Description
Sa minn snin ilu, malli toħroġ il-purċissjoni mill-knisja konna naraw il-fratelli bil-medaljun, bix-xemgħa f’idhom libsin il-konfratija u l-muzzetta. Kull fratellanza kien ikollha l-istandarti kollha kuluri u devoti. Il-fratellanzi għandhom storja twila li mill-Ewropa nfirxet lejn Malta fejn in-nies kienu jħallsu ftit soldi biex il-fondi jitqassmu f’każi ta’ mewt, funerali, mard u ikel fost il-foqra.
Fratellanzi devozzjonali oħra twaqqfu biex jipproteġu s-snajja’ tagħhom billi jgħallmu apprentisti Maltin għax kellhom kompetizzjoni mill-barranin. Il-konsli jew uffiċjali oħra mill-fratellanza kienu joħorġu ċertifikati jew liċenzji tax-xogħol.
F’Diċembru 1979 l-Għaqda Storika ta’ Malta organiżżat il-History Week u saret wirja dwar il-fratellanzi f’Malta. dan il-ktieb huwa ġabra ta’ informazzjoni li nġabret biex saret dik il-wirja. Il-fratellanzi li għandna llum baqgħu weqfin u b’saħħithom għax qed jibdlu u jadattaw għaż-żminijiet.