Jien u Ommi
Ommi Doris. Fl-età ftit iżgħar mill-papà iżda kwieta ħafna. Tħobbna wisq. Lili xi ħaġa aktar. Xħin tarani nasal għandha maz-zija Connie titlaq kollox u tiġi tilqagħni għal bewsa. Nagħtihielha bil-qalb. Tlaqt mid-dar tagħha meta kelli ħdax-il xahar.
Meta nlestu l-iskola tas-sorijiet insibha tistenna lili u lil ħija Paul barra.Xemx u xita. Meta tkun ix-xita u naslu d-dar wara l-4.00 p.m., tqabbad il-kuċiniera, tagħmlilna t-tè u l-ħobż mixwi fuqha u sakemm isiru, tbiddlilna l-bwiez. Dawn tqegħidhom bit-tromba ’l isfel maġenb il-kuċiniera biex jinxfu mill-ilma.
It-terran ma tantx għandha fejn iddur. Kamra tas-salott, kamra tas-sodda, kċina, kamra tad-WC u biċċa bitħa. Id-dar tan-nanna Nes, maġenbha hi ferm aktar kbira. Forsi għalhekk Paul aktar iħobb imur hemm. Ikollu fejn jiġri.
Bħalissa hawn għall-bejgħ gallettini żgħar ħafna tad-ditta Colussi. Kollha forom ta’ annimali. Jinxtraw f’pakketti kwadri bħal tax-Sugar Puffs. Jien u ħuti nħobbuhom ħafna. Il-mamà taħbihom għax nikluhomlha. Lili dejjem tippreferini u mhux darba u tnejn li tagħtini xi erbgħa iżjed minnhom.
Xi minndaqqiet, il-mamà, il-papà u ħuti jinżlu bil-mixi għand in-nanna Alice. Jien inkun nistenniehom fil-gallarija. Xħin jiġu nagħmlu ors. Noħorġu lkoll fit-terrazzin kbir, u waqt li joqogħdu jitkellmu, ninżel inqatta’ l-ħobż maz-zija Connie u nagħmlu speċi ta’ party. Lill-mamà naraha tieħu gost, għalkemm tkun ftit beżgħana minħabba l-ħamiem u t-tiġieġ taz-ziju Dward.
Għax il-mamà tibża’ mir-rix. Meta kienet żgħira, biex ma tibqax tieħu l-gażaża kienu għamluhielha fir-rix u ġegħluha tiġborha. Dakinhar beżgħet ubaqgħet tibża’ ħajjitha kollha. Għalhekk inħobb noqgħod ħdejha u kif naraxi ħamiema riesqa, ngerrixha. Lit-tiġieġinkun diġà qfilthom fil-gallinar.
Metal-mamà tkun se twelled xi tarbija, il-papà jinżel javża lin-nanna. Manafx biex jasal, fid-dlam, hux b’xi karozzin. In-nanna tmur għand il-mamà Jien inkun irrid immur magħha iżda hemm ma hemmx fejn, u dawn mhumiex affarijiet tat-tfal. Wara xi ġimgħa tagħmel festin ċkejken. Hi toqgħod fil-kċina u jien u Paul, għalkemm żgħar inqassmu l-kejk u xi pastini li tagħmel hi. Fit-terran ma jkollniex fejn induru. Nies kullimkien. Iżda sal-għada l-mamà tkun qaxxret kullimkien.
Ix-xiri tal-mamà jagħmlu Paul, iżda meta nkun għandha ġieli nagħmlujien. Il-lum bagħtitni għand tal-grocer. Fil-kantuniera. Nixtri u nnewwel note bookflok inħallas. Tal-ħanut tatni sitt affarijiet u niżżlet ta’ tmienja. Indunat il-mamà xħin wasalt id-dar. Mort niġri ngħidilha, iżda ma emmnitnix. Bilkemm ma ħadithiex kontra tiegħi u ta’ ommi. Iżda l-mamà
mara kwieta u ma riditx inkwiet. Allura titqanna tħallas għal affarijiet li mangħatatx. Mhux sew, iżda x’tista’ tagħmel?
