
Twieled fit-18 ta’ Ottubru 1930, iben Joseph u Mary (Abela). Attenda l-iskola Stella Maris College f’Tas-Sliema u l-Gżira, St. Michael’s College for Men Teachers San Ġiljan (1950–1951), u korsijiet oħrajn. Iżżewweġ lil Salvina Bonnici, għalliema (1964). Kellhom lil Sandro (1966) u lil Graziella (1969).
Għallem f’De La Salle College, il-Birgu (1949–1950) u diversi skejjel primarji tal-gvern (1950–1964) u sekondarji u tekniċi f’Malta u Għawdex, bis-suġġetti tax-xjenza, bijoloġija, u ġeografija, u fl-iskejjel ta’ filgħaxija tal-gvern għall-bijoloġija avvanzata (1966–1979), kif ukoll filgħaxijiet f’St. Edward’s College (1968–1970). Kien lecturer f’St. Michael’s College of Education għall-għalliema (1966–1973) fejn għallem metodi għat-tagħlim tax-xjenza u l-istudji soċjali. Għallem il-bijoloġija avvanzata fl-Upper Secondary School Valletta, li wara saret in-New Lyceum G.F. Abela l-Imsida (issa l-Junior College) (1973–1978) fejn laħaq kap tad-Dipartiment tal-Bijoloġija u Assistant Kap tal-iskola (1980) minn fejn irtira fl-1991.
Kien fuq diversi boards u kumitati edukattivi u membru ta’ diversi soċjetajiet xjentifiċi barranin, u fuq ħafna kumitati kulturali lokali. Għamel xi snin president tal-Malta Geographical Society, Old Michaelian Association, Science Teachers Association, Cactus and Succulents Society of Malta, Għaqda Maltija tal-Folklor, l-ewwel president tal-Malta Ornithological Society (issa Birdlife Malta), l-International Council for Bird Preservation (Malta), il-University Biological Society, l-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes, u tan-Natural History Society of Malta li waqqaf fl-1962 u li wara saret is-Society for The Study and Conservation of Nature (S.S.C.N.) li issa magħrufa bħala Nature Trust. Għal xi snin kien fil-kumitati tal-Malta Historical Society, Din L-Art Ħelwa, Moviment tal-Malti, Malta Horticultural Society, Old Stelmarians Association, Għaqda Ħbieb tal-Presepji, Malta Folklore Society u oħrajn. Kien editur tal-Maltese Naturalist u News and Views tal-SSCN, tal-Kakti u Sukkulenti Oħra, għal xi żmien ta’ The Teacher u ta’ L-Imnara tal-Għaqda tal-Folklor.
Ipparteċipa f’diversi seminars u konferenzi. Għamel u għadu jagħmel għadd kbir ta’ xandiriet fuq ir-radju (mill-1955) u t-televixin (mill-1962). Għamel u għadu jagħmel taħditiet numerużi lil soċjetajiet kulturali, skejjel u organizzazzjonijiet oħra u korsijiet (inkluża l-Università tat-Terza Età). Kiteb mijiet ta’ artikli u kitbiet f’ħafna perjodiċi u ġurnali u organizza wirjiet dwar folklor, storja tat-trasport, storja tal-fratellanzi, vari titulari u l-istatwarji tagħhom, arti botanika, natura f’Malta, għajnuniet għat-tagħlim, eċċ. Jipparteċipa f’wirjiet ta’ presepji, mudelli ta’ knejjes u arti bix-xogħlijiet tiegħu. Juża l-mudellar, il-pittura u l-fotogafija biex jillustra l-wirjiet u x-xogħlijiet tiegħu u wkoll ta’ xi awturi oħrajn. Għal snin twal kiteb u għadu jikteb artikli edukattivi f’Is-Sagħtar, ġurnal għall-iskejjel, fosthom Id-Dizzjunarju ta’ Annimali u Ħxejjex Madwarna (1987–1995) u serje oħrajn dwar xjenza, snajja’, leġġendi, eċċ.
Fost il-kotba pubblikati tiegħu, minbarra oħrajn fl-istampa u li qed iħejji, għandu: Guide to the Flora of Malta (1955, 1960); Maltese Mammals (1969); Field Guide to The Wild Flowers of Malta (1969, 1977); Complete Guide to The Fishes of Malta (1958, 1965, 1974); Il-Ħut Madwar Malta – The Fish Around Malta (2009); Duwa u Semm fil-Ħxejjex Maltin (1975); The Fish Around Malta (1993, 1996); Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn (1993, 2000); L-Istorja tat-Trasport F’Malta (1999,2002); L-Istatwi Titulari u l-Istatwarji Tagħhom (1999); Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin (2001 (darbtejn), 2002, 2012); Mediċina Popolari tal-Imgħoddi fil-Gżejjer Maltin (2001); Xogħol, Ġaħġiħ u Snajja’ li Spiċċaw (2002, 2003); Ħajjitna fl-Imgħoddi (2004); Folklor, ġabra ta’ kitbiet minn membri tal-Għaqda Maltija tal-Folklor (edit.) (2004); Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta (2005); Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin (2006); Malta: Bejn Storja u Drawwa (2007); Nagħrfu l-Leġġendi Maltin (2008); Fjuri Slavaġ Maltin (2007); Ċajt bil-Limerikki (2008); Il-Ħut Madwar Malta / The Fish Around Malta (2009); Żwieġ, Twelid u Mewt… Drawwiet u Tradizzjonijiet (2011). Minbarra dawn għandu diversi kitbiet ma’ awturi oħra bħal: Red Data Book for The Matese Islands (1989), Flora u Fawna Ta’ Malta (1995 ), Wildlife of the Maltese Islands (1996, 2002), Mosta The Heart of Malta (1996), Naxxar, a Village and its People (2000), Ex Annalibus Mustae (2005), Ħaż-Żebbuġ, Storja, Memorja u Identità (2006), Il-Flora Maltija (2003), Ġojjin (kotba tal-iskola), eċċ.
Ingħata diversi premjijiet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (fosthom l-ewwel, it-tieni u speċjali) f’diversi okkażjonijiet, kif ukoll l-ewwel premju Poeżija bil-Malti tal-Għaqda Poeti Maltin u l-Kummissjoni Ambjent tad-Djoċesi (it-tnejn 2007). Ingħata Medalja tal-Bronż tal-Mertu mill-Konfederazzjoni tal-Kunsilli Ċiviċi (1968) u l-Medalja Għall-Qadi tar-Repubblika (M.Q.R.) (1996).