Jingħad li l-ewwel sistema tas-servizz tar-radju f’Malta waslet lejn l-1935-37. Kienu jkunu radjijiet kbar, li toqgħod iddawwar bosta buttuni biex taqleb l-istazzjonijiet – meta tkun xortik tajba.
In-nannu Karm għandu radju minn dawn fis-sala. Jinsab f’biċċa għamara sabiħa. Isfel qishom saqajn ta’ mejda skulturata, imbagħad fuqhom kaxxa li tinfetaħ minn quddiem b’bieba “shutter”, li tinħeba fuq ġewwa meta tinfetaħ. Imbagħad fuq din, bħal niċċa kollha skultura u ħġieġ mal-erba’ naħat, li fiha hemm statwa kbira ta’ San Publiju.
Meta n-nannu jiġi biex jixgħel ir-radju ma tantx jieħu gost bija ħdejh, iżda jien nissaħħar narah idawwar buttun u filli tisma’ t-textix, u filli l-kliem bl-Ingliż jew bit-Taljan. Wara ftit, jerġa’ jniżżel ix-“shutter” u jagħlqu biċ-ċavetta, biex ħadd ma jiftħu.
Issa resqin lejn is-snin sittin. Bdew deħlin it-“transistor radio”. Ġuvni jaħdem mal-Gvern, li nafuh bħala Pollacco (aktarx kunjomu) jgħaddi kuljum mill-Blata l-Bajda b’wieħed fuq spalltu jew taħt abtu, u minnu tinstema’ mużika tal-mument. Bosta tfal, xħin jarawh jibdew isejħulu “Pullakku, Pullakku”, u hu jirrabja magħhom.
Maz-zija Connie għandi rabta qawwija. Mhux darba u tnejn li dak li nitlobha, meta tkun tista’, tixtrihuli. Ġieli tixtrili karozzi tal-Corgi, mingħand Ramiro Debono Ross, ħajjat fil-kantuniera bejn Triq il-Kbira San Ġużepp u Triq it-Trinità Mqaddsa; ġieli xi suldati tal-plastik jew xi ktieb Classic mingħand Ġovanna, li għandha ħanut fi Triq Irjali ma’ Triq San Tomaso. Il-Classics, huma dwar personalitajiet li baqgħu jissemmew. L-aktar li jogħġobni hu dak fuq Benvenuto Cellini skultur, pittur mużiċist u ħaddiem id-deheb, li għex fl-1500.
Issa, l-aktar ħaġa tal-moda fostna hi li jkollok transistor radio ċkejken, li joqgħod fil-but. F’temp ta’ ftit żmien, is-suq qed jimtela bihom. Auntie Connie llum wegħditni li jekk nobdi u naqdiha, xi darba tixtrili wieħed.
Dalgħodu s-Sibt, u qomt imħejji biex nagħmel ħafna xogħol. Mort nixtri mingħand tal-laħam u tal-ħaxix. Ġibt il-ħobż mingħand Pierino u ħsilt l-art.
Wara nofsinhar, għal xi s-6.30 p.m. Auntie Connie ħierġa bħas-soltu. Iddum sa xi d-9.00 jew id-9.30p.m.
Fis-sajf, jien, in-nanna Aliceu z-ziju Fred noħorġu s-siġġijiet fuq il-bankina u ġieli narawha ġejja. Illum tidher ferħana.
Daħlet u telgħet tbiddel ħwejjiġha. Issa niżlet b’kaxxa żgħira f’idha u newlithieli. Għandi ġenn biex niftaħha u narax’fiha.
L-għaġeb tal-għoġbijiet jinżel fuqi hekk kif f’dik il-kaxxa nsib transistor radio ċkejken ta’ lewn aħmar sabiħ. Qed turini kif inħaddmu. Xejn speċjali. Żewġ buttuniet, mhux bħal tan-nannu Karm, u qed naqbad l-istazzjonijiet ferm qablu. In-nanna u z-ziju Fred iħarsu skantati.
Intir fuq Auntie Connie u nimlieha bil-bews. Wegħda oħra li wettqitha miegħi.
Issa sar il-ħin għall-irqad. Telgħin fuq, iżda lili n-nagħas tarli. Ir-radju qed jisraqhuli. Hekk kif qed nisma’ lil kulħadd jonħor, niftaħ ir-radju baxx u nisma’ ħafna mill-istazzjonijiet li qed ixandru. L-aktar li hawn stazzjonijiet huma bit-Taljan.
