoni, norganizzaw il-gruppi u niġru qalb it-tfal biex mill-bitħa tal-iskola noħolqu spettaklu ġdid ta’ film, li mhux kulħadd jifhem.
Illum ma nistax ngħid li jien spiċċajt l-eroj. Anzi. Min jaf x’se jgħiduli n-nanna u n-nannu xħin jarawni d-dar. Ir-reċta tal-film li rajna l-bieraħ, ta’ suldati jiġru kontra l-għedewwa swietli ħażin. Naturalment, jien u ħbiebi tal-iskola lkoll konna l-eroj waqt il-break it-twil, minkejja li konna grupp kontra ieħor.
Biex ma ninqabadx mis-suldati kontra tiegħi, nidħol niġri fil-kurituri u f’kantuniera minnhom insib student ikbar minnhi ġej mid-direzzjoni opposta u naħbtu b’mod li geddumu jidħol f’għajni l-leminija. Lanqas naf li ġabruni mill-art u daħħluni fil-klassi. Xħin ġejt f’sessija nsib li l-iskola ġiet iz-zija Connie. L-għajn ix-xellugija nista’ nara minnha. L-oħra nbexxaqha bi tbatija.
L-istorbju u l-għajjat fid-dar ma jonqosx, u żgur ma kienx ta’ xejn. Ħarsa fil-mera nista’ narali għajnejja l-leminija hi bluna u minfuħa qisha ballun. Min ixarrabhieli bl-ilma kiesaħ u min irid jgħaddili biċċa tajjara bil-misħun. Ma rridx niftaħ ħalqi, għax jgħarrali.
Il-lejl għadda. Dalgħodu qomt aqwa! Għajnejja demmgħatli u swiedet. Ma nista’ niftaħha b’xejn. Min jaf kif jarani l-papà x’se jagħmilli! Daqshekk logħob tal-artist, l-aktar fl-iskola. Nispera li din il-wegħda nżommha! It-taparsi El Cid li kelli f’moħħi u li suppost kont jien, spiċċa ħażin! Għandi ġimgħa ’l bogħod mill-bank tal-iskola! Iz-zija Connie tiela’ u nieżla biex takkwistali l-homework. Miskina!
It-telqa u l-baħar fis-sajf
Il-vaganzi tas-sajf bdew. Il-jiem jaħarqu, u ħadd ma jissaporti wisq ħwejjeġ fuqu. Il-qadi qed idejjaqni, ladarba titla’ x-xemx. Wara l-quddiesa tas-6.30 a.m. fil-kappella tal-Museum, immur nieħu l-bajda u t-te u nlesti x-xiri kollu. L-aktar li ndum għand Ninu tal-laħam u għand Ġanni tal-ħaxix.
Għandi qatla għax la l-papà,la n-nanna u lanqas in-nannu ma jkunu jriduna bil-flokk ta’ taħt jew ħafjin fit-triq. Għalhekk nobgħod meta jkun jonqos xi ħaġa, imqar mingħand Marija tal-grocer, li hi tliet bibien ’il bogħod minna. Jintesa t-tgergir meta Marìjew żewġha Ġorġ jiftħu xi landa perżut li fiha jibqa’l-grass. Kulħadd, l-aktar aħna t-tfal, bil-ġirja min jixtri dak il-grass, għax fih togħma tajba wisq. Id-dar, in-nanna ġieli ssajru mal-kawlata.
Jien inħobbu ħafna. Nippreferih mil-laħam immellaħ li nixtri lin-nannu mingħand il-ħanut tal-laħam ta’ Ċesula mill-Ħamrun, għax il-kosbor ma nħobbux. U ħaġa oħra li ddejjaqni anki naraha, hi l-ħobż midluk bix-xaħam, li n-nannu jiggosta kull filgħodu.
Matul il-ġimgħa, in-nanna kuljum issib ħin biex nagħmlu reviżjoni tal-istudju. Xħin jiġi z-ziju Willie d-dar, f’xi s-6 a.m., qabel ma jmur għax-xogħol, itella’miegħu l-gazzetti mill-ħanut. Insellimlu, nilbes għall-quddies u wara l-qadi noqgħod ħdejn in-nanna naqralha l-istejjer. L-aktar li nħobb naqra hi Il-Berqa. Forsi għax bil-Malti u nifhimha aktar malajr.
