Għandi ħbieb ġodda. Maġenbna ġiet familja kbira, ta’ Baldacchino. Il-missier għandu t-teatru Radio City f’idejh u hemm jintwerew films sbieħ. Meta jkun hemm xi film tassew tajjeb ġieli mmur man-nanna jew maz-zija Connie. Niftakar sew Marcellino… pane e vino u ieħor tal-biża’ ta’ Dracula, fejn xi xbejbiet li ġew jarawh, ħarġu għax beżgħu u dħakt bihom.
Fil-familja Baldacchino hawn żewġ subien tad-daqs tiegħi fl-età. Wieħed jismu Herbert u l-ieħor Dennis. Filgħaxija joħorġu jilagħbu magħna wkoll fuq il-bankina.
Huma għandhom gallarija waħda. Aħna għandna tnejn u waħda minnhom tiġi maġenb tagħhom. Nhar ta’ Sibt filgħodu, għax ma jkollniex skola, ma nitħallewx noħorġu nilagħbu barra, minħabba li jkunu jridu jgħaddu n-nies mix-xiri. Għalhekk niftħu t-twieqi tal-ġenb tal-gallariji, noħorġu kartuna doppja minn tieqa għall-oħra u noqogħdu nilagħbu ludo, snakes and ladders u kultant xi logħba draughts.
Ġieli, kemm Herbert kif ukoll Dennis, jiġu d-dar tagħna biex nilagħbu ġewwa flimkien. Dejjem nispiċċaw niġġieldu xi ftit. Jekk mhux jien magħhom — huma bejniethom. Iżda din il-ħbiberija qed tissarrafli f’wiri ta’ films tal-cowboys, indjani u tas-suldati, bla ma nħallas. Nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar, Herbert jiġi għalija fis-2 p.m., xi ħadd jaqsmilna u flimkien immorru r-Radio City naraw il-film li jkun hemm. Tas-2 p.m. dejjem ikun tajjeb għat-tfal.
El Cid hu l-iktar film li għoġobni u li rajt flimkien ma’ Herbert. Meta nilgħab bis-suldati dejjem nagħżel storja fuq il-karattri tal-films li nara. Tant, li għandi s-suldati tal-lastiku li minn wiċċhom tinduna li huma l-kattivi, waqt li oħrajn dejjem huma l-eroj.
Wara kull film, jien u Herbert noħorġu niġru u naqbżu, taparsi aħna s-suldati li nkunu għadna kif rajna fuq il-liżar il-kbir. Fit-teatru niltaqa’ wkoll ma’ ħbieb tiegħi fl-iskola, li wkoll jispiċċaw l-artisti wara l-film. U l-effett tant ikun qawwi, li bħal għada, fil-ħin tar-rikreazzjoni, norganizzaw il-gruppi u niġru qalb it-tfal biex mill-bitħa tal-iskola noħolqu spettaklu ġdid ta’ film, li mhux kulħadd jifhem.
Illum ma nistax ngħid li jien spiċċajt l-eroj. Anzi. Min jaf x’se jgħiduli n-nanna u n-nannu xħin jarawni d-dar. Ir-reċta tal-film li rajna l-bieraħ, ta’ suldati jiġru kontra l-għedewwa swietli ħażin. Naturalment, jien u ħbiebi tal-iskola lkoll konna l-eroj waqt il-break it-twil, minkejja li konna grupp kontra ieħor.
Biex ma ninqabadx mis-suldati kontra tiegħi, nidħol niġri fil-kurituri u f’kantuniera minnhom insib student ikbar minnhi ġej mid-direzzjoni opposta u naħbtu b’mod li geddumu jidħol f’għajni l-leminija. Lanqas naf li ġabruni mill-art u daħħluni fil-klassi. Xħin ġejt f’sessija nsib li l-iskola ġiet iz-zija Connie. L-għajn ix-xellugija nista’ nara minnha. L-oħra nbexxaqha bi tbatija.