Mas-siegħa u nofs ta’ filgħodu, in-nagħas qed jagħmel bija u r-raqda qed noħodha bir-radju mixgħul!
Drajt maz-ziju Dward, niġbor il-fdal tal-ikel biex nitimgħuh lill-annimali li għandna d-dar, fit-terrazzin. Iz-ziju Dward għandu sabar kbir. Jiġbor kollox fuq il-mejda ż-żgħira maġenb il-bitħa, joħroġ wiċċ ta’ landa tal-kunserva mill-kexxun tas-side-board, iqiegħed il-fdal ftit ftit fuq l-għatu, u bil-paċenzja kollha u bil-mus tiegħu joqgħod iqatta’ kollox f’biċċiet irqaq, biex ikun jista’ jiekol kulħadd – il-ħamiem, it-tiġieġ, il-flieles u l-fniek.
Xi ħlew. Ħamiema mara ċċeklem fl-art tnaqqar. Ħamiema raġel ittir għal ħdejha. Ma jimpurtahomx li jien u zijuwi qed narawhom u nissindikawlhom il-mod ta’mħabbithom. M’hemmx ittri bejniethom. Sempliċiment ir-raġel jibda jbarqam. Għonqu jikber u l-ħawsla wkoll. Denbu jinfetaħ bħal imrewħa, jiknes it-trabijiet tal-art. Jekk il-ħamiema ma tiħux grazzja mar-raġel, ittir. Jekk taqbel għall-imħabba, tibda ddur bla ma tinqata’ mill-art. Fl-aħħar ir-raġel jirfsilha denbha u jitla’ fuq daharha.

Is-sena 1959. Bdiet dieħla l-kumdità fid-dar. Il-bieraħ mingħand Ġorġ il-Pintley, in-nanna xtrat 
Kull tant żmien, xorta mmur għand Ġorġ biex lin-nanna nixtrilha l-ftejjel tal-Valor. Biex nibdel waħda, naqla’ l-parti ta’ fuq, inħoll il-ħadida li żżomm il-ftila fit-tond – bħal tal-lampi tal-pitrolju – u bil-kalma nneħħi l-ftila l-qadima u nagħmel il-ġdida minflokha.
Is-Sir Abela hu differenti minn għalliema oħra. Għalija, fid-dehra nqisu bħala gwerrier Ruman. Għajnejh jinfdu, u kulħadd joqgħod kwiet għandu, għax jgħajjat daqsxejn. Iżda kontra l-għalliema l-oħra, lit-tfal tiegħu joħroġhom kuljum għal nofs siegħa taħriġ fiżiku.
Xi jiem ilu ħadna l-Ġonna ta’ San Anton. Kien hemm ftit nies, iduru mal-annimali fil-gaġeġ kbar, l-aktar turisti xjuħ. F’passaġġ minnhom, fejn hemm qisha gazebo ta’ l-injam b’xi bankijiet, waqafna nieklu l-lunch. Imbagħad is-Sir qagħad jirrakkuntalna l-istorja ta’ Treasure Island. Kulħadd attent li ma jitlifx xi biċċa importanti mill-istorja, li kienet inqatgħet ħesrem xħin wasal għalina s-sewwieq tal-private.
Sewwasew fil-kantuniera l-oħra fi Triq Irjali, kif taqbeż ir-Radio City, lejn il-Ħamrun, qabel ma titla’ l-isqaq għall-forn tal-Bażikk, hemm ħanut ċkejken ferm – toqba kollox, li r-raġel xwejjaħ li jkun fih, Ġanni, jaqli u jbigħ l-imqaret tat-tamal. Imqaret, li fietla u mhux jaħarqu, joħolqulek benna tal-għaġeb fil-ħalq.
Il-bigilla tkun qisha f’kaldarun fejn tinżamm sħuna. Meta n-nanna tibgħatni nixtri b’xi sold, jaqbad karta strazza, jagħmilha forma ta’ lembut u jitfagħli fiha. Imbagħad ikollu flixkun b’likwidu aħmar – aktarx bżar aħmar misħuq u miżjud b’xi żejt — u jferrixli fuq il-bigilla. Appena jitfa’ l-bigilla fil-lembut u qabel ma jitfagħli l-bżar, jagħlaq il-kaldarun bl-għatu.