Bħalissa qed jissemma u jingħad ħafna dwar qtil ta’tifel ċkejken — Toni Aquilina. Qed isostnu li qatlitu ommu, Ġiġa. Qed jingħad ukoll li missieru ġieli jorbtu mal-gallarija u joqgħod jaħarqu b’sigarett. L-omm, taparsi ma tafx min qatlu u qed tgħid li jekk issir taf, tieqaf milli tpejjep is-sigaretti. U jien naqra ngħajjat biex in-nanna tismagħni sew.
Il-baħar inħobbu, iżda n-nanna ddejjaqha x-xemx, il-papàma jgħumx u minħabba li aħna bosta aħwa mhux se joħodna kollha b’ tal-linja. Għalhekk, għal għawma jrid ikun ħmar l-arblu f’xi jum tal-Ħadd. U l-unika persuna li tista’ toħodna magħha hi z-zija Connie.
Minħabba li għadni żgħir u ma nafx ngħum mingħajr is-salvawomo, dejjem toħodni fl-istess post. L-Għadira. Hemmhekk hemm ħafna ramel u toħroġkemm toħroġ’il barra, il-baħar qisu dejjem ilaħħaqlek. Magħna nieħdu l-kpiepel, ħobż biż-żejt, ilma u luminata u barmil u pala minn tal-ħanut tan-nannu, biex noqgħod nilgħab bir-ramel u nagħmel il-kastelli kif għandi fil-ktieb tal-Ingliżli nuża l-iskola. Kultant, ninżel nitbaħbaħbl-ilma baħar u taparsi ngħum biċċa, għax għalkemm l-ilma baħar hu mielaħ, jaqtagħli s-sħana li tiżreġ fuq dahri minkejja li z-zija Connie tidlikli krema apposta għal kontra x-xemx.
Illum, flimkien miegħi u maz-zija Connie ġejjin xi ħbieb tagħha. Se nagħmlu ġurnata sħiħa ħdejn il-baħar. Waħda mill-ħbieb għandha sorra mdaqqsa f’idejha u salt lasti tal-injam. Qed iġġorr kamp taċ-ċarruta, li minnhom jintramaw ħafna fuq ir-ramel fl-Għadira. Jiġu qishom kmamar imdaqqsin u jarmu dell ġmielu. Fihom inqiegħdu l-affarijiet u ninżlu ngħumu rasna mistrieħa. Hekk kif nitilgħu mill-ilma, dritt għal ġol-kamp. Joffri wkoll ċerta privatezza, għax tista’tbiddel il-malja mxarrba b’kumditàu bla biża’li jaqagħlek ix-xugaman.
L-ikla tal-lum qed nagħmluha fis-1.30 p.m. Iz-zija Connie u ħbiebha se jerġgħu jinżlu jgħumu. Jien nippreferi noqgħod fil-kamp. Nifrex xugaman fuq ir-ramel u nintefa’ fuqu. Għajnejja qed inħosshom tqal, u qed noħlom stejjer tal-cowboys u l-Indjani. F’salt wieħed naf li ma bqajt naħseb u noħlom xejn. Għajnejja ngħalqu.
Saru l-5.30 p.m. Ħafna nies li waslu fl-istess ħin li wasalna aħna żarmaw il-kamp u telqu. Lili jqajmuni z-zija Connie u ħbiebha, għax iridu jżarmaw huma wkoll. Kos hux, biċċa ċarruta u taqtagħlek ix-xemx kollha. Naħseb li kieku n-nanna kienet taf bil-kamp, kienet tiġi magħna hi wkoll!
Il-qroqqa u l-flieles
Filgħodu kmieni, mas-sebħ, jibda t-tiddin tas-serduq. Fil-viċinanzi hawn bosta nies irabbu t-tiġieġu bħalna għandhom xi serduq. Dawn l-imniefaħ ta’ sriedaq qishom jiftiehmu. Jibda jidden wieħed, u l-oħrajn, wara xulxin jiddnu wkoll. Speċi ta’ kantaliena jew litanija li jibdieha wieħed u jkompli l-ieħor, bit-tiddina tmur ’il bogħod u terġa’ tersaq fil-qrib qisha mewġa. Idumu biex jieqfu.
