Sammy Meilaq

altSammy Meilaq twieled Bormla fid-9 ta’ April 1949.  Attenda l-iskola primarja ta’ Bormla mnejn għadda għall-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo u ta’ 14-il sena temm b’suċċess il-Form Five.  Meta kellu 16-il sena daħal fuq il-bank tax-xogħol fit-Tarzna ta’ Malta bħala apprendista fis-sengħa ta’ shipwright.  Kien hawn fejn l-għaqda ta’ bejn il-ħaddiema ġabitu wiċċ imb wiċċ mat-trejdunjoniżmu u mill-ewwel issieħeb fil-General Workers Union.  Meta t-tmexxija tat-Tarzna għaddiet għal għand il-ħaddiema, Sammy Meilaq ikkontesta u ġie elett regolarment fil-Kunsill tat-Tmexxija bejn l-1975 u l-1997.  Għal tnax-il sena sħaħ, mill-1985 sal-1997, huwa kien iċ-Ċhairman tat-Tarzna fl-istess waqt li baqa’ fix-xogħol tiegħu ta’ shipwright u jinżel jaħdem fil-baċiri.  Fil-ħajja politika tiegħu, Sammy kien attiv fi ħdan il-Partit Laburista.  Huwa kien elett fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Malta Labour Party mill-1985 sal-1997.  Huwa serva wkoll fil-Bord tal-Viġilanza u Dixxiplina tal-Partit mill-1988 sal-1992.

Fis-sena 2006 huwa nħatar President tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU u baqa’ f’din il-kariga sal-2010 meta laħaq l-età tal-irtirar mix-xogħol mit-Tarzna.  Illum huwa President Onorarju tal-istess taqsima.

Sammy huwa awtur ta’ diversi essays u artikli ta’ xeħta politika u trejdunjonistika li ġew ippubblikati u mxandra mill-media lokali.

Sammy huwa magħruf sewwa bħala segwaċi ferventi u ħabib mill-qrib tal-eks-Mexxej Laburista, il-Perit Dom Mintoff.

Sammy Meilaq huwa miżżewweġ lil Elizabeth neè Camilleri u għandhom żewġt itfal, Lara u Samuel.