Description
L-Għaqda Maltija tal-Folklor ilha mwaqqfa uffiċjalment mill-1964. Qabel dik is-sena kienet ġa teżisti taħt forma oħra. Fis-snin sebgħin jien kont ipproponejt fil-kumitat li nibda nieħu ħsieb pubblikazzjoni mill-Għaqda biex fiha jidhru kitbiet ta’ interess folkloristiku. Il-kumitat ta’ dak iż-żmien iddeċieda li nsemmuha L-Imnara u mill-1978, bħala editur, bdejt noħroġha darba fis-sena.
Billi s-sħubija ta’ l-Għaqda kienet dejjem baxxa u l-fondi dejjem limitati, qatt ma stajna nistampaw L-Imnara bħal perjodiċi oħrajn, imma dejjem ħriġnieha bil-mezzi kurrenti taż-żmien, għalhekk fil-bidu ħdimna bit-‘typewriter’ u d-‘duplicator’ u komplejna bil-kompjuter u l-fotokopji. Matul dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena dehru fiha għadd ġmielu ta’ kitbiet, il-biċċa l-kbira minnhom importanti sewwa għall-istudjużi tal-folklor u l-istorja soċjali tagħna. Iċ-ċirkolazzjoni ta’ L-Imnara kienet dejjem limitata għall-imseħbin biss u qatt ma nbiegħet fil-ħwienet. Għalkemm kopji jiġu depożitati fil-libreriji prinċipali ta’ Malta u Għawdex ma tintlaħaqx malajr minn kulħadd.
Dejjem kellna -xewqa li xi darba joħroġ ktieb b’għażla ta’ kitbiet mill-membri tagħna imma qatt ma stajna. Id-diretturi tal-Klabb Kotba Maltin urew apprezzament u interess fil-kitbiet validi li minn żmien għal żmien ħarġu f‘L-Imnara u ġentilment offrew li jippubblikaw silta minnhom f’għamla ta’ ktieb biex jilħqu aktar lill-qarrejja u l-istudjużi f’dan il-qasam.
Guido Lanfranco
mill-introduzzjoni tal-ktieb