Biex naraha aktar ferħana, u peress li naf li ma tantx għandha flus, nieħugost nitla’ bil-mixi, intellgħalha l-ħobża u l-bajd li kuljum tixtrilha n-nanna. Magħhom intella’ xi lapsijiet u pitazzi għal ħuti biex ikollhom huma wkoll.
Xi minndaqqiet biex ma jkollhiex storbju s-Sibt, in-nanna Alicetgħidilhabiex tibgħat lil xi ħadd minnħuti d-dar jilgħab miegħi. Drabi oħra nitla’ mal-mamà fil-clinicta’ Kana f’Santa Venera, biex tiżen xi tarbija ġdida millijkollna. Il-babiesdejjem inqegħduhom fi pramm sewda magħrufa bħala ‘tal-banju’. Fuqha għandha isem tal-fidda Pedigree.
Metajkun imissha tqqu mill-pramm u mmur jien l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun, inġibilha d-dqiqieħu l-affarijiet tal-CARE, inneħħi s-sa, żejt,butir u ġobon. Dan hu l-aqwa ġobon li qatt doqt f’ħajti. U l-mamà tifraħ bihom għax tiffranka!
It-terran m’għandhiex makna tal-ħjata. Naħseb li ma tantx taf tħit. Iżda taftinnittja u dejjem tagħmlilna l-flokkijiet tas-suf. Fix-xitwa nsibuhom tajbin ħafna, għax isaħħnu.
Awtur: Charles B. Spiteri
Jien u n-Nannu Karm

In-nannu Karm ukoll iħobbni, iżda ħej kemm jgħajjat! Allaħares tagħmel xi ħaġa bil-maqlub ta’ li jgħidlek. Madankollu ma jidgħix. Iħobb il-Knisja u fil-kamra tas-sodda għandna mudell ta’ knisja li għamel hu. Tgħidx kemm hu sabiħ. Ftit ilu nkisret il-ħġieġa ta’ quddiem u minn fuq siġġu noqgħod nilgħab bil-gandlieri u l-kalċi. Taħt l-artal hemm statwa ta’ bambin mejjet. Ġieli nneħħiħ minn postu u nħaddnu miegħi, iżda wiċċu mhux sabiħ wisq.
Lin-nannu niftakru jaħdem it-Tarzna. Fih raġel u mibrum. Dejjem b’libsa kannella rrigata rqiq. Fis-sala, fuq, f’rokna biswit il-bieb tal-gallarija għandu bagoll. Meta jiġi mix-xogħol u jitla’ fuq, niġri għal fuqu. Nagħtih bewsa u ngħidlu “benedizzjoni”. Iressaqni lejn il-bagoll. Jiftħu b’ċavetta li tkun fuqu u jagħtini ċikkulata kollha krema kulurita. Għandu kaxxa mimlija bihom. Ara kieku xi darba jħallihuli miftuħ! Għandu wkoll grossa sigaretti Consulate, li jpejjep hu.
Ftit ilu waqaf mix-xogħol u kera kamra ċkejkna bieb ma’ bieb mad-dar biex jagħmilha ħanut. Jien ngħinu ftit bl-arkett. Jgħajjat jekk ma naqtax mill-bogħod kif jgħidli hu, għax jibża li s-sega tinqasam u tiġi f’għajnejja. Ma damx ma lesta l-vetrini u s-saqaf bl-injam għat-tond. Ix-xogħol taż-żebgħa, it-tarġa u l-wiċċ tal-bank tal-irħam qed jagħmilhom il-papà. Il-ħanut qed jimtela b’ħafna ħelu u ġugarelli. Kamra minn ta’ fuq tad-dar għalaqhielu z-ziju Willie biex fiha jżomm il-ġugarelli.
Issa n-nannu Karm, flok jagħtini ċ-ċikkulata filgħaxija qed iħallini nagħżel jien filgħodu mill-ħanut. Meta filgħaxija jagħlaq il-ħanut, iġib il-flus miegħu id-dar. Wara l-ikel jitla’ fis-sala maz-ziju Willie. Fuq il-mejda tas-sala hemm żewġ sjuni sbieħ tal-ħġieġ. Jitfa’ l-flus fihom u joqogħdu jgħodduhom sittiet għalihom, soldi, tliet soldijiet, sixpenzijiet, xelini, żewġ xeliniet u tmintax irbiegħet. In-nofs lira għadha karta. Jien noqgħod narahom.
