Jennifer Spagnol

altMinn mindu tgħallmet il-maġija tal-qari, Jennifer bdiet taqra ktieb wara l-ieħor u minn hemm bdiet il-ħajra tagħha għall-kitba.
Imwielda Birkirkara, Malta, ir-raba’ minn ħames aħwa, Jennifer kellha trobbija sabiħa. Toqgħod il-Birgu u hija miżżewġa lil Emanuel u għandhom żewġ subien, David u Johann.
Jennifer Spagnol tikteb stejjer kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar, u tikteb ukoll il-poeżiji. Fl-2006 kitbet il-lirika għall-poema sinfonika bl-isem Karba, iddedikata lill-ġenituri tagħha Andrew u Margaret Cortis, li għaliha r-raġel tagħha Emanuel ikkompona l-mużika, fejn ġiet milqugħa b’akklamazzjoni kbira. Fl-2012 ippubblikat l-ewwel ktieb tagħha bl-isem ta’ Ġabra ta’ Novelli, u fl-2015 ippubblikat tliet kotba tat-tfal bejn is-seba’ snin u l-għaxar snin bl-isem ta’ Avventura fi Żmien il-Milied, Il-Pittura Maġika u L-Arloġġ tal-Futur, b’dawn l-aħħar tnejn se jitkomplew permezz ta’ stejjer li ser joħorġu fil-futur qarib. Fis-sena 2016 storja minn tagħha ġiet magħżula mill-Aġenzija Nazzjonali tal-litteriżmu u ġiet ippubblikata f’Big Book għall-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja għat-tieni sena bl-isem ta’ Fenegriż u l-Għalqa tal-Karrotti. Fl-istess sena ħarġet ktieb bil-lingwa Ingliża Love Never Dies.
Jennifer kisbet diploma fin-‘Novel Writing’ mis-Centre of Excellence ta’ Londra, u bħalissa qiegħda tistudja għal diploma oħra, din id-darba fil-kitba ta’ stejjer għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Jennifer l-hena tagħha taqra l-istejjer għat-tfal. Fix-xahar ta’ Frar 2016 ġiet mistiedna mill-iskola primarja ta’ Ħal Lija biex tmur taqra xi stejjer lill-klassijiet tal-Kinder 2. Għal dawn l-aħħar xhur ħadmet mat-tfal ta’ tliet snin fi skola privata fejn kienet taqralhom ħafna stejjer.
Jennifer Spagnol għadha tikteb l-istejjer u beħsiebha tibqa’ tikteb. Fil-fatt bħalissa qiegħda tikteb rumanz, apparti aktar stejjer qosra għat-tfal u poeżiji.