Description
Rumanz poetiku fuq l-Imnajdra li jinseġ il-ġrajja mistħajla tal-ispirtu erojku tal-Malti ħieles bi qlubitu
Temenos hija l-ġrajja mistħajla tal-bini tal-Imnajdra li tifrex il-valuri tradizzjonali li jsawru lill-eroj Malti – valuri li jgħoddu għal dejjem, ukoll għal żmienna. Wara l-bini tal-Imnajdra, issir funzjoni biex tagħti qima lill-allat. Imma waqt din il-funzjoni jinqatel Ħattar (il-qassis-mexxej tal-komunità), u mad-daqqa li toqtlu t-taqtigħa ewlenija tibda bejn Għaqli (il-protagonist fuq in-naħa tal-forzi prudenti) u Għakri (it-tirann fuq in-naħa tal-forzi egoistiċi). Il-ġrajja hija mfawra bl-azzjoni u l-avventuri, u fl-istħajjil tara (fost oħrajn):
- it-tajfa elwenija li waslet fuq dawn il-gżejjer
- x’wassal għall-bini tal-maqdes
- il-ħidma tal-bini bikri
- l-imħabba tal-eroj u martu
- it-trawwim sod tal-ulied
- il-ħsieb għall-invenzjonijiet bikrin
- iż-żjara fid-dinja ta’ taħt għall-għarfien
- il-ġlied għall-ħelsien
Hija ġrajja mwettqa bir-rikkezza espressiva u kulturali tal-ilsien Malti biex tagħti ġieħ lill-moħħ indipendenti li jfittex il-ħelsien tal-ħsieb u tal-għemil. Għax l-eroj Malti huwa l-qalbieni li, b’sidru quddiem, iħabbat wiċċu mal-ħażen: huwa l-bniedem attiv għas-sewwa li ma jaħrabx il-ħażen imma jipprova jegħlbu.
Meta naqraw il-ġrajja tal-ħaġar imtella’ maqdes nagħrfu lilna nfusna bħala ġens u allura l-ġrajja tqim l-idea tal-indipendenza u kulma tħadden f’isem il-ħelsien prudenti.