Meta niġi biex ninżel isfel, leħen in-nannu jogħla u jgħidli “ara ma taqax”. U jien nistaqsi lili nnifsi għaliex ma jgħidlix “ara taqa’”. Nhar ta’ Ġimgħa fit-tard, wara li jgħodd il-flus kollha, nieħu gost inwassal il-paga tiegħu lin-nanna. Noqgħod ngħoddhomlha. Erba’ liri u nofs.
Darbtejn f’ġimgħa jridni nlestilu friskatur tal-enamel bl-ilma bir-Radox. Xħin jasal mill-ħanut u jkun lesta l-għadd tal-flus, jinżel isfel u joqgħod bil-ħwejjeġ ta’ taħt. Dejjem bil-flanella. Sajf u xitwa. Jgħidli li fix-xitwa ssaħħan u fis-sajf tixrob l-għaraq. Kieku lili ddejjaqni fuqi. Il-friskatur nagħmilhulu taħt il-mejda u jqiegħed saqajh fih.
Għall-ikel ħadd ma jilgħablu lin-nannu. Għandu platt speċjali fil-kobor. Fond ħafna. Jekk l-ikel hu tal-imgħarfa jkun iridu mimli sax-xifer. Meta jkollu aptit ir-ravjul ikun irid lin-nanna tagħmilhom. Kull waħda daqs widna ta’ ħmar. U ma jixbax b’tużżana u nofs.
Ma’ kull ikla jniżżel flixkun inbid. Wara, jogħla fuq iż-żewġ saqajn ta’ quddiem tas-siġġu b’minkbejh fuq il-mejda u jibda jongħos. Ma’ ċertu ħin iqum biex jitla’ jorqod. Jekk tinzerta ġurnata li jkollu saqajh fl-ilma nixxuttahomlu. Jien norqod warajh, iżda fl-erbgħa tal-għada filgħodu, hu jkun ġa qam għall-gazzetti.
Mis-Sibt għall-Ħadd in-nannu jagħti day off lin-nanna. Isajjar hu. U mhux bi ksuhat. Kok mill-aqwa. Meta ngħid hekk lin-nanna, li wkoll għandha riċetti tajbin, tidher li tieħu xi ftit tal-fastidju. Iżda malajr jgħaddilha.
Man-nies, il-ħanut tan-nannu aktar hu magħruf bħala “tal-ġdid”, avolja l-ħanut jismu General Bazaar.
Awtur: Charles B. Spiteri
Jien u n-Nanna Alice
In-nanna Alice hi oħt iz-ziju Fred u z-ziju Dward. Hi l-iżgħar fosthom u tiġi l-mamà tal-mamà tiegħi. Tħobbni wisq. San-nies iħobbu jgħiduli li “tan-nanna ħelu manna”. Jien ma nagħtix kashom. Min jaf għaliex jgħiduli hekk. Forsi bi ksuhat!
In-nanna mhix twila. Pjuttost imbaċċa sew għal mal-kobor ta’ wiċċha. Xagħarha tippettnah kuljum u tirrumblah fuq biċċa lastiku sewda. Wara tgħattih b’xibka rqiqa. L-istil tgħid li hu coronation.
Nismagħhom jgħidu li hi riditni għandha peress li meta l-mamà kellha lili, ħija Paul kellu ħdax-il xahar, u sena u tliet xhur warajja kien se jitwieled ħija Italo. Għalhekk bejn għax Paul hu l-fessud tan-nannu Pawl u n-nanna Nes u bejn għax bit-tarbija l-ġdida l-mamà ma tistax tlaħħaq, ħaditni għandha l-Blata l-Bajda, n-nanna Alice.
