Konvinzjoni u Esperjenza

978-99932-7-497-1
Hardback

In stock

Description

Għal żmien limitat, ‘Konvinzjoni u Esperjenza’ qed jinbiegħ għall-prezz speċjali ta’ €55.

Dan il-ktieb fih mill-inqas dettalji dwar il-ħajja privata tiegħi. Fih ħafna fuq l-ideat tiegħi u ħafna iktar fuq il-ġrajja li għaddejt minnhom. Għalkemm id-deċiżjoni li nikteb dan il-ktieb hi tiegħi, u nassumi kull responsabbiltà għaliha, nista’ ngħid ukoll li kienu ħafna dawk li talbuni niktbu.

Nittama li l-ktieb ikun ta’ ġid. Jispjega għaliex ġraw ċerti fatti importanti, speċjalment dawk li fihom kont imdaħħal: it-tiġdid u t-tixrid tal-edukazzjoni f’pajjiżna, l-emendi fil-Kostituzzjoni fl-1974 u fl-1987, it-trattattivi dwar l-iskejjel u dwar il-ġid immobiljari tal-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex, l-għoti ta’ rikonoxximent xieraq lill-professjoni tal-għalliema, it-tmexxija ta’ partit fl-Oppożizzjoni, bħala uffiċjal għoli u tal-Gvern bħala ministru fil-Kabinett, kif ukoll kif żammejt ir-riedni tal-Presidenza tar-Repubblika bejn l-1994 u l-1999. Il-ktieb fih dettalji li naf jien biss jew li ftit hawn min jafhom. Xi wħud li kienu jafuhom mietu bla ma kitbuhom.

Barra milli jfisser, u jikkoreġi xi impressjonijiet żbaljati, nittama li l-ktieb jgħin għar-riflessjoni. Nittama li jkun ta’ ġid għal pajjiżna, pajjiż li tant inħobb u li għall-ġid tiegħu ddedikajt ħajti.

UGO MIFSUD BONNICI mid-Daħla tal-ktieb

UGO MIFSUD BONNICI twieled Bormla u huwa l-iżgħar fost żewġ aħwa subien. Missieru, il-Professur Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala “Il-Gross”, kien Ministru tat-Teżor u tal-Pulizija. Ugo Mifsud Bonnici ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo. Wara li temm l-istudji tiegħu fl-Università, fl-1955 huwa ggradwa bħala avukat. Kien President tas-Società Universitaria di Letteratura Italiana. F’dik il-kariga kien jieħu ħsieb l-organu ta’ kull tliet xhur, il-Malta Letteraria. Kien ukoll membru fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti (Università).

Mifsud Bonnici ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista f’Marzu tal-1966 u baqa’ jiġi dejjem elett mid-distrett tiegħu fl-elezzjonijiet li saru wara. Fl-1972, kien il-kelliem tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista għall-Edukazzjoni. Fl-1977 inħatar President tal-Kunsill Ġenerali u tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Kien irrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fit-taħditiet dwar emendi kostituzzjonali fl-1974 u fl-1987. F’Mejju tal-1987, Ugo Mifsud Bonnici nħatar Ministru tal-Edukazzjoni. Fl-1990 ġie kkonfermat fil-kariga ta’ Ministru tal-Edukazzjoni u mogħti wkoll il-portafoll tal-Intern. Wara l-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1992, inħatar Ministru tal-Edukazzjoni u tar-Riżorsi Umani. Tul is-snin li serva bħala Ministru huwa wettaq bosta riformi fil-qasam edukattiv.

Għal xi żmien fil-karriera politika tiegħu, Ugo Mifsud Bonnici mexxa l-istampa tal-Partit Nazzjonalista.

Nhar l-4 ta’ April 1994, ġie elett President ta’ Malta, kariga li qdieha b’responsabbiltà.

Ugo Mifsud Bonnici huwa miżżewweġ lil Gemma née Bianco u għandhom tlett itfal: Carmelo, Anton u Jeanne-Pia, ilkoll avukati. Carmelo huwa eks Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari. Il-Prim Imħallef Emeritu Giuseppe (Ġoġò) Mifsud Bonnici huwa ħuh. L-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici u l-eks Segretarju Parlamentari Antoine Mifsud Bonnici huma primi kuġini tiegħu.

Additional information

Weight 1200.0000 g
Dimensions 22.8 × 15.0 cm
Publisher
Pages 1302
ISBN 978-99932-7-497-1
Cover
Year of publication

Product categories and tags

SKU: 9789993274971 Categories: