Description
Virus ġdid li jista’ jeqred mases ta’ nies… min se jakkwista l-formula… il-Mafja jew is-Servizzi Sigrieti Ingliżi, l-MI5?
David, xjenzat żagħżugħ Malti, meta jkun l-Università ta’ Oxford jingħaqad ma’ tim ta’ aġenti sigrieti biex jieħu sehem fil-Missjoni Sigrieta Lule. Fil-mira tagħhom hemm il-mafjuż Gianni Russo, li ma hu ħadd ħlief il-kriminal sadista Albaniż Petrit Demiri.
Ix-xjenzat li ħadem il-virus, il-famuż Li Wei, jinstab mejjet mill-Carabinieri f’Calabria, ittorturat u sfigurat. Is-suspettat ewlieni huwa Gianni Russo.
Fejn huma t-tliet microfilms, kull wieħed b’biċċa mill-formula?
Il-ġrajja twassal lit-tim f’Malta, fejn Gianni Russo ġie jiskappa mill-Carabinieri. David isib li ħuh stess, Kevin, kif ukoll ħabib tal-familja, Armando Ferrito, huma mħawda miegħu. Il-kumplikazzjonijiet jikbru meta Julia, bint Armando, tkun fil-periklu… dik Julia li l-ġenituri tat-tnejn għamlu minn kollox biex iżewġuhom. Iżda l-imħabba jsibuha ma’ ħaddieħor, b’modi mhux mistennija.







