Description
Ir-Reġina Żabbett XIX kienet tabilħaqq anglu tas-sema. Wiċċha kien isaħħar u jġennen u jipnotizza u jimmezmerizza, jixħet f’estasi u jħawwad il-wajers ta’ kull min iħares lejh. Kellha figura li setgħet facilment rebbħitha t-titolu ta’ Britain’s Next Top Model. Il-vuċi tagħha (li fuqha ddur l-istorja kollha tagħna) kienet kapaċi xxaqqaq il-mirja u ċċempel il-linef kollha tal-pajjiż.
Żabbett kienet imżejna bid-doni kollha li tista’ toffri n-natura. Izda…izda…izda…ha-ha… dejjem ikun hemm dik l-izda! Ħadda ma jista’ jkollu kollox. Lanqas l-irġejjen! Kellha biss difett wieħed. Moħħha kien mimli bit-tiben.
U le x’jien ngħid, lanqas tiben ma kien fih. Moħħha kien vojt ghalkollox. Le, lanqas din ma tgħodd, għax kieku kien vojt, tal-anqas kien ikun mimli bl-arja. Moħħha kien vakum. Bahh. Nill. Black Hole.