Mhux ta’ b’xejn kulħadd jirreferi għalija bħala tan-nanna Alice u tan-nannu Karm. U anki ismi bħal tiegħu, u bħalu ma nibżax… lanqas mill-babaw. Fix-xitwa, għax fil-kmamar kbar jagħmel il-bard, norqod bejn in-nannu u n-nanna. Xi ħmar hi l-gverta, jew iż-żwiemel li qatel Napuljun biex is-suldati jorqdu fihom fir-Russja! Ikolli sħana akbar.
In-nanna ħajjata tajba. Tgħidx kemm tħitli xorti. Sa qliezet b’toqba quddiem flok kużakk u pixies biex ma niħux rih. Dawn qishom mufflers, mitnijin min-nofs fit-tul, meħjutin tul ir-ras sal-għonq, u milbusin u maqfulin taħt geddumna b’ċoff mill-kumplament tad-drapp. B’hekk, ir-ras tkun mgħottija. Qisni tal-KKK!
Meta nitlobha xi ħaġa li tiswa l-flus tibgħatni għand in-nannu biex ngħid lilu u tiskanta ftit, meta tarah qatagħli xewqti. Kull filgħaxija tridni nitla’ maz-zija Connie għand il-mamà. Qabel, tibgħatni għand Pierino tal-ħobż. Nixtri ħobża żejda biex tibgħathielha miegħi. Tagħtini wkoll xi nofs tużżana bajd.
In-nanna qisha l-Anġlu Kustodju. Dejjem trid tgħidli x’inhu t-tajjeb. “Ara li tgħid benedizzjoni lill-mamà u lill-papà, u tagħtihom bewsa kull wieħed. Toqgħodx titlob ikel, għax int tiekol minn hawn”. Kultant b’dan it-twiddib kollu qisni lanqas inkun sejjer għand il-mamà Iżda lill-mamà u lill-papà nħobbhom ukoll. Anki lil ħuti. Magħhom noqgħod nilgħab bil-ftit ġugarelli li għandhom. Ġieli nagħtihom xi suldati minn tiegħi, għax jien għandi ħafna. Lili kulħadd jixtrili, iżda lilhom ftit li xejn.
Lin-nanna Alice qed jgħidulha tibda tibgħatni l-iskola tal-Gvern u l-Mużew. L-ewwel ġiet miegħi l-iskola, wara l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun. Għax dik tas-Sorijiet spiċċajtha. Qed nibki għall-bidu. U bil-biża’ li jisimgħuni l-pulizija noqgħod kwiet.
In-nanna Alice ġejja wkoll miegħi il-Mużew. Trid bilfors tkellem lis-Superjur. Il-Mużew tridni mmur, iżda mhux jekk ikolli naqta’ xagħri rizza jew li nkun bla ingravata. Klement, is-Superjur, qed iċedilha. Ħbiebi akbar minni, qed juruni kif nagħmel l-ingravata, biex qabel nidħol il-Mużew inneħħiha u wara nerġa’ nilbisha. U n-nanna tkun kuntenta u s-Superjur ukoll!
Issa li bdejt immur din l-iskola tal-kbar xorta qed immur kuljum għand il-mamà. In-nanna dejjem tgħidli “lill-mamà ħu ħsiebha!” Ma tantx nifhimha. M’hemmx il-papà u ħuti l-oħra għal hekk?
Biex żgur nibqa’ ħabib man-nanna, immur ukoll il-quddiesa ta’ kmieni filgħodu. Jekk nonqos, tgħidli li ma tħobbnix. Għalhekk nobdiha, inkella lanqas tħitli ħwejjeġ sbieħ.
Fix-xitwa, filgħaxija noqogħdu wara l-antiporta ngħidu r-rużarju. Hi toqgħod fuq siġġu u jien fuq pultruna ċkejkna quddiemha. Lejn l-aħħar posta nqiegħed rasi fuq saqajha u norqod. Tqajjimni xħin in-nannu jkun qed jagħlaq il-ħanut, biex ikun jista’ jidħol.
Kultant, meta saqajha jkunu juġgħuha tħobb taqbad mad-dahar ta’ siġġu u timxi miegħu fuq is-saqajn ta’ wara qisha ċaqlembuta. Fil-kexxun tagħha tal-gradenza għandha kaxxa sabiħa tal-kewba. Tgħid li għamilhielha n-nannu. Minn ġewwa bil-pannu aħdar. Fiha żżomm ħafna affarijiet tad-deheb. Fil-Karnival, meta nilbes ta’ pirata nkun nixtieqha tislifni ftit, iżda ma tagħtinix, lanqas jekk nibki. Mhux għax ma tħobbnix, imma d-deheb tan-nisa, la hu għall-Karinval u lanqas għas-subien!
Awtur: Charles B. Spiteri
Dgħajjes tal-karti
Is-sema ikrah. Skur ħafna. Se tagħmel ix-xita minnmument għall-ieħor. Ma nixtieqx noħroġ nilgħab fit-terrazzin, għalkemm diġà ħriġt biex għalift lit-tiġieg, lill-fniek u lill-ħamiem.
Ġewwa, għalkemm il-kmamar huma kbar, hawn ħafna iktar sħana. U mil-logħob m’jiniex nieqes. Qed nifrex il-kotba tat-tpinġija fuq il-mejda tal-pranzu li għandna fis-sala. Noqgħod inpinġi ftit biex ikolli x’nagħmel.
F’daqqa waħda ragħda u ħoss qawwi ta’ xita nieżla. Ix-xita nħobbha u isbaħ mill-gallarija m’hawnx, fejn nista’ ngawdiha. It-triq tindaf minnkollox. Anki min-nies, li soltu telgħin u neżlin, min għax-xogħol, min għax-xirja u min għal passiġġata. Jidhru biss uħud jiġru bla għata jew b’umbrella fuq rashom.
Il-ftit karozzi li għaddejjin, jisprejjaw l-ilma li jirfsu lejn il-bankini. Fit-triq tagħna, Triq San Ġużepp fil-Blata l-Bajda, il-bankini huma għoljin u ma’ kull naħatat-triq hawn qishom gandotti maċ-ċinta tagħhom, biex l-ilma tax-xita jaqa’ malajr fihom u jmur fil-baħar.
Fil-gallarija, fejn hawn l-iskrivanija taz-ziju Fred hawn mejda ċkejkna li ġieli nagħmel il-homework fuqha. Din il-gallarija tiġi eżatt fuq il-bieb tal-ħanut tan-nannu. Filgħaxija, in-nannu Karm itella’ miegħu l-gazzetti li ma jkunx biegħ biex imbagħad jagħtihom lil raġel tal-istamperija li jiġi biex jitħallas u jieħu l-gazzetti mhux mibjugħa.
F’jum bħal dan, jien l-għors tiegħi inqatta’ paġna minndin, u oħra mill-oħra bla ma jagħtu fil-għajn. Metanqatta’ xi sitt gazzetti differenti, nintefa’ fuq il-mejda ċ-ċkejkna u nagħmel id-dgħajjes tal-karti. Tgħallimt mill-iskola kif nagħmilhom u għandi żewġ mudelli. Wieħed li d-dgħajsa tiġi kemxejn kbira u l-ieħor tiġi iżgħar bl-istess daqs ta’ karta iżda jkollha żewġ tined fuq kull tarf tad-dgħajsa.
Bħalissa n-nannu żgur ma joħroġx fil-bieb tal-ħanut, għax il-kesħa. Allura bil-mod il-mod niftaħ purtella waħda u b’saħħti kollha nixħet dgħajsa għal taħt il-bankina. Metama jiġux laġenba jkunu sbieħ ‘jaqdfu mat-tranja’ tal-gelgul tal-ilma li jkaxkar kollox mit-triq.
Imbagħad f’daqqa waħda d-dgħajsa ssib l-ewwel gandott. Iddur tnejn fil-kurrent tal-ilma u dritt għal isfel hi wkoll. Waħda waħda nitfa’ s-sitt dgħajjes. Jekk xi waħda ma tiġix fil-gelgul ta’ ilma, nitfa’ oħra u oħra u fl-aħħar noħroġ mid-dar inkiss inkiss biex inqiegħda fl-ilma jien stess.
