
Lawrence Gatt twieled ir-Rabat, Malta, fit-12 ta’ Mejju 1941. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa bħala perit fl-1967. Miżżewweġ lil Agnes née Sciberras u għandhom tlitt itfal – Louiselle, Etienne u Joseph.
Ikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba fl-1971 u ġie elett. Baqa’ jiġi elett fl-erba’ elezzjonijiet li ġew wara. Hekk għal ħamsa u għoxrin sena rrappreżenta l-kostitwenti tiegħu fil-Parlament.
Għal ħdax-il sena (1976–87) kien Shadow Minister tal-Agrikoltura u Sajd. Wara l-elezzjoni tal-1987 ġie maħtur Ministru tal-Iżvilupp tal-Produzzjoni (1987–90), Ministru tal-Agrikoltura u Sajd (1990–92) u Ministru tal-Ikel, Agrikoltura u Sajd (1992–94).
Għal tlieta minn erba’ laqgħat tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-Ewropa, organizzati mill-F.A.O. ġie appuntat viċi chairman u mexxa laqgħa fit-tlitt okkażjonijiet.
Kien il-moħħ wara l-introduzzjoni tal-Akkwakultura f’Malta, it-twaqqif tal-Istitut tal-Agrikoltura fl-Università ta’ Malta kif ukoll l-introduzzjoni tad-Drip Irrigation fuq skala nazzjonali. Ġiet stabbilita wkoll it-teknika moderna tal-micropropagation, u d-Dipartiment tal-Konsumatur li kien jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu.
Lawrence Gatt ingħata l-onorefiċenza “Ġieħ il-Mosta” mill-Kunsill Lokali tal-Mosta. Kien l-ewwel President tas-Sirens Football Club ta’ San Pawl il-Baħar u żamm din il-kariga għal tmienja u għoxrin sena. Huwa membru tal-Għaqda Poeti Maltin u tal-Akkademja tal-Malti.
Il-Pubblikazzjonijiet tiegħu huma: ktieb ta’ stejjer umoristiċi, Stejjer mill-Għorfa (1996), Stejjer mill-Għorfa (2019), ġabra ta’ poeżiji Fejn Tħabbat il-Qalb, (1998), tliet rumanzi, Marlene – meta l-Qalb Tħobb (2000), Il-Ġurament tal-Ħatra (2013), Id-Dnub ma Jorqodx (2015), novelli Il-Qlugħ Aħmar u 31 Novella oħra (2016) u r-rumanzi Rabtiet (2017) u ‘Il Barra Mill-Ħabs (2022).