Joseph Vella

altJoseph Vella twieled fl-1967 u attenda l-Iskola Primarja tal-Istat, Raħal il-Ġdid; imbagħad il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, ir-Rabat. Studja fl-Università ta’ Malta mnejn kiseb Grad ta’ Baċellerat Ġenerali, Grad ta’ Baċellerat bl-Unuri bit-teżi L-ilsien Malti fil-Gazzetti tal-Emigranti Maltin tal-Eġittu; u Maġisteru fl-Arti, permezz tat-teżi Proposta għaż-Żamma u l-Iżvilupp tal-Vokabularju Tekniku f’Qasam Magħżul (Il-Ġeografija).

Għallem il-Malti fi Skola Sekondarja tal-Istat, Santa Venera; fl-Iskola Post-Sekondarja Giovanni Curmi, in-Naxxar; u bħalissa huwa Lekċerer Anzjan fil-Kulleġġ Minuri Ġ.F. Abela, l-Imsida; fejn ħoloq u huwa l-koordintaur tal-‘Klabb għall-Qari u l-
Kitba bil-Malti’, klabb li jħeġġeġ u jippromwovi l-qari u l-kitba fost l-istudenti.

Huwa membru tal-Akkademja tal-Malti, tal-Għaqda tal-Malti Università, u tal-Geography Teachers Association (Malta).

Xi poeżiji u novelli minn tiegħu ġew ippubblikati f’antoloġiji varji jew dehru f’ġurnali lokali, waqt li kitbiet oħra minn tiegħu nġiebu f’rivisti akkademiċi. Huwa koeditur ta’ Fjammi (2004), antoloġija ta’ novelli u poeżiji tal-istudenti li kien jgħallem il-GCHSS in-Naxxar; huwa l-awtur tal-ktieb Studju dwar il-Monografija ta’ Marija Grech Ganado (2014), u preżentement għandu fil-proċess finali tal-pubblikazzjoni r-rumanz storiku, L-Eroj Li Ma Kienx – Il-Ġrajja ta’ Suldat Malti fil-Gwerra l-Kbira, xogħol li fost ħwejjeġ oħra jikkommemora għeluq l-ewwel ċentinarju tal-bidu tal-gwerra msemmija.

Joseph Vella joqgħod Ħal Luqa; miżżewweġ lil Michelle, u missier Isaac u Daniel.