L-istorbju u l-għajjat fid-dar ma jonqosx, u żgur ma kienx ta’ xejn. Ħarsa fil-mera nista’ narali għajnejja l-leminija hi bluna u minfuħa qisha ballun. Min ixarrabhieli bl-ilma kiesaħ u min irid jgħaddili biċċa tajjara bil-misħun. Ma rridx niftaħ ħalqi, għax jgħarrali.
Il-lejl għadda. Dalgħodu qomt aqwa! Għajnejja demmgħatli u swiedet. Ma nista’ niftaħha b’xejn. Min jaf kif jarani l-papà x’se jagħmilli! Daqshekk logħob tal-artist, l-aktar fl-iskola. Nispera li din il-wegħda nżommha! It-taparsi El Cid li kelli f’moħħi u li suppost kont jien, spiċċa ħażin! Għandi ġimgħa ’l bogħod mill-bank tal-iskola! Iz-zija Connie tiela’ u nieżla biex takkwistali l-homework. Miskina!

Hi ħajja differenti li fis-sajf ikollok post ħdejn il-baħar. U bħalissa hekk qed nagħmlu. Qed noqogħdu Buġibba għas-sajf. Il-papà jibqa’ ġewwa, għax ix-xemx u l-baħar ma jħobbhomx u jien u ħuti, mal-mamà u n-nanna ninżlu ħdejn il-baħar.
Moħħ iz-ziju Willie jaħdem mhux ħażin. Minħabba f’dawn il-problemi naturali ħaseb għal speċi ta’ WC privat li kull xħin xi ħadd jużah imur ibattlu. Naturalment l-aktar li jaqa’ dan ix-xogħol ikun fuqi, fuq ħija Paul u forsi tnejn oħra li mhumiex ċkejknin wisq.
Matul il-ġimgħa, hekk kif bħalissa; fil-jiem xitwin, nirritorna mill-iskola primarja ta’ wara l-Għassa tal-Pulizija, tal-Ħamrun, fl-erbgħa ta’ filgħaxija, spiss insib lin-nanna Alice tħit il-ħwejjeġ. Il-membri tal-familja tagħna lkoll nilbsu minntaħt idejn in-nanna Alice.
In-nuna hi s-soru. Hekk hi t-tifsira għaż-żmien li għadni ċkejken – fis-snin ħamsin. Il-ġenituri, li jixtiequ jaraw lil uliedhom jitħalltu minn kmieni ma’tfal oħra, jibagħtuhom f’dawn l-iskejjel tas-sorijiet.




Għandi kollox lest għal għada. Mill-ħanut, in-nannu tani lapes kollu kuluri, qisu qawsalla, gomma, temprina, kaxxa tal-injam għal-lapsijiet u riga tal-pied, tal-injam ukoll. Maz-zija Connie se mmur nixtri bagalja tal-kartun mingħand Mrs. Grech, li għandha ħanut taż-żraben bejn il-ħanut ta’Toni ta’ Balalu u t-titotla, ftit ’il fuq mir-Radio City iżda man-naħa tagħna. Almenu anki minn dan il-ħanut għandi l-għażla għall-kulur tal-bagalja. L-isbaħ hi dik kannella skura, lewn il-karozza tal-logħob, tal-landa. li ftit ilu xtrali z-ziju Fred, u li timxi billi ndawrilha l-ħabel bħal tal-arloġġ.
L-iskola, għalkemm mhix ‘il-kbira’, mhix żgħira. Fiha tliet bibien. Deħlin minn dak tan-nofs. Quddiemna bitħa ferm ikbar mill-passaġġ tal-ġnien tas-Sorijiet, iżda fl-ewwel kamra li dħalna, l-uffiċċju hu tal-injam isfar maħmuġ. Fil-ġenb, vetrina kbira mimlija kotba. Flok ħġieġ hemm wire bħal tat-tiġieġ.





















