Description
Ġlormu Dingli hu tassew statwarju bil-wisq importanti fl-istorja tal-arti f’pajjiżna. Kien tassew dnub li Ġlormu beda jaħdem ix-xogħlijiet artistiċi tiegħu ta’ statwarju xi ftit jew wisq tard fil-ħajja tiegħu. Imma dan ma jnaqqas xejn mill-importanza storika-artistika ta’ dan il-personaġġ, dħuli, baħbuħ, twajjeb u ħorr.
Ġlormu Dingli kien artist ta’ żmien transitorju fl-arti statwarja Maltija. Fis-seklu li għadda, l-arti statwarja Maltija ħadet żvolta ġdida. Bdejna naraw it-tmiem tal-iżmna tal-arti Purista u t-twelid tal-arti moderna. Kien hemm iż-żmien artistiku ta’ Wistin Camilleri u beda ż-żmien artistiku ġdid li bħala ruħ tiegħu kienu ulied Wistin Camilleri, l-aħwa Camilleri Cauchi. Beda jimraħ ukoll iż-żmien tat-twelid revoluzzjonarju fl-arti, dak tal-arti moderna li huwa aktar suġġettiv, figurattiv u trid tkisser moħħok biex tifhem sewwa l-messaġġ tal-artist.
Ġlormu Dingli jista’ jitqies bħala l-aħħar statwarju tal-era Purista li jaf il-bidu tiegħu mill-moviment artistiku tan-Nazzarin. Kienu żewġ movimenti artistiċi li kienu l-antitesi tal-qawwa taż-żmien artistiku tal-Barokk. Dan il-moviment tan-Nazzarin beda fil-Ġermanja fil-bidunett tas-seklu 19. L-għejja artistika tal-Barokk donnha bdiet teżiġi armonija u kalma artistika li biha l-moħħ seta’ jogħla ‘l fuq biex jinqata’ mit-taħbit ta’ din id-dinja u jintilef f’estasi artistika li tnissel kalma, serenità u sliem fil-qalb. Fix-xogħlijiet tiegħu tant sbieħ artistikament, Ġlormu Dingli jisraq qlubna w idaħħalna f’dan iż-żmien artistiku ta’ paċi u serenità.
Nixtiequ nroddu lil Ġlormu Dingli, ġieħ u rispett artistiku mill-ikbar, li tassew jixraqlu bħala artist-statwarju li twieled l-Imqabba u għex fir-Rabat tal-Imdina li għolla bil-kbir l-arti statwarja Maltija u nissel tant ferħ u sliem fil-qlub ta’ ħafna u ħafna Maltin kif ukoll barranin.