Metajidlam, jinstama’ leħen ta’ xi ħadd ibigħ. In-nanna tittawwal mill-gallarija. Jien nittawwal ukoll. Raġel qsajjar, bil-qorq għalkemm fix-xita, jiġbed ħmar, li min-naħa tiegħu jiġbed karru bil-wiċċ mgħotti. “Min inbigħlu sfineġ, min inbigħlu bigilla”.
L-ikla tal-lejla hekk se tkun. In-nanna qed tgħidli biex immur nixtri. Sfinġa tal-bakkaljaw, tfuħ immens tliet soldi ’l waħda. B’sikpenz bigilla. timla sjuna mdaqqsa. Sakemm tagħtini l-flus u sjuna, tal-bigilla jilħaq jitbiegħed ġmielu, għax meta ma jwaqqfu ħadd biex jixtri, jibqa’ miexi jgħajjat l-għajta tal-bejgħ.
Metanixtri l-bigilla ngħidlu jitfagħli l-bżar. Dan mhux bħal tad-dar, frak fil-bott, iżda likwidu aħmar nar. Jgħiduli li hu magħmul mill-bżar aħmar. U waħdu tgħidx kemm jaħraq!
Yvonne u t-tricycle
Yvonne Fenech, tfajla tampari li toqgħod faċċata tagħna iżda qatt ma tilgħab ma’ tfal oħra, għadha kif qalgħet tricycle sabiħa ferm. Toqgħod iddur biha fuq il-bankina tagħhom li hi aktar wiesgħa minn tagħna.
Liz-ziju Willie dejjem ngħidlu biex jagħmilli waħda, għax jgħid li mhix diffiċli. Ilbieraħ qbadt miegħu, tant li dejjaqtu. Peress li l-mama’ ta’ Yvonne ġieli toqgħod tkellem lin-nanna u liz-zijiet, iz-ziju Willie talabha tisilfu t-tricycle tat-tifla biex jieħu l-mudell minn fuqha u jagħmilli waħda.
Illum waranofsinhar għandu jmur għaliha. Xħin ġie mix-xogħol erġajt semmejthielu. Kiel u flimkien sejrin għaliha. B’xorti ħażina hemm Yvonne. Naħseb li qed tinduna għal xiex morna u lili qed tħarisli bl-ikreh meta jien qed nitbissmilha.
Is-Sinjura Mer, il-mamà tagħha tidher ġejja timbotta t-tricycle mill-kamra ta’ ġewwa. Yvonne ma tridx li noħduhielha. Tipprova tiġġieled u z-ziju Willie jgħidilha li dalwaqt nagħtuhielha lura. Ma’ dan il-kliem infaqgħet tibki u s-Sinjura Mer kellha taqfilha f’kamra biex nistgħu nieħdu r-rota sad-dar.
Qed infittex karta u lapes. Iz-ziju Willie għandu rutella li qed jieħu l-qisien biha. Fuq il-karta jpinġi l-mudell u jniżżel id-daqsijiet. F’inqas minn kwarta lesta kulma kellu bżonn. Erġajna qsamna t-triq bit-tricycle. Yvonne għadha qed tibki. Tinstema’ minn barra. Miskina. Tort tiegħi. Iżda għaliex għandu jkollha tricycle hi biss?
Xħin iz-ziju Willie ċempel il-qanpiena, ġiet tiġri u l-biki waqaf. Irringrazzjajnieha u morna d-dar. Minn għada t-tricycle se tibda tinħadem. Hekk qed iwegħidni z-ziju Willie.
F’inqas minn ġimgħa għandi t-tricycle jien ukoll. Li steering miżbugħ bil-porporina lewn il-fidda u hi ħamra tgħajjat. Sal-brejkijiet għandi. Kemm jaf jaħdem iz-ziju Willie. Kemm hu bravu! Kulma jara jaf jagħmlu.
Għandi ġenn biex immur dawra biha, l-aktar issa fl-għaxijiet sajfin. Iżda n-nanna ma tridnix noħroġha barra, l-aktar għax ma tridx li jarawha t-tfal li nilgħab magħhom. Mhux biex ma jsuquhiex, iżda biex ma jwebblux lill-ġenituri tagħhom, għax mhux kulħadd jaf kif jagħmilha u z-ziju Willie mhux se joqgħod jagħmel waħda lil kulħadd.
