Description
Dolores Gauci, karattru ewlenija fil-ktieb, tirrakkonta erbgħin sena mit-trobbija tagħha ħdejn il-baċiri u taħt l-għabra tal-faħam ta’ Tiger Bay sal-funeral ta’ ommha. Missierha Frankie hu Malti li tefa’ l-ankri f’din il-parti fqira ta’ Cardiff fl-1948, miġbud mill-mużika tal-ħwienet tax-xorb, it-tfajliet ġerrejja u l-logħob tal-azzard. Il-ħajja tiegħu ddur mal-Moonlight Café, bejta tal-Maltin u l-baħrin. Huwa raġel aħrax, imdorri fl-insularità u d-dinja tal-irġiel li trabba fiha f’Malta. Isib lil Joe Medora, Malti ieħor li bħalu jgħix fit-taħwid u l-kriminalità.
Frankie jispiċċa fixxa u jgħarraq ħajjet martu Mary u s-sitt ibniet tagħhom. Bintu Dolores tispiċċa sfigurata min-nar li jaħkem lid-dar u l-familja Gauci tmiss il-qiegħ u titkisser. Il-komunità Maltija, li tagħha hija parti, tgħaddi minn trawma. Ir-rakkont iperreċ ir-realtijiet soċjo-kulturali li sabu l-emigranti Maltin fir-Renju Unit u tiftaħ dibattitu dwar kif setgħu aġixxew għal dawn l-isfidi tul il-ħajjiet tagħhom fil-ksieħ tat-Tramuntana tal-Ewropa.