Description
Qabel jerfa’ mill-kitba, Kilin, xtaq jiġbor fi ktieb wieħed l-aħjar novelli tiegħu.
L-ewwel waħda fost il-ħamsa u għxrin f’dan il-volum kitibha bl-Ingliż aktar minn erbgħin sena ilu meta kien marid u t-tifkiriet tal-gwerra kienu għadhom friski. Kien għadu ma ħolomx li xi darba jikteb bil-Malti. L-aħħar waġda hi adattament ta’ reċta li kiteb għall-iskola ta’ l-Imsida, dehra ta’ kif ħaseb li kien dak ir-raħal ċkejken u ħelu tas-sajjieda u tal-villeġġanti fis-snin għoxrin. Reċta li qatt ma nħadmet għax kien fiha għadd kbir iżżejjed ta’ persunaġġi.
Bejniethom hemm stejjer meħudin mis-seba’ lwien tal-qawsalla tal-ħajja. Bħalma jista’ jixhed minn qara kitbiet oħra tiegħu. Kilin il-ħajja jħobbha kollha, bil-ħelu u bil-morr tagħha. Din il-firxa ta’ interess tidher f’dawn l-istejjer. Ix-xena m’hix dejjem Malta. Uħud mill-ġrajjiet huma fl-Awstralja, l-Amerika, u f’pajjiżi Ewropej. Naqraw ġrajjiet tal-lum u oħrajn f’sekli oħra. Ġrajjiet ta’ mħabba tenera u oħrajn ta’ mibegħda. Uħud miktubin bi tbissima, oħrajn b’qilla. Uħud idilliċi, u oħrajn mhux biss ħorox iżda saħansitra makabri.
L-istess varjetà tidher fil-persunaġġi, għax hemm minn kollox: xjuħ u żgħażagħ, qaddisin u kriminali, ċajtiera u m’humiex. Fi ftit kliem in-nies li nħabbtu wiċċna magħhom kuljum.
Kilin hu l-uomo qualunque. Dawn huma stampi mid-dinja tiegħu, li hi d-dinja tiegħek. Għandek mnejn fihom tiltaqa’ miegħek innifsek.


