Description
Nicholas Azzopardi qatt ma kellu ċans inaddaf ismu u ġieħu mit-tebgħa tal-allegazzjonijiet li saru kontra tiegħu. Il-każ tiegħu qatt ma wasal il-Qorti.
Jekk tifli d-dokumenti tal-Appoġġ u tal-Pulizija u tara l-mod dilettantesk u nieqes minn kull professjonalità serja dwar kif ġie trattat dan il-każ, tara li m’hemmx dubju li l-każ kontra Nicholas Azzopardi kien jaqa’ għax ma kienx hemm provi serji u bbażati fil-fatti kontra tiegħu. Il-linji gwidi li suppost jiġu osservati f’każi delikati bħal dawn ma ġewx osservati.
Minkejja t-twissija li saret minn persuni mdaħħlin fil-każ biex l-allegazzjonijiet li kienu qegħdin jagħmlu kontra xulxin il-miżżewġin fl-inkwiet jiġu mgħarblin sew għax kienu impikati ma’ xulxin, minkejja li meta jkun hemm inkwiet fiż-żwieġ, it-tfal spiss jintużaw kontra n-naħa l-oħra u jiġu anke influwenzati x’għandhom jgħidu, il-Pulizija għaġġlet tarresta lil Nicholas Azzopardi u takkużah li abbuża sesswalment minn bintu.
Fid-29 ta’ Settembru li għadda Nicholas Azzopardi kieku ċċelebra 43 sena. Min jaf kemm kien jitbissem kieku lejn il-familja tiegħu u ħbiebu. Imma llum jista’ jitbissem biss mir-ritratt żgħir li hemm fuq qabartu, il-qabar 337, fiċ-ċimiterju tan-Naxxar.