Aktar tard mal-jum, it-tiġieġ jibdew iqaqu. Huma ma jagħmlux dan għalxejn, iżda bi twissija li jkunu biedu bajda. Meta nkun id-dar, noħroġ niġri fit-terrazzin u niġborha sħuna sħuna minn taħtha, għax inkella, ġieli jnaqqruha b’munqarhom. It-tiġieġ tagħna jbidu jum iva u jum le.
Il-lum, in-nanna qiegħda miegħi fit-terrazzin meta tiġieġa minnhom tibda tqaqi. Ingerrixha u minn taħtha noħroġbajda ta’ lewn kannella, li għadha kif biedet. Din il-kwalità ta’ bajd inħobbha wisq. In-nanna taf b’dan u għalhekk araha ttaqqabhieli rqiq mit-truf u tagħtihieli.
Drajt nagħmilha ma’ xufftejja u niġbed nifs qawwi ’l ġewwa. Il-bajda friska u sħuna tinżel għasel. Iżda b’dan il-mod ma noħodhiex kuljum.
Mat-tużżana tiġieġ li għandna, hawn waħda li dejjem toqgħod b’żaqqha fl-art. Kultant naħsibha bla saqajn. In-nanna spiss tirrepetili biex ma ngerrixhiex, għax dik hi qroqqa. U allura nħalliha f’postha. Minn filgħodu sa tard filgħaxija tibqa’ fl-istess qagħda.
Issa qed tibgħatni nixtri t-tiben. Qattgħa mhux ħażin. Dawn l-aħħar erbat ijiem qed niġbru l-bajd kollu li jbidu t-tiġieġu n-nanna tistivah f’kaxxa tal-kartun taż-żraben. Fil-kamra ta’ ġewwa, li tmiss mat-terrazzin tridni ndaħħal banju taż-żingu. Fih nagħmlu t-tiben u n-nanna tnewwilli l-isbaħ tlittax-il bajda milli ġemmgħat fil-kaxxa, biex inqiegħdu fuqu, fin-nofs tal-banju u f’ċirku tond maġenb xulxin.
Meta nlesti kollox immur fil-gallinar, nerfa’lill-qroqqa u ndaħħalha ġewwa fuq il-bajd tal-banju. Kemm toqgħod kwieta!
Kull filgħodu kmieni nqum nagħmlilha l-ilma, il-qamħirrum u tagħsida ħobż imxarrab bin-nuħħala rqiqa li nixtri kull ġimgħa mill-Marsa. Kemm hi ħelwa l-qroqqa. Qisha tintebaħ xħin inlestilha l-ikel, u dritta dritta tqum, tistira u toħroġ mill-banju. Ma titlifx wisq ħin biex tiekol, tixrob u tħammeġ. Imbagħad iddur dawra mal-banju biex tara mnejn għandha taqbeż lura, u terġa’ tinxteħet fuq il-bajd, biex iżżommu sħun u aktar tard tfaqqsu.
Jum wara ieħor itir bħal ħolma. Il-lum is-Sibt, m’għandiex skola u għal waqt twil noqgħod bilqiegħda fuq banketta ċkejkna nitkellem mal-qroqqa, mingħajr ma tweġibni. Ħin bla waqt nisma’ bħal ċekċika rqiqa. Qoxra ta’ bajda tinqasam, u ftit ftit jinqasmu kollha.
Biex nara lill-flieles li għadhom kemm twieldu, nipprova nerġa’ nagħti l-ikel lill-qroqqa. Iżda din ma tqumx malajr. Fiha qisu għandha arloġġ, li jikkmandaha kull xħin imissha toħroġ mill-banju. Iżda fl-aħħar qed jirnexxili narahom. Ċkejknin ċkejknin, ixenglu rashom ’l hemm u ’l hawn, ’il fuq u ’l isfel. Fil-kobor, forsi huma żewġ pulzieri kollox u lewnhom hu isfar ċar. Mhumiex bħat-tiġieġa, għax m’għad m’għandhomx rix.
