Description
Il-ktieb Il-Kuluri tal-Awtiżmu huwa l-ewwel ktieb bil-Malti li jidħol fid-dettall dwar l-awtiżmu, kundizzjoni relatata mal-iżvilupp fil-moħħ li taffettwa direttament il-perċezzjoni u l-mod kif persuna tissoċjalizza ma’ persuni oħrajn. Il-kundizzjoni tista’ tinkludi limiti f’ċerta mġiba, li tista’ twassal għal azzjonijiet ripetittivi.
Il-ktieb jippreżenta d-diversi aspetti tal-awtiżmu, biex jgħin lill-qarrej jifhem aktar din ir-realtà.
Fih 13-il kapitlu bis-sehem tal-esperti fl-awtiżmu kif ukoll ta’ ġenituri ta’ tfal li għandhom l-awtiżmu u anke individwi li għandhom l-awtiżmu huma stess.
Il-Kuluri tal-Awtiżmu huwa miktub min Dr Yanika Attard u Dr Melvin Attard b’illustrazzjonijiet ta’ Ġorġ Mallia.
Dr Yanika u Dr Melvin Attard ilhom jaħdmu fil-qasam tal-awtiżmu għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Fl-2002 huma ggradwaw fil-psikoloġija mill-Università ta’ Malta u wara bdew jaħdmu mat-tfal awtistiċi. Ftit tas-snin wara huma indirizzaw lakuna li kienet teżisti f’Malta billi stabbilixxew servizz speċjalizzat għal adoloxxenti u adulti f’Malta li jindirizza l-bżonnijiet tal-persuni awtistiċi f’perjodi differenti tal-ħajja.
Permezz tar-riċerki tagħhom Dr Yanika u Dr Melvin saħħew l-istudju fuq l-awtiżmu f’pajjiżna.
Autism