Description
Ġaħan huwa karattru letterarju u popolari li ġej mill-karattru letterarju u Għarbi, Ġoħa. Bħal Ġaħan ta’ Malta, Ġoħa huwa wkoll persuna li jagħmel ħafna kummiedji frott l-injoranza tiegħu. Kemm Ġoħa u Ġaħan ġew ippopolarizzati permezz ta’ kotba għat-tfal u f’Malta l-karattru ta’ Ġaħan evolva letterarjament permezz ta’ Francis Ebejer.
Illum, Ġaħan reġa ġie ippopolarizzat permezz ta’ Edward Żammit Lewis, eks-Ministru taħt il-gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela, meta ma’ Yorgen Fenech, għajjar lill-kostitwenti Laburisti “Ġaħan”. B’dan il-kumment, Edward Żammit Lewis probabli ried jirreferi għal dawk il-Laburisti li jużaw il-vot tagħhom għal xi pjaċir jew biex jinqdew fuq xi ħaġa. Ironikament, il-messaġġi ta’ Edward Żammit Lewis lil Yorgen Fenech jixkfu l-istess aġir Ġaħanesk ta’ Żammit Lewis hekk kif jilgħaq lil Yorgen, jgħidlu li jimmisjah u jiġġieled għall-attenzjoni tiegħu anke meta Yorgen Fenech ma jagħtix kasu. Edward Żammit Lewis kien qeigħed jagħmel eżatt bħal Ġaħan li iddeskriva hu: jilgħaq biex forsi jieħu xi ħaġa.
Jekk ħa nużaw l-istess terminoloġija tal-Prim Ministru, Robert Abela, Ġaħan ukoll irid jiġġedded. B’hekk, dan ir-rumanz iġedded lil Ġaħan li illum jismu Dustin. Huma bosta fatturi li jagħmluh lil Dustin, Ġaħan. Aljenat, għażżien, stradikat, kummidjant, u xi kultant injorant imma illum Ġaħan sar iktar intelliġenti minn qabel. Dan għaliex Ġaħan huwa rappreżentazzjoni ta’ pajjiżu u l-pajjiż inbidel u sar iktar intelliġenti imma sar iktar perikoluż, għalieh innifsu. L-istejjer ta’ Dustin huma metaforiċi u Ġaħaneski bħal meta jerda’ t-toqba ta’ sorm ta’ politikanta u dan għaliex Ġaħan minnu innifsu huwa persuna servili. L-aktar attivita favorita ta’ Ġaħan huwa li jiekol u din hija metafora għall-fatt li l-għan aħħari ta’ Dustin huwa l-konsum hekk kif jissielet biex ikollu għan iktar importanti f’ħajtu.
Dan huwa rumanz satiriku li jirrappreżenta l-Ġaħaniżmu u d-dekadenza politika taż-żminijiet tagħna. Storja ta’ Ġaħan f’pajjiż Ġaħan.
Dan huwa l-ewwel rumanz ta’ Mark Camilleri li s-soltu jikteb kotba tal-istorja. L-aħħar ktieb ta’ Mark Camilleri, “A Rent Seeker’s Paradise” kien best-seller u għadu l-best-seller lokali sal-lum.