Iz-ziju Fred iwegħidni li jekk immur tajjeb fit-tagħlim tal-iskola joħroġni ftit hu fit-tard. Għalhekk l-iskola qed noqgħod attent aktar mis-soltu. Kif nasal id-dar, l-ewwel ħaġa li nagħmel wara l-ikel hu li nlesti l-homework. Imbagħad nobdi lin-nanna billi mmur nixtrilha l-ħobż. Nitla’ maz-zija Connie s’għand il-mamà u l-papà u seba’ mitt sena biex nerġa’ lura d-dar. Madankollu ma nafx meta z-ziju Fred se jkollu l-aptit li wara l-ikel joħodni għal din id-dawra li semmieli.
Fl-aħħar il-ġurnata waslet. Wara li lestejt l-itinerarju kollu tal-jum, in-nanna qed tistaqsini l-multiplikazzjoni. Nafhom bl-amment. L-aktar tqila hi tad-disgħa. Fl-aħħar sibtilha tarfha wkoll. L-ewwel wieħed disgħa waħdu (9). Tat-tieni, n-numru wieħed quddiem u ta’ warajh wieħed inqas mid-disgħa (18). Tat-tielet, in-numru tnejn quddiem u numru inqas mit-tmienja wara (27). U tibqa’ sejjer hekk, iżżid wieħed minn ta’ quddiem u tnaqqas wieħed minn ta’ wara sad-disa’ multiplikazzjoni.
Ole’. Tajjeb wisq. Iz-ziju Fred joħroġli t-tricycle barra, naqsmu mal-faċċata l-oħra għax il-bankina usa’ u nerħulha bil-mod il-mod sal-flyover tal-Bombi. Qabel nixegħilha l-bozza bil-batterija li z-ziju Willie għamilli fin-nofs, fuq quddiem. Iz-ziju Fred iħallini nġerri ftit basta n-naħa ta’ ġewwa tal-bankina. Jien lanqas ma rrid niġri wisq biha għax għadha ġdida. Bilqiegħda fuqha, qisni qed insuq xi ħaġa kbira.
Imsieken ħuti, dal-ħin naħseb li reqdin. Min jaf kieku qegħdin miegħi! Kieku nħallihom jirkbu wara, basta s-sewwieq inkun jien! Mhux għalija għamilha z-ziju Willie?
Il-logħob tat-triq
Niltaqgħu erbat itfal, jien, Lolly Mizzi, Josette u oħtha Violet Zammit u filgħaxijiet nintasbu fuq xi tarġa tal-bieb ta’barra u noqogħdu nilagħbu flimkien. Logħob sempliċi u taħt il-ħarsien ta’min hu akbar minna.
Mhux dejjem nilagħbu l-istess logħob. Xi minn daqqiet insibu l-ġibs jew xi ġebla li tikteb. Fuq il-bankina npinġu l-passju. Naqtgħu l-morra min jibda. Min jiġi, irid jitfa’l-ġebla fuq l-ewwel numru minn disgħa. Imbagħad naqbżu l-ewwel b’żewġsaqajn; imbagħad fuq waħda; imbagħad fuq tnejn; fuq waħda; fuq tnejn; fuq waħda, u nduru u nerġgħu imorru bl-istess mod sa ma naslu mnejn inkunu bdejna. Fil-ħinijiet li nilagħbu, ma tantx jgħaddu nies minn fuq il-bankina tagħna. U meta jgħaddu, naħseb li jiggustawna nilagħbu tant, li jinżlu din l-imbierka bankina.
F’xi jiem oħra, l-aktar qrib San Martin, nilagħbu bil-ġellewż. Niffurmaw mina b’sugħajna tal-id ix-xellugija. It-tielet subgħa nqegħduh fuq is-subgħa l-werrej u fuqhom nagħmlu ġellewża. Imbagħad inferrxu xi sitt ġellewżiet oħra u nimbuttawhom bħaż-żibeġbl-id il-leminija. Fi tliet imbuttaturi, kull ġellewża mis-sitta jridu jkunu daħlu taħt il-mina mingħajr ma taqa’dik ta’fuq il-wiċċtal-id.