In-nanna tgħidli li hi tqiegħed 13-il bajda biex jekk xi wieħed ma jitwilidx jew imut, ikollha tużżana. Għalkemm il-flieles ifaqqsu, xorta jridu s-sħana biex jikbru, u l-qroqqa ma tħallihomx wisq mikxufin għax kif tiekol u tixrob terġa’ titla’ fuqhom. Jien ġieli ngħattihom b’kollox għal matul il-lejl.
F’din il-kamra, lill-flieles inħalluhom sakemm jibdew joħorġu mill-banju weħidhom. Imbagħad nagħmluhom f’gallinar għalihom. Meta jitfarfru ftit sew, fihom gost. U meta jibdew ibidu, aktar u aktar! Madankollu, għal mal-ikel xorta nixtru l-bajd mingħand Salvu. Tat-tiġieġ tagħna nużawh meta nkunu rridu l-frisk tabilħaqq.
Ħruġ bil-privates
Karozza ma għandniex. Ħadd ma għandu fit-triq għajr għas-Sur u s-Sinjura Simmler. Huma tnejn min-nies xjuħ li ma għandhomx tfal. Iżda minflok għandhom karozza Hillman Minx qisha ġdida. Joqogħdu faċċata tad-dar tan-nanna u l-garaxx mal-bankina tagħna. Forsi għax is-Sur Simmler hu qasir, xi nies jafuh bħala ‘s-sold u nofs’.
Meta jiġi biex jipparkjaha, immur niġri nagħmillu l-injam taħt il-bankina. Dejjem jgħidli thank you, iżda lili u lin-nanna qatt ma joħroġna dawra.
Biex noħorġu dawra mhux tas-soltu, mmur għand mara xiħa li toqgħod ħdejn il-garaxx tas-Sur Simmler. Ngħidulha Mrs Steer. Ir-raġel tagħha, li hu xiħ aktar minnha hu Ingliż. Kultant tiġbor numru ta’nies u torganizza ħarġa bil-private. Meta n-nanna tkun taf, tibgħatni naqta’ żewġ biljetti, għalija u għaliha. Biex tidħol fid-dar tagħha trid tinżel tarġa. L-ewwel kamra miżgħuda għamara mudlama. Fuq is-siġġu, bilkemm jitħarrek hemm Mr. Steer, b’kutra fuq saqajh.
Issa, li hi ma baqgħetx torganizza, nibtet mara oħra. Id-Dolly. Din toqgħod fi Sqaq Miggiani. Id-dar tagħha qatt ma rajtha għax tilqagħni fil-bieb. Ġieli meta noħorġu magħha tiġi Marija tal-ħanut u Lolly. Jien u Lolly noqogħdu nilagħbu u nħobbu noqogħdu fuq wara tal-private, ninbxu lis-sewwieqa ta’warajna u nxejrulhom.
Wara kull ħarġa, li ddum xi sagħtejn jew tlieta u ġeneralment tkun sa ħdejn xi xtajta, nerġgħu ninġabru fil-private. Fit-triq lejn id-dar, Dolly tgħid ir-rużarju. Kulħadd jgħid magħha.
Għada għandna ħarġa speċjali. Ġejjin ukoll iz-zija Connie u z-ziju Dward. Se mmorru Għawdex. Għalhekk il-lum telgħin norqdu aktar kmieni mis-soltu.
Mas-sebħ, f’xi l-ħamsa, diġà lbisna. In-nanna tridni mmur għand Ciscaldi, għax ordnat il-qassatat. Irridu noħduhom magħna għall-ikel. Sakemm immur, iz-zija Connie qed tlesti basket kbir bix-xorb.
L-ikel għan-nannu u z-ziju Fred jinsab lest. Kemm isaħħnuh. Jinsab mgħotti fi platt tal-plastik.
Il-private diġà ġiet. Qed inħaffu biex insibu post ħdejn xulxin. Bilkemm m’għadux id-dlam. It-triq hi twila bosta. Taqtagħli nifsi u ttellagħli l-istonku, l-aktar għax il-karozza mballata bin-nies u bl-affarijiet kollha li se jtellgħu magħhom. Saflaħħar qed nara l-baħar. Iżda jonqos x’naqdfu biex naslu l-Marfa!
Il-vapur jidher. Maġenbu hemm privates oħra b’nies li waslu qabilna. Iżda tiskanta kemm jesa’l-vapur!
Għawdex sabiħ. Se mmorru Ta’ Pinu għall-quddiesa u wara mmorru r-Rabat. Hemmhekk jarma s-Suq. Iz-zija Connie ġġorr il-basket bl-ikel u x-xorb, miegħi. Aktar hi milli jien. Iz-ziju Dward ma jissaportix qalb in-nies. Qalilna li se jaqta’ftit għal rasu u jdur għalih waħdu. Ħalliena nimxu u waqaf ikebbes il-pipa.
Hawn, it-Tokk, qisu l-Monti tal-Belt iżda ferm iżgħar. Hawn ħafna affarijiet x’tixtri. Frott kemm trid u n-nies qed jgħidu li hu orħos. In-nanna dejjem iddur id-drappijiet. U jaħasra, taf kemm għandha qatgħat fil-kxaxen? Iżda tgħid li dak li tixtri llum issibu għada. L-aqwa li jkun jogħġobha u tħallas kemm tkun trid hi.
Tgħaddi kważi siegħa. Dolly qed issejħilna għall-private. Kulħadd qed jirkeb u aħna għadna nistennew. Iz-ziju Dward ma jidhirx. Beda l-garr u kellna nitilquh l-art inkella nibqgħu aħna wkoll. Issa sejrin sax-Xlendi, għax hawn numru ta’ Maltin li jridu jgħumu. Magħhom hawn ukoll jien u z-zija Connie, li tellajna l-malji magħna.
Tul il-jum ma rajniehx iktar liz-ziju Dward, għajr xħin ġejna biex nerġgħu nitilgħu l-vapur. Kien hemm jistenniena. L-għejja fuqi hi tremenda. Kieku ninxteħet fl-art norqod.
Id-dlam beda jraxxax ġmielu. It-triq ma rajthiex, għax waqajt ċomb fil-private. Qajmuni xħin wasalna ħdejn id-dar.
In-nannu u z-ziju Fred ma kilux l-ikel li kellhom lest, għax bil-fixla z-ziju Fred saħħan kollox fuq il-Valor fil-platt tal-plastik. Issa, lanqas il-Valor ma trid tixgħel.
It-torri tal-kartun
Il-lum l-1959. Ġurnata sabiħa tas-Sibt. Miegħi id-dar hawn ħija Mario, ir-raba’ wieħed fost l-aħwa. Ġie hawn biex inaqqas l-istorbju mid-dar tal-mamà u forsi biex jien ma noqgħodx waħdi.
Jumejn ilu qgħadt nilgħab b’kaxxa tal-kartun ftit kbira. Domt ħafna ndawwar biex fl-aħħar għamilt torri tal-kartun il-ġmiel tiegħu għall-età tiegħi ta’ tmien snin. Dan it-torri hu mingħajr saqaf biex inkun nista’ ndaħħal u nċaqlaq lis-suldati tal-lastiku li għandi.
Bil-kolla waħħalt taraġ u permezz ta’ rukkell tal-ħajt, għamilt il-bieba ta’ quddiem titla’ u tinżel qisha rixtellu tat-torrijiet li naraw fil-kotba. Kemm ġieni sabiħ!
Lil ħija qed jogħġbu wkoll. Irid li ma nibqgħux nilagħbu bil-karozzi tal-landa, li bdejna nilagħbu bihom għal xi ftit ħin. Minflok, irid li nilagħbu bis-suldati. Naf għaliex! Biex jilgħabli bit-torri. Minħabba f’hekk li jien irrid nilgħab bil-karozzi. Għax nibża’ li jekk nilagħbu bit-torri, jista’ jkissirhuli.