Logħba oħra li kienet toħdilna ftit ħin mhux ħażin kienet ‘Bum bum il-bieb’. Tnejn minna noqogħdu naħa u t-tnejn l-oħra n-naħa l-oħra. Iż-żewġpari noqogħdu id f’id u nimxu ’l quddiem u lura. L-ewwel tnejn jibdew u l-oħrajn iwieġbu vers kull wieħed: “Bum bum il-bieb, oh ġijo ġijo ġella, bum bum il-bieb oh ġijo kavallier”.
“Min ġie, min ġie, min ġie, oh ġijo ġijo ġella, min ġie, min ġie, min ġie, oh ġijo kavallier”.
“Ġie l-Paxxadore, oh ġijo ġijo ġella, ġie l-Paxxadore, oh ġijo kavallier”.
“X’irid il-Paxxadore, oh ġijo ġijo ġella, xi jrid il-Paxxadore, oh ġijo kavallier”.
“Irid tifel sabiħ, oh ġijo ġijo ġella, irid tifel sabih, oh ġijo kavallier”.
“Min huwa dan it-tifel, oh ġijo ġijo ġella, min huwa dan it-tifel, oh ġijo kavallier”.
“Hu (isemmu l-isem), oh ġijo ġijo ġella, hu (isemmu l-isem), oh ġijo kavallier”.
“X’intuh lil dat-tifel, oh ġijo ġijo ġella, x’intuh lil dan it-tifel, oh ġijo kavallier”.
“Nagħtuh (u nivvintaw xi ħaġa sabiħa), oh ġijo ġijo ġella, nagħtuh (l-oġġett), oħġijo kavallier”.
CU x’aktar għal dat-tifel oh ġijo ġijo ġella, u x’aktar għal dat-tifel oh ġijo kavallier”.
“Nagħtuh xebgħa stanga, oh ġijo ġijo ġella, nagħtuh xebgħa stanga, oh ġijo kavallier”.
U fl-aħħar tintemm bil-kliem “Ħuduh la triduh, għax aħna m’għandniex x’nambuh. L-istess logħba kienet issir għal tifla flok tifel skont il-ftehim tal-par.
Meta nkunu rridu l-kwiet nilagħbu ‘Ara ġejja l-mewt għalik’. Xi ħadd minna joqgħod bilqiegħda fuq tarġa ta’bieb b’rasu baxxuta biex ma jarax. L-oħrajn noqogħdu qaqoċċa u nkantaw flimkien. “Ara ġejja l-mewt għalik, biex tixwik, biex taqlik, ara ġejja, ara waslet, din id-daqqa min tahielek?”U wieħed minna jagħtih daqqa ħafifa.
Naturalment min ikun qala’d-daqqa jrid jaqta’min tahielu, u jekk jagħmel dan jamar penitenza lil min messu. Ġieli nivvintaw penitenza iebsa, bħal inwaqqfu lil xi ħadd biex jgħidilna l-ħin.
Logħba oħra ftit storbjuża kienet tkun ‘Iż-żunżana ddur iddur’. Tlieta minna noqogħdu kokka f’ċirku u l-ieħor jew l-oħra ddur madwarna u tlissen: “Iż-żunżana ddur iddur, fuq il-bejt tal-kaċċatur, meta tasal f’nofs ta’baħar, tagħmel paqq, paqq, pumm.”U min ikun idur, iqiegħed ġebla wara xi ħadd minna t-tlieta. Dan ikun irid jerfagħha, iqum jiġri u f’temp ta’ġirja ta’ċirku wieħed, irid imiss lil min ħallihielu warajh. Jekk le, ikollu jlissen il-kliem hu u jdur warajna flok iż-żunżana.
Meta jibda jidlam sew, Josette u Violet jidħlu d-dar tagħhom biex jorqdu. Jien u Lolly nibqgħu mqajmin u niftiehmu x’kastigi nagħtu l-għada, meta nerġgħu niltaqgħu għal-logħob.