Bil-kwiet ġbidtu fit-terrazzin. Kulma hemm jiġru barra huma t-tiġieġ. Qfilthom malajr fil-gallinar tagħhom u għalhekk it-terrazzin hu kollu għalina, biex nilagħbu fih. Fin-nofs għad fadal ftit bċejjeċ tal-ħobż, għaġin mgħolli mqatta’ rqiq, bċejjeċ tal-ħaxix u nofs ġidra, li t-tiġieġ xebgħu jnaqqru minnha.
Permezz ta’ rumnell imdawwar ma’ wara ta’ għonq ħija għal quddiem sidru u biż-żewġt itruf jgħaddu minn taħt spallejh, qed nilgħabu taż-żiemel. Jien il-kuċċier! Madankollu ma għandniex frosta biex żgur ma jweġġa’ ħadd.
Mario jiġri mhux ħażin mad-dawra kollha tat-terrazzin, iżda bħas-soltu malajr jiddejjaq. Uff! Għadu moħħu fit-torri tal-kartun!
Logħba oħra biex indawwarlu l-ħsieb. Noli! Iva. Jaqbel miegħi ukoll u nibdew nilagħbu. Biex ma jsibnix, qed jiġini f’moħħi li nidħol fil-gallinar il-kbir fejn hemm il-fniek. Il-bieb, li l-parti ta’fuq hi bil-gauze wire u l-parti ta’taħt hi tal-injam, mhux imsakkar. Minn toqba żgħira fl-injam qed nara lil Mario jdur u jfittixni fl-irkejjen kollha tat-terrazzin u wara l-affarijiet imdaqqsa li hawn. Issa rani u għamilli l-firroll. Għall-bidu taparsi m’jienix hemm ġew. Hu mhux jagħti kas.
Iżda issa, għalkemm iddejjaqt, ma nistax noħroġ minn fejn ninsab. Insejjaħlu, għalxejn. Inwerżaqlu, għalxejn. Ma jridx jiftaħli. Minn isfel mhu jismagħni ħadd. It-taħbit fuq l-injam kollu għalxejn. Il-fniek qed jitgerrxu u jinxteħtu gozz fuq xulxin. Jien maqful ġewwa u Mario jdur u jiċċaċċra, qisu mhux hu. M’għadux, la jġorr mil-logħob li nilagħbu u lanqas għax jinsab waħdu!
B’sabar kbir, b’biċċa wire li sibt ma’ guva fil-gallinar ta’ fuq, fejn hemm il-ħamiem qed nipprova niftaħ. Sa fl-aħħar jirnexxili. Mario maħsud mhux ħażin xħin jarani rrabjat. Ma rridx insawtu, iżda rrid inbeżżgħu. Għalhekk naqbad f’idi l-ġidra li hemm fl-art u nixħethielu. Bil-biża’ jersaq minn fejn hu u nolqtu fil-qarquċa ta’ widintu. Tgħidx kemm ħiereġ demm u ma jridx jieqaf. Jibda l-biki ħerqan, għax hu wkoll qed jara d-demm.
Iz-zija Connie u n-nanna Alice qed iduru b’Mario u jirrabjaw miegħi. Id-demm ma jridx jieqaf. Ma nafx x’se naqbad nagħmel għax waranofsinhar għandhom jiġu l-mamà u l-papà. Jekk id-demm jibqa’ ħiereġ żgur li ma jiħdux gost bija u l-papà jirrabja wkoll, jekk ma jsawwatnix.
Mario ma jridx jilgħab miegħi. Għadu jolfoq, bid-demm nieżel minn widintu. Fl-aħħar qed jipprova jkellimni. Irid it-torri tal-kartun. Kontra qalbi, iżda biex nevita xi xebgħa aktar tard, qtajtha li nagħtihulu u filgħaxija jtellgħu miegħu id-dar tal-mamà biex sal-għada jsir biċċiet. Min jaf kieku lgħabna bih aktar qabel kienx jibqa’ għandi, fl-istess sura li kien? Jiġi min jiġi minn ħuti għand in-nanna, żgur li ma nerġax nivvinta li nilgħab noli. U jekk ikunu jridu nilagħbu din il-logħba, żgur li ma nistaħbiex mill-ġdid fil-gallinar tal-fniek!